Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Kartolini tal-Milied
Question
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dettaljata ta' kemm laħqet l-ispiża għall-istampar jew xiri ta' kartolini għall-Milied 1998 u kemm ġiet tiswa l-ispiża postali konnessa ma' dawn il-kartolini, kemm mill-Ministeru, kemm mid-dipartimenti li jaqgħu taħtu, dipartiment b'dipartiment, u kemm mill-uffiċċju tas-Segretarjat Permanenti fi ħdan il-Ministeru? Jista' l-Ministru jgħid fejn ġew stampati l-imsemmija kartolini? Jista' jgħid lil min intbagħtu?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Billi l-pensjonanti taċ-Ċivil jew li kienu jaħdmu mal-gvern m'huma se jiggwadanjaw xejn għall-fini tal-pensjoni tagħhom bil-mod kif saret ir-riorganizzazzjoni taċ-Ċivil 1996/1998, jista' l-Ministru jagħti l-figuri ta' kemm kienet tiżdied il-pensjoni ta' kull grad attwali li hemm fiċ-Ċivil illum kieku l-ex-ħaddiema tal-gvern ġew inklużi u intitolati għal titjieb fil-pensjoni tagħhom kieku saret reviżjoni tal-pagi tal-gvern u mhux cash payments ta' kull sena kif fil-fatt sar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Din il-Mistoqsija hi ipotetika u għalhekk ma tistax tiġi mwieġba.
9.2.99
Billi l-pensjonanti kollha li kienu jaħdmu mal-gvern m'huma se jiggwadanjaw xejn fil-pensjoni tagħhom bil-mod kif saret ir-riorganizzazzjoni taċ-Ċivil 1996/1998, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet tiswa lill-gvern kieku ġew inklużi l-pensjonanti taċ-Ċivil ukoll?
Response (DALLI, JOHN)
Bis-sistema kif titħaddem ma` tistax tinkludi l-pensjonanti taċ-ċivil biex fil-proċess ta` żieda fil-pagi taċ-ċivil billi hemm ħafna oħrajn li għal xi raġuni jew oħra huma analogati mal-pagi taċ-ċivil.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bix-xogħlijiet li saru mill-5 ta' Settembru 'l hawn, ngħidu aħna għall-kontinwazzjoni tal-garaxxijiet tal-Qawra? Peress li r-residenti jixtiequ li x-xogħlijiet jiġu ffinalizzati, jista' l-Ministru jara li din it-talba tiġi attwata? Jekk fl-affermattiva, meta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol imsemmi mill-Onorevoli Interpellant jinsab wieqaf għax ix-xogħol ma kienx qed jiġi esegwit eżattament skond il-permessi maħruġa mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. It-Taqsima tax-Xogħlijiet qed tistenna l-konferma ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar fuq pjanti ġodda sottomessi mill-istess taqsima.
B'riferenza għal Lm40,000 f'safar imsemmija fl-estimi ta' l-1997 taħt il-Ministeru tal-Biedja u Sajd, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kienu l-ispejjeż tas-safar li saru minn delegazzjonijiet attwalment immexxija mill-Ministru ta' dik is-sena? Jista' l-Ministru jagħti breakdown tal-kumplament tal-vot ta' Lm40,000?
Response (ZAMMIT, NINU)
Fl-1997 kien hemm tlett delegazzjonijiet immexxija mill-Ministru ta' dak iż-żmien li l-ispejjeż tagħhom kienu jammontaw għal Lm842.17.
Tħallsu wkoll Lm15,708.43 li jkopru ħamsa u tletin (35) safra tul dik is-sena li saru minn uffiċjali impjegati ma' dan il-Ministeru u persuni oħra approvati mill-Ministru.
Lm29,335.99 tħallsu lid-Dipartiment tat-Teżor permezz ta' transfer voucher biex ingħalqu kontijiet arretrati li kienu ngabru tul is-snin ta' qabel.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li qed jirċievu l-għajnuna soċjali ġewwa l-bliet ta' Bormla, Birgu, Senglea u l-irħula ta' Xgħajra, Kalkara u kemm hemm minn dawn il-persuni li huma fuq l-20 sena, kemm minnhom fuq it-30 sena, kemm minnhom fuq l-40 sena u kemm minnhom fuq il-50 sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Sabiex persuna waħedha jew familja tingħata l-Għajnuna Soċjali, din trid tissodisfa t-test tal-meżżi. L-għoti ta' din l-għajnuna mhix marbuta ma' l-eta' iżda maċ-ċirkostanzi li min japplika jkun jinsab fihom.
Għaldaqstant ma tistax tinġabar statistika dwar l-eta'. F'dan il-każ, id-Dipartiment ukoll s'issa m'hux f'pożizzjoni li jagħti l-informazzjoni mitluba dwar fejn joqgħodu dawk il-persuni li qed jirċievu l-Għajnuna Soċjali 'l għaliex d-dettalji dwar dan il-Benefiċċju partikolari għadhom m'humiex komputeriżżati kollha.
9.2.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra l-ewwel kemm hemm persuni li huma rreġistrati bħala pensjonanti fil-Fgura u Ħaż-Żabbar li jirċievu xi forma ta' pensjoni u t-tieni kemm minnhom jirċievu pensjoni, it-tielet kemm hemm f'kull kategorija jekk u safejn tista' tingħata tali informazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
9.2.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba faċilitajiet ta' mollijiet ipprovduti mill-Awtorita' Marittima għal min irid jesporta "scrap material" humiex se jiġu rranġati f'din is-sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita` Marittima dejjem ħadet ħsieb li tipprovdi l-faċilitajiet meħtieġa sabiex taqdi d-domandi ta` kumpaniji Maltin li jesportaw is-`Scrap Iron`. Infatti din it-tip ta` esportazzjoni saret minn diversi mollijiet.
L-Awtorita` matul din is-sena se tonfoq aktar minn Lm500,000 sabiex tirranġa l-mollijiet fil-Port il-Kbir.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk jikkonsidrax li Palazzo Falzon, ossia id-dar Normanna ġewwa fl-Imdina, tinfetaħ fuq bażi regolari?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Palazzo Falzon, magħruf ukoll bħala n-Normann House fl-Imdina, huwa propjeta' tal-Capt. O.F. Gollcher Art & Archaeological Foundation, li c-Chairman tagħha huwa dejjem ex officio d-Direttur tad-Dipartiment tal-Mużewijiet.
Jiena informat ukoll li hemm diffikultajiet dwar is-sigurta', u oħrajn ekonomiċi, li jagħmluha diffiċli biex Palazzo Falzon jinfetaħ għall-pubbliku fuq bażi regolari. Biss, ġejt mgħarraf li l-board ta' Fondazzjoni Gollcher qed tistudja pjan biex Palazzo Falzon jiġi ġestit b'mod li jaqdi l-ħtiġijiet tal-pubbliku b'mod iktar regolari.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju ta' restawr wasal il-Palazz tal-Gran Mastri fl-Imdina fejn hemm il-Mużew ta' l-Istorja Naturali u jekk tul is-sena d-dieħla huwiex se jkun lest il-proġett kollu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol ta' restawr fuq il-faċċata ta' Misraħ il-Kunsill tlesta u restawr ieħor għandu jibda matul din is-sena. Dan ir-restawr jista' jdum ma jitlesta minħabba l-volum ta' xogħol illi jirrikjedi.
Jista' l-Ministru jara li jsiru lampi ma' l-arbli li twaħħlu matul l-aħħar xhur fl-inħawi tal-Fiddien, l/o Rabat, cioe' fejn qed jissokta l-proġett ta' Wied il-Qlejgħa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-arbli msemmija kienu nstallati mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura għal servizz temporanju. L-arbli mhux kollha jistgħu jintużaw birx jitwaħħlu l-lampi. Għaldaqstant it-talba biex isiru lampi fl-inħawi msemmija, qiegħda tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li r-Rabat Ajax Football Club ingħataw uffiċjalment il-ground tal-football li fil-mument jipprattikaw fih?
Jekk fl-affermattiv meta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħi qed jagħmel ħiltu biex dan il-ground, li huwa propjeta' ta' l-Awtorita' tad-Djar, jingħata uffiċjalment lir-Rabat Ajax Football Club. Fil-fatt diġa' hemm korrispondenza bejnu u l-Awtorita' tad-Djar u bejn l-istess Awtorita' u l-Club tar-Rabat Ajax bil-għan li jintlaħaq ftehim.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'policy nazzjonali għandu l-gvern għall-isport tal-karozzi u muturi fil-gżejjer tagħna?
Xi żviluppi se jsiru fil-faċilitajiet eżistenti u kemm hija n-nefqa vvotata għal dawn ix-xogħlijiet?
Jista' l-Ministru jikkonsidra li l-ASM tingħata uffiċjalment il-korsa ta' Ta'Qali li ilha torganizza l-attivitajiet nazzjonali tagħha sa mill-1986?
Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Gvern għadu fil-proċess li jifformula policy dwar l-isport tal-karozzi u muturi fl-isfond ta'dak li kien imwiegħed fil-Programm Elettorali.
L-iżvilupp tal-faċilitajiet eżistenti jkun jista' jiġi kkunsidrat meta tiġi mfassla din il-policy.
Il-Kunsill Malti għall-Isport kien diġa' beda didkussjonijiet ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar fir-rigward ta' Ta' Qali Action Plan u l-faċilitajiet sportivi eżistenti ġewwa Ta' Qali. Dawn id-diskussjonijiet jitkomplew wara li jiġi maħtur il-Kunsill Malti għall-Isport.
B'riferenza għall-proġett ta' riabilitazzjoni ta' Wied il-Qlejgħa, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bix-xogħlijiet li saru mill-5 ta' Settembru, 'il hawn?
Meta huwa pproġettat li jitlesta l-proġett u kif se jkunu mqassma x-xogħlijiet matul din is-sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-5 ta' Settembru 'il hawn saru 237 gabjun, 24 Terramesh units u 5 Materassi. Tneħħew ukoll 146 truck materjal minn ġol-wied.
Matul din is-sena ser jitlesta' it-tieni fażi tal-proġett u tinbeda it-tielet fażi.
British Cultural Association — Kompetizzjoni ta' essays
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-inizjattiva meħtieġa biex għas-sena li qegħdin fiha aktar studenti mill-iskejjel tal-gvern jieħdu sehem fil-kompetizzjoni tal-kitba ta' l-essays organizzata mill-British Cultural Associaton?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif kelli l-okkażjoni nirrimarka waqt il-preżentazzjoni tal-premjijiet tal-kompetizzjoni organizzata mill-British Cultural Association indagajt ir-raġuni għall-assenza ta' kompetituri minn fost studenti ta' skejjel statali. Irriżultali li t-tagħrif meħtieġ, biex toħroġ iċ-ċirkolari fl-iskejjel ta' l-Istat li ssejjaħ studenti interessati jieħdu sehem f'din il-kompetizzjoni, ma wasalx fl-uffiċċju tal-Youth Service Organisation.
Kif wegħedt fl-okkażjoni msemmija qed nieħu passi biex f'kompetizzjoni oħra l-istudenti ta' l-Iskejjel Statali jkunu rappreżentati.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament u li huwa intitolat għas-sussidju fuq il-kera (file Nru.SRS 47/88) skond skema HD11 ma jitlifx dan is-sussidju għas-snin 1997 u 1998 peress li skond hu mela l-applikazzjoni tard għax damu ma waslulu ċerti dokumenti mid-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi s-sussidju li kien intitolat għalih il-benefiċċjarju kien għal 10 snin, u hu bbenefika minnhu kif suppost sa Awissu 1998, meta skada. Hu jinħtieġlu jerġa japplika mill-ġdid jekk għadu interessat. Hu intalab darbtejn jagħmel dan, f'Ottubru u f'Diċembru 1998 iżda baqa' ma rrispondiex għall-ittri li ntbagħtulu.
9.2.99
Jista' l-Ministru jara li jerġa' jinfetaħ l-isprall li hemm fil-bidu tat-Triq Sant Rita f'Tas-Sliema peress li mindu nstadd, l-ilma tax-xita qed jimla' din it-triq bi problemi serji għar-residenti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Tlabt lit-Taqsima tax-Xogħlijiet biex tara tistax tirrimedja għal din il-problema.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jaslu l-pilloli ISTIN u NU-SEALS li għalihom hija intitolata l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, peress li ilha l-ġimgħat tistennihom mill-Isptar San Luqa u qed ikollha tixtrihom hi u bħala pensjonanta dan qed jikkaġunalha problemi finanzjarji serji?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-pilloli Amlodipine (Istin) u Aspirin 75mg enteric coated (NU-seals) ma humiex fil-formularju iżda jinxtraw għall-pazjenti ndividwali. L-approvazzjoni għal dawn il-mediċini tintbgħat lill-pazjent id-dar bil-posta, meta l-istokk ikun inxtara għall-pazjent. L-approvazzjoni għan NU-seals ta' din il-pazjenta diġa ntbagħtitilha fis-26 ta' Jannar 1999. Dik għall-Istin ġiet approvata fl-14 ta' Jannar 1999 u tintbgħat meta jasal l-istokk.