Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar — Mellieħa, Ta' Pirellu - Petizzjoni

Question

B'riferenza għal petizzjoni mressqa mir-residenti ta' Blk A, Ta' Pirellu, Mellieħa, jista' l-Ministru jinformana bis-sitwazzjoni u cioe' l-iżviluppi tal-każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tlabt li ningħata l-informazzjoni kollha relevanti biex niddeċidi x'għandu jsir. 08.02.99
Leg 9 PQ #3961 Sitting 61 1999-02-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Importazzjoni — Ħass

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'konsultazzjonijiet/laqgħat saru bejn id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura, l-koperattivi u l-għaqdiet tal-bdiewa sabiex ittieħdet id-deċiżjoni li 18,000 tunnellata ħass jiġu importati b'eżenzjoni ta' 35c il-kilo? Meta saru dawn il-konsultazzjonijiet/laqgħat u min kien preżenti mill-koperattivi u għaqdiet tal-bdiewa?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

DOI — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm u hemm preżentement impjegati ġewwa d-Dipartiment ta' l-Informazzjoni (DOI) tul dawn l-aħħar ħames snin u jista' jindika jekk minnhom kienx hemm min kien bi grad universitarju?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.
Leg 9 PQ #4013 Sitting 61 1999-02-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tat-Turiżmu

Turiżmu — Kumitat interministerjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid min se jkun jipparteċipa fil-kumitat interministerjali dwar it-turiżmu? Kemm se jkun qed jiltaqa' regolarment? Iltaqa' s'issa? X'ġie deċiż?

Response (REFALO, MICHAEL)

Il-Kumitat Interministerjali huwa magħmul minn dawn l-uffiċjali: Is-Sur Louis Naudi Segretarju Permanenti fil-Ministeru tat-Turiżmu [Chairman] Is-Sur Paul Mifsud Segretarju Permanenti fil-Ministeru ta' l-Ambjent Is-Sur Josie Brincat Assistent Kummissarju tal-Pulizija Is-Sur Joseph Portelli Direttur (Projects and Development), Ministeru għal Għawdex Is-Sur Victor Rizzo A/Direttur, (Kunsilli Lokali) Is-Sur Joe Borg Viċi President Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Is-Sur Joe Vella Assistent Personali tal-Ministru għat- Trasport u Komunikazzjoni Is-Sur Anthony Pace A/Direttur (Mużewijiet) Is-Sur Joseph Magro Conti Awtorita' ta' l-Ippjanar Is-Sur Antoine Schembri Assistent Direttur (Turiżmu) [Segretarju] Il-Kumitat iltaqa' l-ewwel darba fit-12 ta' Jannar 1999 u jiltaqa' darba fil-ġimgħa u aktar jekk ikun hemm ħtieġa. S'issa ltaqa' tliet darbiet. Jiena nfurmat li bħalissa l-Kumitat l-aktar li qed jaħdem huwa dwar il-'beach cleaning' u dwar it-tindif ta' miżbliet f'inħawi prominenti.

Bormla — Kappella tal-Konservatorju

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema stadju waslet il-Kappella tal-Konservatorju ġewwa Bormla u cioe' jekk kemm-il darba hijiex se tinfetaħ kif stabilit jew inqalgħax xi dewmien imprevist?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ix-xogħol fil-kappella tal-Konservatorju ġewwa Bormla huwa fi stat avvanzat u hemm il-ħsieb li din tkun lesta fi żmien sitt ġimgħat oħra. 8.2.99

Bormla — Job Centre

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema stadju wasal il-ftuħ ta' l-hekk imsejjaħ Job Centre f'Bormla, proġett ta' Gvern Nazzjonalista, u ċioe' jekk kemm-il darba hux se jinfetaħ kif stabilit jew inqalgħax x'intopp imprevist?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Wara li saret sejħa pubblika għall-tenders sabiex jiġi re-furbished il-post, il-kuntrattur li ġie assenjat lilu l-proġett beda x-xogħol minnufih. Sakemm ma jinqalgħux xi ntoppi imprevvisti ir-Regional Job Centre ta' Bormla għandu jibda jiffunzjona fil-bidu ta' April ta' din is-sena. 8.2.99
Leg 9 PQ #4105 Sitting 61 1999-02-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tat-Taxxi Interni — Arretrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi beda jieħu d-dipartiment tat-taxxi interni biex jiġbor is-Lm6 miljun arretrati li għandhom jagħtu kumpanniji privati bħala kontribuzzjonijiet tas-sigurta' soċjali? Kemm hemm kumpanniji b'kollox li għandhom jagħtu dawn l-arretrati?

Response (DALLI, JOHN)

Id-dipartiment tat-Taxxi Interni ha r-responsabilita` tal-ġbir tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurta` soċjali mill-1 ta` Jannar 1998. L-arretrati mis-sidien (privati jew kumpanniji privati) ġew mitluba permezz ta` demand letters tliet darbiet matul l-1998. Demand Letter oħra għal arretrati ser tintbgħat fi Frar biex tkopri arretrati li baqa` għall-1998. Dan ser isir f`din id-data peress li l-pagamenti ta` Diċembru 1998 jmiss li jsir sa l-aħħar ta` Jannar 1999. Dan ifisser li għall-1998 l-enforcement sar fuq medja ta` kull tliet xhur. Għall-1999 qed jinkiteb software biex is-sistema awtomatikament toħroġ reminder kull xahar għal dawk il-pagamenti li ma jkunx saru x-xahar ta` qabel. Dan ir-reminder ikollu s-somma stmata li trid titħallas ul-penali relattiva. Dawk li jħaddmu irreġistrati taħt numru uniku u jistgħu ikunu kemm sidien privati kif ukoll kumpanniji.
Leg 9 PQ #4106 Sitting 61 1999-02-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Supply kindergarten assistants

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn intbagħtu jaħdmu t-48 supply kindergarten assistants li bdew ix-xogħol fuqhom fil-25 ta' Jannar, 1999? Kemm tfal bi bżonnijiet speċjali qed jilħqu dawn it-48? Għad fadal tfal bi bżonnijiet speċjali li għadhom ma bdewx l-iskola din is-sena għax m'għandhomx assistenza?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn 48 supply kindergarten assistants li ntbagħtu mat-tfal bi bżonnijiet speċjali fil-25 ta' Jannar 1999: 8 irrifjutaw ix-xogħol 1 waiting list 39 l'oħra ġew ippustjati f'dawn l-iskejjel: B'Bugia 'A' Primary School B'Kara 'A' Primary School B'Kara 'B' Primary School Dingli Primary School Fgura 'A' Primary School Gżira Primary School Ħamrun School Street Primary School Ħamrun Vincenzo Buġeja 'A' Primary School Kirkop Primary School Lija Primary School Mosta 'A' Primary School Mqabba Primary School Msida Primary School Paola 'A' Primary School Paola 'B' Primary School Pembroke primary School Pieta' Primary School Qormi St Goerge 'A' Primary School Qrendi Primary School Rabat 'A' Primary School Safi Primary School San Ġwann 'A' Primary School San Ġwann 'B' Primary School St Julian's Primary School St Paul's Bay Primary School St Venera 'A' Primary School Tarxien 'A' Primary School Xgħajra Primary School Cospicua Girls' Secondary School Paola Boys' Secondary School Qrendi Visually Impaired Dawn is-supply kindergarten assistant qed jieħdu ħsieb 44 tfal. Minn dawk it-tfal li sa issa irċevejna rapport mill-iStatementing Board hemm tifel wieħed (KG) li għad ma jistax jidħol l-iskola għax is-supply Kindergarten Assistant li ntbgħatet biex tgħin li dan it-tifel irrifjutat ix-xogħol u ma hemm ħadd iżjed li jista' jintbgħat. Id-Diviżjoni bdiet il-proċess biex toħroġ sejħa għal supply kindergarten assistants.
Leg 9 PQ #4107 Sitting 61 1999-02-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Mdina Rehabilitation Committee

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu jwaqqaf l-Imdina Rehabilitation Committee? Se jitwaqqaf matul l-1999? X'riżorsi hemm allokati għalih? Min se jkun ir-rappreżentant fuqu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Dan il-Kumitat se jitwaqqaf din is-sena, ur-riżorsi allokati għalih jammontaw għal Lm200,000.
Leg 9 PQ #4108 Sitting 61 1999-02-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużewijiet — Proġetti

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti li matul l-1999 se jkunu qed jimpenjaw ir-riżorsi umani u finanzjarji tad-dipartiment tal-mużewijiet? X'se tkun in-nefqa f'kull proġett? F'liema stadju ta' twettiq jinsabu dawn il-proġetti u f'liema stadju se jkunu waslu sa l-aħħar ta' l-1999?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-proġetti huma dawn li se nsemmi: 1. National Museum of Archeology Lm115,603 2. Hypogeum Lm 16,292 3. Maritime Museum Lm 960 4. Għar Dalam Lm 24,886 5. Fine Arts Lm 11,000 6. Ħaġar Qim u Mnajdra Lm 17,000 7. Ethnography Museum Lm 16,300 8. War Museum Lm 10,000 9. Caravaggio Project Lm 8,000 10. Bighi Restoration Centre Lm180,000 11. Ticketing System Lm100,000 Il-proġetti bin-numri 3, 5, 7, 8 u 11 jinsabu fl-istadju tal-bidu, in-numri 1, 6 u 10 qgħedin f'nofs il-proġett, filwaqt li n-numri 2,4 u 9 jinsabu fi stadju avvanzat. Sa l-aħħar ta' l-1999 il-proġetti bin-numri 3, 5, 6, 7 u 8 ser ikun għad baqalhom xogħol konsiderevoli xi jsir, in-numri 1, 4, 10 u 11 ser ikunu fi stat avvanzat filwaqt li l-proġetti bin-numri 2 u 9 għadhom ser ikunu lesti. Ta' min wieħed isemmi li l-maġġor parti tal-proġetti m'humiex intenzjonati li jitlestew fl-1999 għaliex huwa ppjanat li jitwettqu fuq numru ta' snin.

Djar — Titjib fl-akkomodazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet s'issa għall-iskema li ħareġ il-gvern li biha jsir titjib fl-akkomodazzjoni minn kuntrattur li jagħżel l-inkwilin waqt li jħallas il-gvern? Minn fejn kienu l-applikazzjonijiet? Kemm minnhom ġew aċċettati? X'valur ta' xogħol sar u min kienu l-kuntratturi magħżula?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, l-Awtorita' tad-Djar kienet ilha tirċievi lmenti minn individwi li jkunu applikaw taħt xi waħda mill-iskemi biex jagħmlu xogħolijiet strutturali jew titjib fid-djar residenzjali, fis-sens illi l-kuntratturi kienu qiegħdin jitolbu depożitu jew saħansitra ħlas minn qabel għax-xogħol li jkun ġie awtorizzat taħt xi waħda mill-iskemi eżistenti. Peress li l-Awtorita' tad-Djar tħallas is-sussidju meta tkun ċerta li sar ix-xogħol kif awtoriżżat, kien qiegħed jiġri li dawk il-familji li ma setgħux ilaħħqu mal-pis finanzjarju, kienu qed jiġu żvantaġġati. Kien għalhekk li l-Awtorita' ħarġet sejħa pubblika (mhux skema) indirazzata lil kuntratturi li kienu lesti jaħdmu x-xogħol mingħajr ma jitolbu depożitu minn qabel, u dan in vista ta' garanzija mogħtija mill-Awtorita stess li l-ħlas isir meta x-xogħol jiġi ċertifikat li jkun tlesta. L-Awtorita' ma tidħolx fl-għazla tal-kuntrattur. Li jiġri hu li meta tiġi mitluba minn xi applikant taħt xi waħda mill-iskema tagħha, l-Awtorita tad-Djar tibgħat lill-applikant il-lista sħiħa tal-kuntratturi u jkun l-istess applikant li javviċina lil dawn il-kuntratturi. Meta jintgħażel il-kuntrattur (u f'dawk il-każijiet fejn ikun hemm diffikultajiet finanzjarji) l-Awtorita tiggarantixxi lill-kuntrattur il-ħlas tax-xogħolijiet li jsiru u li jkunu approvati minnha. Għalhekk, peress li ma teżistix "skema" speċifika, imma jeżisti servizz mifrux fuq l-iskemi kollha applikabbli, il-mistoqsija kif magħmula mill-Onor. Interpellant m'hijiex korretta. 08.02.99

Pensjonanti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li huma reġistrati bħala pensjonanti ġewwa Ħal Qormi, Ħal Luqa u Santa Venera li jirċievu xi forma ta'pensjoni? Jista' l-Ministru jgħid kemm minnhom jirċievu pensjoni u kemm hemm f'kull kategorija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi Seduta oħra. 8.2.99
Leg 9 PQ #4242 Sitting 61 1999-02-08 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 2683?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2683 hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat ukoll li ħadd mill-impjegati ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar mgħandu karozza u car allowance fl-istess waqt. In-numru ta` karozzi u xufiera impressed huwa ta` 22. 08.02.99
Leg 9 PQ #4243 Sitting 61 1999-02-08 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

Direttorat ta' l-Ippjanar — Management

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 2684?

Response (BORG, TONIO)

Id-dettalji tal-kundizzjonijiet, benefiċċji u bonuses kuntrattwali li għandhom il-membri tal-Management tad-Direttorat ta' l-Ippjanar huma skond il-Ftehim Kollettiv li kopja tas-sezzjoni relevanti qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-Performance Bonus għal gradi tal-Professjonisti huwa wkoll regolat mill-Ftehim Kollettiv u jammonta sa massimu ta' 15% tas-salarju annwali. Fil-każ tal-Clericals & Technicals, il-massimu huwa ta' żieda waħda fl-increment. Il-proċess jinvolvi differenzi bejn il-ħaddiema skond il-Performance Review. Wara li jitestew il-Performance Reviews u jsiru rakkomandazzjonijiet għal bonus, dawn jiġu mgħoddija lill-Bord għal approvazzjoni. Mhux fl-interess ta' sistema ta' performance review li d-dettalji tal-bonuses jiġu ppublikati għax jista' jservi biex joqtol l-inċentiv ta' dawk l-impjegati li jaħdmu tajjeb filwaqt li jkun kontro produċenti għall-oħrajn. 08.02.99
Leg 9 PQ #4244 Sitting 61 1999-02-08 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PBS — Programmi

Question

Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni u jgħid għaliex is-sensiela televiżiva ta' "Fredu l-Fra" li ġiet iffilmjata kollha għal TVM twaqqfet milli tiġi mxandra? Il-Ministru kien responsabbli għal din id-deċiżjoni? Din id-deċiżjoni kienet deċiżjoni politika fi sfera għal kollox kulturali? Jaħseb il-Ministru li l-pubbliku għandu jkun imgħarraf biż-żamma ta' din is-sensiela peress li l-istess spettatur kien ġie aċċertat uffiċjalment permezz ta' "Il-Gwida" nhar l-20 ta' Settembru, 1998 li din is-sensiela kellha tkun fl-iskeda ta' Jannar, 1999? Jaqbel il-Ministru li t-telespettatur Malti għandu jiġi rispettat u mogħti spjegazzjoni ta' deċiżjoni, meta għadu sal-lum jistaqsi jekk is-sensiela ta' "Fredu l-Fra" hijiex se tintwera minn TVM fil-futur qarib?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Ministru lanqas biss kien jaf li jeżisti "Fredu l-Fra" aħseb u ara kemm seta' jindaħal f'xi deċiżjoni kif bi tmasħin qed jallega l-Onor. Ħabib tiegħi. Informat li s-sensiela Fredu l-Fra ġiet iffilmjata kollha. Tul l-aħħar xhur tas-sena li għaddiet kien hemm għadd kbir ta' produzzjonijiet lokali li ħolqu prijoritajiet differenti għad-diriġenti tal-PBS u għalhekk iddeċidew li s-sensiela ma tiġix editjata għalissa. Ix-xogħol ta' post-produzzjoni tressaq b'ċertu żmien biex il-kwalita' tkun l-aħjar possibbli. Ix-xogħol fuqha qed jiġi ppjanat u s-sensiela tixxandar aktar 'il quddiem. "Fredu l-Fra" jieħu gost tassew li qabel biss wiċċu xiref fost il-poplu tagħna diġa' sab minn fost ir-Rappreżentanti tiegħu min iħarislu l-ġiejjieni tiegħu.

ETC — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni bdew jirreġistraw għax-xogħol ma' l-ETC xahar b'xahar bejn Settembru 1998 u Jannar 1999?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' persuni li marru jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ matul ix-xhur ta' Settembru, Ottubru, Novembru u Diċembru 1998 kien ta' 1,234, 1,353, 1,212, 1,071 rispettivament. 8.2.99
Leg 9 PQ #4246 Sitting 61 1999-02-08 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Serq minn knejjes

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-każi ta' serq irrapportati lill-pulizija minn knejjes jew istituzzjonijiet reliġjużi, xahar b'xahar bejn Settembru 1998 u Jannar 1999?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' każi ta' serq minn knejjes jew istituzzjonijiet reliġjużi li ġew irrapurtati lill-Pulizija, xahar b'xahar, bejn Settembru 1998, u Jannar 1999, kienu kif ġej : - Xahar Każi ----- ---- Settembru 4 Ottubru 14 Novembru 9 Diċembru 3 Jannar 4 08.02.99
Leg 9 PQ #4247 Sitting 61 1999-02-08 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Reati

Question

Jista' l-Ministru jgħid, mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-31 ta' Jannar, 1999 kemm kienu rrapportati xahar b'xahar każijiet ta' stupru, korruzzjoni ta' minorenni u attentati fuq il-pudur?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' offiżi li speċifika l-Onorevoli Interpellant kien kif ġej : - Xahar u Sena Stupru Korruzzjoni ta' Attentat fuq Minorenni il-pudur Settembru 1998 xejn 2 3 Ottubru 1998 xejn 1 2 Novembru 1998 1 1 1 Diċembru 1998 xejn xejn xejn Jannar 1999 2 xejn xejn 08.02.99
Leg 9 PQ #4278 Sitting 61 1999-02-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Kalkara — Ex-Bruno Stores - Lampa

Question

Jista' l-Ministru jitlob lill-Korporazzjoni Enemalta biex titneħħa lampa li hemm fuq store K ex-Bruno Stores, Kalkara u titwaħħal floodlight bħal m'hemm ħdejn ir-Regatta Club, biex l-area li hija suġġetta għal xi atti vandali tkun imdawla aħjar u jitnaqqas ir-riskju ta' xi att vandalu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li għalkemm jidher li l-provvista ta' dawl li hemm bħalissa hija adegwata, t-talba ta' l-onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Leg 9 PQ #4279 Sitting 61 1999-02-08 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Mikielang Sapiano

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-iskola Mikielang Sapiano Technical Institute, l-istudenti fl-apprenticeship course tal-Micro Computer Technology fit-tieni sena, wara tliet xhur tal-course kienu mingħajr teacher fil-Micro Computer? Ma jaħsibx il-Ministru li trid issir xi ħaġa mmedjata meta l-istudenti waslu għall-eżamijiet peress li dan qed jikkawża li jtellfu l-interess fl-istudenti fil-qasam indikat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li sa mill-bidu tas-sena skolastika 1998-1999 is-suġġett 'Microcomputer Technology' ġie assenjat lil għalliem Part-Time li huwa mpjegat ma' kumpanija parastatali. Dan l-arranġament ilu fis-seħħ għal dawn l-aħħar snin. Sfortunatament, fil-bidu tas-sena skolastika, kien hemm diffikulta' dwar ir-'release' ta' dan u ta' persuni oħrajn mill-kumpanija tagħhom. Sakemm twittew id-diffikultajiet għaddew xi ġimgħat. Ninsab infurmat ukoll li dan l-għalliem kellu bżonn jattendi għal xi konferenzi u d-dipartiment ħaseb u ra li biex jagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet li kien hemm, sar ftehim biex dan l-għalliem jagħti xi lezzjonijiet, anki waqt il-vaganzi tal-Milied. Huwa maħsub li safejn huwa possibbli jiġu mogħtija lezzjonijiet iżjed biex jikkumpensaw għan-nuqqasijiet li kien hemm u li dwarhom id-dipartiment ma kellu ebda kontroll.