Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #34967 Sitting 784 2002-09-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Rata tal-Kambju

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 33673, jista' l-Ministru jikkonferma kif se tiġi stabilita r-rata tal-kambju bejn il-lira Maltija u l-Euro?

Response (DALLI, JOHN)

Qabel ma Malta tibda tipparteċipa fl-ERM ir-rata tal-lira kontra l-euro tkun stabbilita skond kif jiddeterminha f’dak il-waqt il-basket ta’ muniti li jagħmel il-lira Maltija.

Pembroke — Tal-Batterija

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm flus intefqu u xogħol sar fir-restawr tal-Batterijia ta' Pembroke?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta' restawr tal-Batterija ta' Pembroke kien jikkonsisti fir-riabilitazzjoni tal-batterija fejn il-partijiet oriġinali tagħha ġew restawrati filwaqt li tista' tintuża wkoll bħala post ta' rikreazzjoni u playing field żgħira għat-tfal. Il-kmamar ta' taħt l-art li jiffurmaw parti minn l-istess batterija ser jintużaw mill-Kunsill ta' Pembroke bħala Ċentru ta' Informazzjoni dwar Pembroke. Ix-xogħol inbeda fl-1998 u ntemm fil-bidu ta' 2002 filwaqt li l-ammont ta' flus fuq il-proġett huwa ta' madwar Lm23,000.00.

Pembroke — Tindif

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol ta' tindif sar u kemm dan ġie jiswa ġewwa r-raħal ta' Pembroke?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nitolbu jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.

Pembroke — Afforestazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk sarx xi tisbiħ u afforestazzjoni ta' partijiet minn Pembroke u jekk iva jistax jiġi indikat x'tipi ta' siġar ġew imħawla?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li qed isir xogħol ta' afforestazzjoni ġewwa Pembroke fil-lokalita bejn Triq in-Normandija, Triq Cassino, Triq Mandalay, Triq Medjez u Triq Tunis. Sa issa tħawlu madwar 1200 pjanta fosthom Quercus ilex, Cercis siliquastrum, Olea europaea, Prunus sp. Pistacia lentiscus, Arbutus unedo, Hypericum aegypticum, Rosmarinus officinalis, Hipparenia, Hedera helix, Senns corymbosa u Santolina. Mis-siġar kollha li tħawlu waħda biss mhix indiġina.

Pembroke — Knisja Parrokkjali

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'ħidma saret sabiex ikun hemm it-tisbiħ tal-parti li hemm madwar iċ-ċentru u l-knisja parrokkjali ġewwa Pembroke?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol li sar min-naħa tad-Distretti madwar il-Knisja parrokkjali ġewwa Pembroke, kien jikkonsisti mill-bankini u l-pavimentar tagħhom.

Swieqi — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol sar, kemm dam isir u x'intefaq sabiex tinstab soluzzjoni tal-problema tal-għargħar fis-Swieqi u preċiżament minn Triq il-Qasam għall-Triq is-Sidra u Triq Swieqi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol konnessjoni mal-problema ta' l-għargħar fi Triq il-Qasam, Swieqi, beda fi Frar 2002 u spiċċa f'April 2002. L-ispiża ta' dan ix-xogħol kienet ta' Lm23,587.

Madliena — Ħitan tas-Sejjieħ

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol sar u kemm intefqu flus fit-tiswija tal-ħitan tas-sejjieħ ġewwa l-Madliena?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li fil-Madliena saru 222 metru kubu ta' ħitan tas-sejjieħ u x-xogħol sar direttament mill-ħaddiema tal-Gvern.

St. Vincent de Paule Residence — Airconditions

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru l-airconditions ġewwa t-teatru f'St. Vincent de Paule Residence fejn bħalissa hemm l-anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-anzjani li qegħdin jabitaw temporanjament fit-teatru, qegħdin jgħixu fl-akbar kumdita' u fejn kien hemm il-bżonn ġie nstallat ukoll l-aircondition.

Tarmac — Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħata tarmak lokal lokal b'kilometri u kemm ġie jiswa lill-gvern ċentrali għas-sena 2002?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Benefiċċju Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għadhom ma irċevewx il-benefiċċju supplimentari taħt liema benefiċċju kienu jaqaw u meta ser jirċevuh?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din is-sena d-Dipartiment irċieva 26196 talba għall-Allowance Supplimentari. Minn dan l-ammont 25018 ġia' intlaqgħu u l-benefiċċjarji rispettivi tagħhom ġia' bdew jirċievu l-ħlas dovut lilhom bħala Allowance Supplimentari. Inżid ukoll li 1155 talba ma' ġewx aċċettati, waqt li 23 talba għadhom qegħdin jiġu pproċessati minħabba nuqqas ta' nformazzjoni jew dokumenti relevanti, jew għax għadhom kif waslu fid-Dipartiment. Qegħdin nittamaw li l-każi pendenti jiġu pproċessati hekk kif tingħata l-informazzjoni mitluba.

Floriana — Pjazza Sant'Anna - Restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jinbeda x-xogħol ta' restawr fuq il-funtana ta' l-iljun f'pjazza Sant'Anna Floriana? Kemm ilu ma jsir xogħol simili? X'xogħlijiet huma maħsuba li jsiru? Min se jagħmilhom? Kemm hu stmat li jiswew dawn ix-xogħlijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta ser jirrestawra żewġ funtani, dik ta' l-Ajkla fil-Mall u wara dik ta' l-Iljun fi Pjazza Sant'Anna. Ix-xogħol fuq il-funtana ta' l-Ajkla ser jibda f'dawn il-ġranet u se jsir bil-kollaborazzjoni taċ-Ċentru Malti għar-Restawr. Din il-funtana tinstab fi stat ħażin ħafna u hija biċċa xogħol iebsa ħafna. Ix-xogħol fuq il-funtana ta' l-Iljun għandu jibda wara li jitlesta dik fuq il-funtana ta' l-Ajkla. Bħalissa għadhom qed isiru l-preparamenti u testijiet meħtieġa.

Housing

Question

B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija 34952 mid-59 applikazzjoni għal skema V fil-Belt u fil-Floriana: i) kemm minnhom ġew aċċettati? Liema minnhom kienu jeħtieġu xogħlijiet strutturali estensivi? Kemm swew f'kull każ? ii) Kemm minnhom ma ġewx aċċettati? Liema huma? Għal liema raġuni f'kull każ? iii) Kemm minnhom għadhom pendenti? Liema huma? F'liema stadju qegħdin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ġew installati u qed jintużaw 5 lifts fil-Furjana u 4 fil-Belt. Dawn il-lifts swew madwar Lm112,000. Inħarġu jew qegħdin f'fażijiet differenti ta' preparazzjoni tenders dwar lifts fi 8 blokki fil-Furjana u f'14-il blokk fil-Belt. L-ammont kemm jiswew dawn il-lifts ikun magħruf wara li jingħataw it-tenders. Il-prezz ta' kull lift ivarja skond l-kobor tiegħu u l-għoli li jkun meħtieġ jitla kif ukoll ix-xogħol strutturali li jkun hemm bżonn isir. Peress li fl-ebda blokk ma kien hemm maħsub minn qabel li ser jiġi nstallat lift kull każ jinvolvi xi xogħol strutturali. Ninsab infurmat ukoll li kien hemm 10 applikazzjonijiet mill-Furjana u 15 mill-Belt fejn, wara spezzjonijiet li saru, għad ma nstabitx soluzzjoni kif jista' jiġi nstallat lift adekwat biex jaqdi lir-residenti li jgħixu fil-blokki rispettivi. Mit-total ta' 59 applikazzjoni għall-installar ta' lifts fil-Belt u l-Furjana kien hemm applikazzjoni waħda mir-residenti fi blokk fil-Furjana li ġiet irtirata mill-applikanti stess, filwaqt li żewġ applikazzjonijiet minn residenti fi blokki fil-Belt ma ġewx aċċettati għax ma kienux jissodisfaw il-kriterji ta' l-iskema V. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella b'aktar dettalji dwar l-informazzjoni mitluba.

UE — Working Groups

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ir-rappreżentanti Maltin fil-konvenzjoni dwar il-futur tal-UE, kemm qed jipparteċipaw f'kull sessjoni, huma u r-riżervi tagħhom, każ b'każ, sessjoni, sessjoni? Hemmx working groups u liema mir-rappreżentanti Maltin qed jipparteċipaw fihom, grupp, grupp?

Response (BORG, JOE)

Ir-rappreżentanti Maltin fil-Konvenzjoni dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea huma kif ġej hawn taħt: L-Onorevoli Dr Michael Frendo u r-riżerva hija l-Onorevoli Dolores Cristina; L-Onorevoli Dr Alfred Sant u r-riżerva huwa l-Onorevoli Dr George Vella; Ir-rappreżentant tal-Gvern huwa r-Reverendu Prof Peter Serracino Inglott u r-riżerva huwa s-Sur John Inguanez Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista fejn turi l-attendenzi sa issa fis-Sessjonijiet Plenarji. L-Onorevoli Dr Michael Fendo jattendi Working Group dwar Complementary Competencies filwaqt li l-Onorevoli Dolores Cristina kif ukoll is-Sur John Inguanez jattendu Working Group dwar The Role of National Parliaments. Ir-Reverendu Prof Peter Serracino Inglott qed jalterna mas-Sur John Inguanez fil-Working Group dwar is-Sussidjarita.

Għajnuna Medika

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-anzjana li l-partikolaritajiet tagħha jidhru separatament minn din il-mistoqsija, għaliex ma ġietx aċċettata t-talba tagħha għal għajnuna medika (flus) tal-mard minkejja li din l-anzjana lanqas biss ma taqbeż l-ammont ta' Lm4000 fi flus bankarji? Tista' din l-anzjana tiġi infurmata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma l-Onor. Interpellant illi l-każ ġie investigat u nstab li l-persuna kkonċernata kienet infurmata mid-Dipartiment dwar il-pożizzjoni tagħha.
Leg 9 PQ #35155 Sitting 784 2002-09-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Freeport

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'informazzjoni ta' s-Sur Marin Hili lil sħabu tal-bord li jmexxi l-korporazzjoni tal-Freeport li abbażi tagħha waslu għall-konklużjoni li m'hemmx konflitt ta' interess bejn is-sehem privat tiegħu fil-port ta' Venezja u l-ħatra pubblika tiegħu fil-Freeport? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokumenti bl-informazzjoni li tahom?

Response (BONNICI, JOSEF)

Kif diġa' għidt fit-tweġiba tiegħi għall-mistoqsija numru 35023 waqt is-Seduta numru 782, li kienet titratta l-istess suġġett, huma l-istess karatteristiċi tal-port ta' Venezja, speċjalment il-pożizzjoni ġeografika tiegħu fil-parti magħluqa tal-baħar Adrijatiku madwar seba' mitt mil il-bogħod mir-rotta ewlenija tat-trasbord ta' containers fil-Mediterran, li jwasslu għall-konklużjoni li l-istess port ta' Venezja ma jikkompetix mal-Malta Freeport.

Bagi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 34900, jista' jieħu l-passi kollha meħtieġa biex kwalunkwe opra tal-baħar ma' tibqax tiġi misjuqa fil-viċinanzi tax-xtajtiet u l-bajjiet fi Qui-Si-Sana, Chalet, Fond Għadir u Exiles f'tas-Sliema u dan biex ma jkomplix jinħoloq periklu għall-għawwiema li jgħumu fl-inħawi? Jikkonsidra li jsiru bagi madwar l-inħawi biex jimmarkaw id-distanza sa fejn għandhom jaslu l-opri tal-baħar?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xtajtiet indikati fil-mistoqsija fil-lokalita' ta' tas-Sliema, jinsabu f'żona li hija kkunsidrata bħala kruċjali għan-navigazzjoni minn opri tal-baħar ta' kull tip li jbaħħru mill-Port ta' Marsamxett u portijiet oħra fin-nofsinhar ta' Malta lejn it-tramuntana, partikolarment lejn Kemmuna, Għawdex u bajjiet oħra popolari. Għalhekk mhux possibbli li jintefgħu bagi matul din il-parti tal-kosta li jistgħu joħolqu periklu għan-navigazzjoni. Fl-istess ħin jeżistu regolamenti li jistipulaw li ħadd ma jista' jsuq opra tal-baħar b'veloċita' ta' aktar minn 10 knots sa 200 metru minn xatt tal-blat.

Malta Shipbuilding

Question

B'riferenza għal mistoqsija 34901, jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex l-informazzjoni indikata tingħata lill-Malta shipbuilding?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali beda il-proċess biex jibda jirrevedi il-pensjonijiet fejn hemm ftehim kollettiv li għadhom fis-seħħ. Diġa' tħallsu 'l-ex ħaddiema tal-"Malta Drydocks" u issa jmiss lill-dawk tal-"Malta Shipbuilding". It-taqsima tal-pensjonijiet qed tieħu ħsieb biex tibgħat l-informazzjoni dwar il-pagi biex dawn jiġu kkonfermati mill-kumpanija. Appena ssir din il-konferma jsiru ir-reviżjonijiet.

Chalet — Sliema

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi rigward il-mistoqsija 34902 - jista' jieħu l-passi kollha meħtieġa biex il-bini magħruf 'Chalet' f'tas-Sliema jiġi magħluq għall-aċċess pubbliku peress li minkejja li huwa ddikjarat perikoluż u kkundanat, qiegħed issir użu tiegħu min-nies b'periklu għal saħħithom?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi madwar sena ilu kienu diġa' ttieħdu miżuri sabiex ix-Chalet ma jkunx aċċessibbli għall-pubbliku. Fil-fatt kien ittella' "fence" u saru wkoll tabelli b'sinjali li juru li hemm periklu fis-sit. Għaldaqstant, fuq rapporti li dehru dan l-aħħar fuq il-media, fejn intqal li kien għad hemm xi forma ta' abbuż minkejja li kienu ttieħdu l-miżuri neċessarji, f'nofs Awissu li għadda parti mill-"mesh wire fencing" li kien hemm eżistenti ġie mibdul u ġie estiż matul il-parti li setgħet tiġi aċċessibbli minn fuq il-blat.
Leg 9 PQ #35188 Sitting 784 2002-09-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Visas

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-mixed commission li ltaqgħet dan l-aħħar fi Tripli qamet il-kwistjoni tal-visas bejn Malta u l-Libja? Tista' tagħti dettalji dwar l-aħħar żviluppi f'dan ir-rigward?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-kwistjoni tal-visas tqajmet fil-mixed commision u tħalliet għal diskussjoni fid-dettal mill-ministeri tal-Intern taż-żewġ pajjiżi. Matul id-diskussjonijiet li saru jiena xejjint l-argument li qed jagħmlu x'uħud f'Malta li pajjiżna m'għandux jingħaqad mal-Ewropa għax m'hux fl-interess tal-Libja li jsir dan. Jiena spjegajt li d-deċiżjonijiet li nagħmlu nagħmluhom fl-interess ta' Malta u li anzi, b'Malta fl-Ewropa, ir-relazjonijiet bejn Malta u l-Libja jieħdu relevanza akbar. Iż-żewġ pajjiżi huma fuq il-fruntieri bejn żewġ kontinenti u żewġ blokki politiċi u ekonomiċi, l-Unjoni Ewropeja u l-Unjoni Afrikana. Huwa għajb għal dawk li fil-ferneżija li jissaboteġġjaw lil pajjiżna b'kull mod, jippruvaw jagħmlu bsaten fir-roti anke fir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Libja.