Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #3849 Sitting 60 1999-02-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Dawl fit-toroq

Question

Peress li l-bdiewa residenti fl-inħawi ta' Farmhouse Wied il-Bużbież (Spring) l-Imtaħleb, l/o Rabat, Malta jenħtieġu li jiddawwal ir-razzett tagħhom ħalli jkollhom aktar sigurta' bħal bdiewa oħra fl-inħawi, jista' l-Ministru jawtorizza li jsiru x-xogħlijiet neċessarji, cioe' japprova li tiġi stallata bozza? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Leg 9 PQ #3906 Sitting 60 1999-02-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Organizzazzjonijiet Nazzjonali Sportivi

Question

Peress li talbiet ta' l-Organizzazzjonijiet Nazzjonali Sportivi tas-sewqan tal-muturi u karozzi off hand sabiex żgħażagħ taħt it-18-il sena jitħarġu u jipparteċipaw f'ċerti kategoriji ta' dixxiplina sportiva tas-sewqan li jorganizzaw l-istess organizzazzjonijiet sabiex jedukaw aħjar lil dawn l-atleti fis-sewqan, għandhom pendenti, jista' l-Ministr jikkonsidra mill-ġdid l-appell tiegħi li għamilt f'Seduta Nru. 44 ċioe' sabiex jitwaqqaf kumitat interministerjali bejn l-Ministru ta' l-Edukazzjoni, ta' l-Intern, ta' l-ambjent u eċċ ħalli tiġi stabilita policy guidelines dwar dan l-isport hekk popolari fil-gżejjer tagħna?

Response (GALEA, LOUIS)

L-ewwelnett għadni qed nistenna tagħrif dwar it-talbiet imsemmija stante li ninsab informat li mill-5 ta' Settembru 'l hawn id-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport ma jidhirx li rċieva xi talba minn Organizzazzjonijiet Nazzjonali Sportivi sabiex żgħażagħ taħt it-18-il sena jitħarrġu u jipparteċipaw f'ċerti kategoriji ta' dixxiplini tas-sewqan. Tlabt ukoll li ningħata parir dwar is-suġġeriment ta' l-Onor. Membru.

PTA — Trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk ir-rotot il-ġodda li se jiġu estiżi din is-sena sabiex it-trasport pubbliku jkun aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini? Liema huma dawk il-villaġġi rurali f'Malta u f'Għawdex li qed jitolbu li jkollhom aċċess ta' trasport pubbliku u x'qed isir mill-ministeru sabiex tiġi mistħarġa din is-sitwazzjoni? X'inhuma l-possibbilitajiet li tiġi rimedjata din il-problema?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li qed jittieħdu passi biex l-eserċizzju msemmi mill-Onor. Interpellant ikun jista` jsir. Ta` min jirrimarka li f`dawn l-aħħar sentejn ftit li xejn sar xogħol biex ikun magħaruf x`għandu jsir biex it-trasport pubbliku jiġi organizzat u b`hekk ikun aktar aċċessibli għall-pubbliku.

Madliena — Dawl fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jara li jitwaħħlu dwal pubbliċi f'dawn it-toroq fil-Madliena peress li huma mudlana u b'periklu għar-residenti: Triq il-Prekursur, Triq Zejni u Triq il-Hummejr? Meta se jitwaħħlu dawn id-dwal?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.

Servizz Pubbliku — Sickleave

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu fl-erba' xhur li għaddew biex jiġi mrażżan l-abbuż li jsir mis-sick leave mill-impjegati tas-Servizz Pubbliku? X'passi hemm maħsuba biex jittieħdu kontra dan l-abbuż li jispiċċa biex inġustament jagħti isem ħażin lis-Servizz Pubbliku kollu, inkluż lil dawk li jaħdmu b'mod eżemplari?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob l-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Prim Ministru minħabba li s-Servizz Pubbliku jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu. 3.2.99
Leg 9 PQ #4009 Sitting 60 1999-02-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Wied Għomor

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi hemm maħsuba biex dak li fadal minn Wied Għomor jiġi protett u riabilitat biex ikun jista' jitgawda?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi t-Taqsima tax-Xogħlijiet qed tagħmel studju biex jiġi stabbilit l-aħjar mod li bih il-Wied jista' jiġi protett minn aktar ħsara u fl-istess ħin ikun hemm żvilupp pożittiv sabiex il-Wied jibda jintuża għall-finijiet ta' rekreazzjoni minn nies ta' l-inħawi. F'dan il-kuntest it-Taqsima tax-Xogħlijiet qed ikollha diskussjonijiet ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar dan il-proġett.

Anzjani — Djar għall-anzjani - Laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat mal-Knisja dwar id-djar għall-anzjani? Min ħa sehem f'dawn il-laqgħat? X'ġie deċiż f'dawn il-laqgħat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Politika Soċjali kellu xi laqgħa informali mal-Knisja dwar id-djar għall-anzjani. F'dawn il-laqgħat ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni. 3.2.99
Leg 9 PQ #4011 Sitting 60 1999-02-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Operaturi ekonomiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm operaturi ekonomiċi li ddeċidew li ma jidħlux fis-sistema tal-VAT? F'liema qasam ta' attivita' ekonomika huma f'kull każ? Kemm minnhom huma part-timers? Kemm minnhom huma self-employed?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta` operaturi ekonomici li sal-21 ta` Jannar, 1999, ddeċidew li ma jidħlux fis-sistema tal-VAT huwa ta` 11,251. Dawn huma mqassmin f`attivitajiet ekonomiċi differenti kif jidher fid-dokument li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Minn dawn 4,983 huma part-timers, imbagħad 9,863 huma sole proprietors.

Port Users Advisory Committee

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Port Users Advisory Committee? Kemm-il darba ltaqa' minn mindu twaqqaf dan il-kumitat? X'xogħol għamel dan il-kumitat s'issa? X'rakkmandazzjonijiet għamel? Kemm intlaqgħu minnhom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li bħalissa il-`Port Users Advisory Committee` mhuwiex kostitwit. Dan il-Ministeru qiegħed attivament jikkonsidra li dan il-kumitat jerġa jiġi rikostitwit. Il-Kumitat kien twaqqaf f`Lulju ta` l-1992 u kien jikkonsisti minn A. Micallef Attard (Chairman), P. Abela, M. Anastasi, L. A. Cuschieri, J. Debono, K. Gollcher, Chev J. Parnis England, J. Scorey, A. Borg u G. Scerri (membri) u A. Caruana (Segretarju). Il-Kumitat reġa ġie appuntat fl-1993 u wara ma reġax ġie mwaqqaf. Matul il-perjodu msemmi il-Kumitat iltaqa` sitt darbiet. Fost ir-rakkomandazzjonijiet li kien għamel il-kumitat insibu wħud dwar l-operat f`Xatt il-Laboratorju dwar is-sigurta`, il-ħtieġa ta` makkinarju ġdid u dwar ċerti prattiċi tal-port. F`dawn l-aħħar snin l-Awtorita` Marittima waqfet sezzjoni responsabbli mis-sigurta`. Twaqqfu wkoll `Working Groups` bl-iskop li jiġu faċilitati ċerti proċeduri tal-port. Bħalissa qed isiru l-preparamenti meħtieġa biex dan il-kumitat jerġa jitwaqqaf.
Leg 9 PQ #4121 Sitting 60 1999-02-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma rapporti li dehru fil-ġurnal "KullĦadd" li l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament mal-bidla fil-gvern ingħatat karozza tad-dipartiment tas-saħħa meta dan lanqas huwa mpjegat tal-gvern u lanqas għandu xi forma ta' kuntratt mal-gvern? Jikkonferma l-Ministru rapporti li dehru fil-ġurnali li se tinħoloq vakanza għal transport officer for the ambulance garage proprju biex tinqeda din il-persuna?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-persuna li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant kienet tagħti s-servizzi tagħha fil-'garage' ta' l-ambulanzi tad-Dipartiment tas-Saħħa matul l-aħħar seba' xhur ta' qabel l-elezzjoni tal-1996 u kompliet tagħmel dan għal erbgħatax il-xahar matul l-amministrazzjoni preċedenti. Minħabba diffikultajiet li bħalissa jeżistu f'dan il-'garage' l-'Operations Manager' u l- 'Purchasing Officer' talbu transfer, ta' l-ewwel minħabba li qed jiġi kontinwament mhedded. L-'Assistant Manager' reġa' mar fid-Dipartiment tiegħu u l- 'Assistant Operations Manager' irtira mis-servizz. F'dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli, l-persuna msemmija ġiet mitluba tgħin l-amministrazzjoni ta' dan il-'garage'. Ix-xogħol rikjest minnha jeħtieġ l-użu ta' karozza u minħabba li fil-passat il-karozza ta' din il-persuna ġiet vandalizzata, id-Dipartiment flok poġġa karozza bid-'driver' għad-disposizzjoni tiegħu tah l-użu ta' karozza li jsuq hu stess. Din il-persuna mhux qed titħallas tas-servizz li qed tagħti. Id-diviżżjoni tas-Saħħa mhu se toħloq ebda vakanza għal 'Transport Officer for the Ambulance Garage'.
Leg 9 PQ #4122 Sitting 60 1999-02-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Qtil ta' Shqaqi

Question

Fid-dawl ta' rapporti li dehru fl-istampa, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx żviluppi x'tirrapporta dwar il-qtil ta' Shqaqi li kien sar f'Malta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant huwa suġġett ta' inkjesta maġisterjali u l-investigazzjonijiet dwaru għadhom għaddejjin. Għaldaqstant, ma huwiex opportun li tingħata xi nformazzjoni dwar dan il-każ. 03.02.99
Leg 9 PQ #4139 Sitting 60 1999-02-03 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Pjan lokali — Nofsinhar ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar minnu l-pjan lokali għan-nofsinhar ta' Malta li kien tfassal mill-kumitat immexxi mill-Perit Bianco? X'inhuma l-pjanijiet tal-gvern fir-rigward ta' dan il-pjan?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-pjan lokali għan-nofs in-nhar ta' Malta sejjer jiġi riattivat biex jitwettqu numru ta' inizjattivi li ġew identifikati u li ser ikunu ta' benefiċċju għal dan ir-reġjun. Biex dan il-pjan jirnexxi, il-Gvern għandu l-intenzjoni li jinvolvi sew dawk il-ministeri li b'mod dirett jew indirett għandhom x'jaqsmu mal-proposti tal-pjan, filwaqt li ser tkompli tissaħħaħ ir-rappreżentanza tal-kunsill lokali fit-twettiq ta' dan il-pjan.

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'kemm titnaqqas il-pensjoni ta' min qiegħed f'dar ta' l-anzjani tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-anzjani fid-djar tal-gvern jikkontribwixxu sittin fil-mija tad-dħul kollu tagħhom fis-sena. Din il-kontribuzzjoni ma tistax taqbeż l-Lm1,460 fis-sena. Għaldaqstant m'hemmx rata fissa ta' tnaqqis mill-Pensjoni. Meta resident jidħol f'San Vinċenz, jibda jitnaqqaslu 40% mill-pensjoni tas-Sigurta' Soċjali tiegħu. Dan jinkludi wkoll il-bonus. 3.2.99

Servizzi Soċjali — Homehelp

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex l-anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament ġie rifjutat s-servizz tal-homehelp minn CSA?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni li hija konfidenzjali tingħata biss jekk ikun hemm il-permess tal-persuna konċernata. Normalment, id-deċiżjoni tittieħed għaliex mir-rapport tas-social worker ikun jidher li l-persuna tkun "fully independent" u għalhekk ma jkolliex il-ħtieġa ta' Home Help. 3.2.99
Leg 9 PQ #4142 Sitting 60 1999-02-03 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Ground

Question

Peress li f'risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 3413, il-Ministru ta' l-Edukazzjoni qal li x-xogħol fuq il-ground ta' l-iskola primarja ta' Bormla kellu jitlesta fi żmien tliet ġimgħat, imbagħad f'risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 3419 l-għada, il-Ministru qal li x-xogħol kien sospiż minħabba talba mid-direttur tad-Dipartiment tal-Bini u Inġinerija, jista' l-Ministru jiċċara ftit x'inhi l-pożizzjoni dwar dan il-ground li tħalla nofs leħja minn dan il-gvern wara li kien inbeda minn Gvern Laburista fis-sajf li għadda?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li t-talba biex jiġi sospiż ix-xogħol saret permezz ta' ittra bid-data 7 ta' Jannar 1999. Riċentament kien hemm żviluppi ġodda dwar l-implimentazzjoni tal-proġett ta' pjazza Santa Margerita Bormla. Hu mistenni li l-ewwel fażi tax-xogħol fuq din il-pjazza jinbeda fi żmien qasir. L-ittra biex jieqaf ix-xogħol intbagħtet għax parti mix-xogħol li sar u kien qed isir ma kienx fi qbil strett mal-pjanti għall-ewwel fażi tal-proġett tal-pjazza ta' Santa Margerita liema pjanti kienu approvati mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Dan il-permess kien jimponi li jsir ġibjun kbir għall-ilma tax-xita, u kien instab li l-post idejali biex dan jinbena, kien taħt il-ground tal-football li jifforma parti mill-ġnien.
Leg 9 PQ #4143 Sitting 60 1999-02-03 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Pjazza Sta. Margherita - Proġett

Question

Peress li d-dar għall-anzjani f'Bormla tinsab fi stadju avvanzat, jista' l-Ministru jgħid x'sar u x'se jsir mill-proġett imwiegħed fi Pjazza Santa Margherita, Bormla?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi peress li dan hu proġett ta' ċerta entita', hemm ħsieb li xogħol fuq dan il-proġett ikun maqsum fi tlett fażijiet. Ix-xogħol fuq l-ewwel fażi sejjer ikun ikkonċentrat viċin id-Dar għall-Anzjani u sejjer jibda fil-ġimgħat li ġejjin.

Djar — Tiswijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet it-talba tal-persuni li joqogħdu fl-indirizz li qed nibgħat separatament sabiex isir xi xogħol fil-flat tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar ser jagħti priorita'lit-talba ta' dawn l-inkwilini. Nissuġġerixxi li l-inkwilini issa għandhom isegwu t-talba tagħhom direttament mad-Dipartiment. 3.2.99
Leg 9 PQ #4167 Sitting 60 1999-02-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Barriera ta' Wied il-Għomor

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'konsiderazzjoni qegħda tagħti l-Awtorita' ta' l-Ippjanar lill-fatt li l-estensjoni proposta tal-barriera ta' Wied il-Għomor tista' tkun ta' periklu għar-residenti ta' Victoria Gardens, Ta' l-Ibraġġ, Tas-Swieqi u ta' San Gwann?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar bħalissa għandha quddiema applikazzjoni minn sid il-barriera sabiex jestendi l-istess barriera fid-direzzjoni ta' Victorita Gardens. Din l-applikazzjoni ġiet sottomessa lill-Awtorita' wara li s-sid kien twaqqaf mill-istess Awtorita' milli jestendi l-barriera llegalment. L-applikazzjoni (PA 6163/97) hija suġġetta għall-Environment Impact Assessment (EIA) li qiegħed jiġi ppreparat minn konsulenti ndipendenti. It-terms of reference għall-EIA jinkludu, fost affarijiet oħra, l-impatt soċjali tal-barriera. Qabel ma' jiġi konkluż l-EIA għas-sodisfazzjon ta' l-Awtorita' u tad-Dipartiment ta' l-Ambjent, din l-applikazzjoni ma tistax tkompli tiġi pproċessata. Sadanittant is-sid jista' jopera fil-parti tal-barriera koperta bil-liċenzja viġenti tal-pulizija. 03.02.99

Anzjani — Dħul fl-Isptar Zammit Clapp

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 904, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-każ ta' l-individwu in kwestjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Każ ta' din il-persuna ġie mistħarreġ u tqegħdet fil-lista ta' priorita', iżda sfortunatament ġejt infurmat li l-persuna ġiet nieqsa f'dawn l-aħħar ġranet. 3.2.99