Jista' l-Ministru jgħid meta ħarġu l-aħħar applikazzjonijiet għal Pharmacy Technicians fis-settur tas-Saħħa?
Kemm applikaw biex jidħlu fis-settur governattiv?
Min kienu?
Meta applikaw?
Meta saru l-interviews?
Meta ġew ippubblikati r-riżultati?
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4228, jista' l-Prim Ministru jgħid meta l-PSC approvat li t-tliet senior principals li fl-aħħar jiem ingħataw l-appointment ta' Assistant Principal Radiographers, jingħataw l-appointment ta' Assistant Principal Radiographers?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku għamlet ir-rakkomandazzjoni biex it-tliet persuni msemmija jingħataw l-appointment ta’ Assistant Principal Radiographers fl-1 ta’ Diċembru 1998.
Fid-dawl ta' dak li jgħid il-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista u fid-dawl tad-diskriminazzjoni li kienet saret mill-gvern preċedenti, x'inhi l-pożizzjoni tal-bandisti ta' l-Orkestra Nazzjonali?
Wara Ottubru 1999, meta jiskadi l-kuntratt tagħhom dawn il-bandisti, x'se jsir minnhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Bħalissa qed nikkonsidra l-kwestjoni kollha ta' l-Orkestra Nazzjonali u nittama li fil-ġranet li ġejjin nibda npoġġi f'posthom miżuri li fuq firxa ta' żmien jagħtu bażi u qafas aħjar għal din l-Orkestra.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid meta hemm il-ħsieb li tiġi ffurmata Triq il-Minzell, fiż-Żejtun għaliex minkejja li din hi abitata għadha fi stat diżastruż tant li n-nies qed ikollhom jgħaddu minn triq privata?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qed jipprepara biex joħroġ sejħa għal offerti għax-xogħlijiet indikati mill-Onor. Interpellant, meta jiġi assigurat li x-xogħol ta` servizzi jkun lest.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 3974 u ċioe' jista' ġentilment jara għaliex Triq San Girgor, Żejtun (b'mod partikolari fuq in-naħa tal-lemin) għadha maqlugħa sal-lum u ilha hekk minn Settembru?
X'jista' jsir biex din il-bankina li tiġi wżata minn għadd ta' residenti u anzjani ma tibqax fl-istat li hi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli huma korpi statutorji ta` gvern lokali u fil-qadi tal-funzjonijiet, jaġixxu skond il-prioritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-kunsill tal-lokalita` billi l-funzjoni li qed jirreferi għaliha, fil-fatt hija waħda mir-responsabbiltajiet tal-Kunsilli.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li Portes Des Bombes m'għadux floodlit? Għaliex monument bħal dan jitħalla mingħajr dawl u fuq kollox konsegwenza ta' hekk jista' jkun hemm periklu għat-traffiku?
Jista' l-Ministru jordna li jittieħdu passi sabiex jiġi nforzat id-dawl fi Triq Sindku P. Vella, Ħaż-Żebbuġ, partikolarment minn ħdejn "Camler" għall-kumplamentt ta' l-area madwar, peress li diversi familji f'din it-triq qegħdin isofru inkonvenjenzi minħabba d-dawl baxx li jista' jagħmel ħsara lill-apparat domestiku?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li bħalissa l-Korporazzjoni Enemalta qed tagħmel l-istimi neċessarji sabiex it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Jista' l-Ministru jara li fil-kontrada tal-Papa, Birżebbuġia, fil-parti li qegħda tiġi mnaddfa u mħammla sabiex jiġu kkostruwiti diversi units, jara li tiġi allokata parti għal ħwienet u outlets oħra simili peress illi din l-area hija sprovista minn kull servizz domestiku simili?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kif, meta u b'liema mod se jibda: (a) jiġi miljorat; (b) jiġi assigurat; u (ċ) jitjieb u jitwal is-servizz tat-trasport pubbliku minn u lejn l-kontrada tal-Papa f'Birżebbuġia peress illi jirriżulta li dan is-servizz f'din in-naħa ftit jew xejn qed iservi l-iskop li ġew maħluqa għalih?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s-servizz ta` karozzi tal-linja via l-inħawi magħrufa Tal-Papa f`Birżebbuġa kien inbeda fuq bażi sperimentali fl-1995. Għalkemm għadu jopera sa llum, f`Settembru ta` l-1997 tnaqqsu l-vjaġġi peress li s-servizz ftit li xejn kien jintuża. Ma jidhirx li d-domanda għal dan is-servizz żdiedet minn dak iż-żmien `l hawn. Madanakollu ser nieħu l-passi neċessarji biex l-Awtorita` tat-Trasport Pubbkliku tinvestiga wkoll din it-talba.
Jista' l-Ministru jgħid fejn huwa maħsub li jiġi riservat bħala green area u żviluppat f'recreational area, fil-Kontrada tal-Papa, Birżebbuġia peress illi jidher li mhux se jitħalla spazju għall-iżvoġġ tat-tfal?
Jista' l-Ministru jgħid meta tali xogħlijiet fuq tali spazju se jibdew?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jara li Triq Wied il-Buni, f'Birżebbuġia tiġi mdawla peress li jidher li d-dipartiment konċernat m'għandux interess li jsolvi din il-problema?
B'riferenza għall-mistoqsija oħra preċedenti li kienet akkompanjata minn ittra miktuba u ffirmata mill-istess individwu indikat u fformat f'ittra li qed tintbagħat separatament. Jista' l-Ministru jiċċara l-pożizzjoni peress illi jidher ċar li xi ħadd, u żgur mhux il-bnieden hawn ffirmat peress illi hu personalment kien jaħdem fl-istess dipartiment u allura jaf il-proċedura sew, qiegħed jirrapporta b'mod skorrett l-informazzjoni f'din il-kwestjoni?
Jista' l-Ministru jinvestiga dan il-każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Irrid nagħmilha ċara li billi xi ħadd jindika post vojt lid-Dipartiment tad-Djar, dan ma jfissirx li jkun rebaħ lotterija. Il-post jiġi allokat skond il-bżonn u mhux skond min ikun l-ewwel wieħed li jiskopri post vojt.
Barra minn dan, lanqas ma hu aċċettabbli li żewġ inkwilini jinnegozjaw ma xulxin dwar bdil ta' postijiet lill-Gvern.
8.2.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk l-eluf ta' familji li bħalissa qegħdin igawdu mill-iskema ta' sussidju fuq ħlas ta' kontijiet ta' dawl u l-ilma humiex se jkomplu jgawdu minn din l-iskema?
Kemm hu n-numru ta' familji li llum igawdu minn din l-iskema?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-dritt għas-sussidju fuq ħlas ta' kontijiet tad-dawl u l-ilma huwa regolat minn Avviżi Legali li jinħarġu mill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi u għalhekk, l-Onor. Interpellant huwa ġentilment mitlub li jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi.
08.02.99
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li s-seduta tat-28 ta' Ottubru, 1998 ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanr, li kienet qegħda tiltaqa' għall-aħħar darba ltaqgħet fil-pubbliku? Jista' l-Ministru jikkonferma li din l-aħħar seduta kellha ssir fil-magħluq?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill Onorevoli Interpellant għall-Art 13 (5) ta` l-Att dwar l-Ippjanar ta` l-Iżvilupp u għall-Art 8 ta` l-ewwel skeda ta` l-istess Att li jistipula meta laqgħa tal-Bord tinżamm fil-pubbliku.
Ninsab infurmat li l-Bord ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ma ltaqax fit-28 ta` Ottubru, 1998. L-aħħar laqgħa tal-Bord il-qadim saret fit-2 ta` Ottubru, 1998, li matulha ġew approvati l-minuti tal-laqgħa ta` qabel, u dan qabel ma l-Bord aġġorna sine die.
08.02.99
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar il-bini bla permess ta' kamra li tinsab fil-korsa tal-Marsa u li tagħti ġo Racecourse Street, Marsa quddiem London Yard?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li appena s-Sezzjoni ta' l-Infurzar ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar saret taf bl-iżvilupp in kwestjoni, inħareġ Stop and Enforcement Notice (ECF 23/99) fil-15 ta' Jannar, 1999, liema Avviż ġie servut direttament lil persuna nkarigata minn dan ix-xogħol. Sussegwentement, l-istess persuna ssottomettiet applikazzjoni (PA 356/99) sabiex tissanzjona dan l-iżvilupp.
Is-Sezzjoni ta' l-Infurzar dwar l-Ippjanar ser tibqa' ssegwi l-każ sakemm jiġi eżawrit il-proċess kollu skond il-Liġi.
08.02.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4078, jista' l-Ministru jgħid jekk il-fatt li ma kienx hemm karta ta'l-eżami, jista' ikun hemm xi abbuż, aktar u aktar wara li ħareġ ir-rapport dwar il-Matsec fejn ġie suġġerit titjib?
Min kien responsabbli għal dan il-kors u allura għal dan it-test?
X'passi ttieħdu sabiex ħaġa bħal din ma terġax tiġri u jekk hux se jkun hemm konsegwenzi għal min għamel dan it-test?
Response (GALEA, LOUIS)
Naħseb li l-Onor. Membru jaf li l-lecturer responsabbli għal dan l-unita' ta' studju, u allura għal dan it-test, kien ir-Reverendu George Deguara. filwaqt li ma nistax nifhem x'abbuż jista' jimmaġina l-Onor. Interpellant, ir-rapport dwar il-Matsec m'għandu l-ebda rilevanza għal dan il-każ. Nerġa nirreferi għar-risposta li tajt għall-mistoqsija Nru 4078. Fil-każ ta' test l-Universita' issostni li m' hemm xejn straordinarju li lecturer jiddetta l-mistoqsija. Għalhekk jien infurmat li la ttieħdu passi u lanqas ma hemm il-ħsieb li jittieħdu passi sabiex ħaġa bħal din ma terġax tiġri, anzi mhux eskluż li darb'oħra xi test ieħor jingħata bl-istess mod. Dan peress li la hemm regolament li jipprojbixxi li dan isir u lanqas ma hemm lok li jkun hemm xi regolament jew provvediment ieħor li jipprojbixxi lil lecturer li jiddetta mistoqsija ta' test.
Jista' l-Ministru jikkonferma li t-tlugħ tal-poloz tal-final tal-President's Cup li se ssir fl-14 ta' Frar, 1999 fil-Marsa Race Course, se jitilgħu fuq l-istazzjoni televiżi tal-PN?
Fuq liema kriterju ġie magħżul dan l-istazzjon u min kien responsabbli għal din id-deċiżjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Marsa Racing Club iddeċieda li jagħti d-dritt tat-tlugħ tal-poloz tal-final tal-President's Cup lin-NET TV minħabba li dan hu l-uniku stazzjon televiżiv li qiegħed jagħti trasmissjonijiet diretti tal-programmi tat-tiġrijiet. Informat ukoll li dan kien l-uniku stazzjon li għamel talba biex ixandar dawn il-poloz diretti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-istock books tal-bolli, stationery u postal orders tas-sena 1998 tal-Victoria BPO u tax-Xagħra BPO, Għawdex għadhomx jeżistu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-istock books tal-bolli, stationery u postal orders tas-sena 1998 tal-fergħat imsemmija, jinsabu għand l-Account Holders ta' l-istess fergħat.