Jista' l-Ministru jgħid il-post Numru 126, Archbishop Street, Valletta, lil min beħsiebu jallokah? Peress li hemm ħafna għaqdiet li jixtiequ jikruh, jista' l-Ministru jħaffef id-deċiżjoni tiegħu? Jekk diġa' ġie f'arranġament, lil min ġie allokat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Peress li l-post li għalih irreferiet l-Onor. Interpellant, kien mikri għal skop kummerċjali, nitlobha tagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
15.2.99
Jista' l-Ministru jagħti risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 3945 li dakinhar wiegħed li jirrispondi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
'Hormone Replacement' fl-isptarijiet tal-Gvern huwa pprovdut f'numru ta' mezzi. 'Implants'huma pprovduti għal min għandu l-karta r-roża
Id-Dipartiment tal-Ginekoloġija għandu prijoritajiet oħra barra l-estensjoni ta' servizzi ta' 'Hormone Implants' anki għaliex jeżistu alternattivi oħrajn għal dan it-trattament.
Jista' l-Ministru jgħid min huma n-nies li jifformaw il-core group li twaqqaf apposta mill-Ministeru biex jgħin fir-riforma tal-Planning Authority u li hemm riferenza għalih fil-Press Release Numru 124 tad-Dipartiment ta' l-Informazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Il-Core Group twaqqaf biex janalizza l-kontribuzzjonijiet bil-miktub li jirċievi l-Ministeru u s-suġġerimenti li jsiru mill-pubbliku fil-laqgħat reġjonali li se jsiru bħala parti mill-proċess ta' konsultazzjoni pubblika dwar ir-riformi fil-proċess ta' l-Ippjanar. Dan il-grupp huwa wieħed flessibli. Il-membri tal-Core Group se jgħinu fit-tfassil ta' proposti alternattivi għal-liġi preżenti dwar il-proċess ta' l-Ippjanar.
Il-membri huma dawn :
Chairman : L-Onor. George Pullicino BE&A, A&CE (Segretarju Parlamentari)
Membri : Reggie Abela (Membru ta' l-Awtorita ta' l-Ippjanar)
Dr. Kevin Aquilina Dip. Phil., B.A. (Hons) M.A., LLM, LLD,
Ph.D. (Lond)(LSE), (Chairman Bord ta' l-Appell dwar l-Ippjanar)
John Ebejer BE&A (Hons), MA (Planning), A&CE, MRTPI
Chris Falzon B.Sc. (Eng), M.Phil. Grad Dip (Maths), C. Eng, M.I.C.E., A&CE (Chairman ta' l-Awtorita ta' l-Ippjanar)
Joe Falzon B.Sc (Eng), BA (Arch), M.Sc (Lond), A&CE (ex-Chairman tal-Kummissjoni għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp)
Catherine Galea B.Sc. (Eng), B.A. (Arch), A&CE, (President, Kamra tal-Periti)
Paul Gauci BE&A (Hons), MA (Regional Planning & Resource Development), A&CE (President Kamra għall-Ippjanar Ambjentali)
David Pace B. Arch, A&CE (Membru Kummissjoni għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp)
Victor Torpiano BA (Arch Studies), B. Arch (Hons), A&CE (Chairman tal-Kummissjoni għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp)
15.02.99
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-istatut uffiċjali u x'inhu r-rwol eżatt tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament li bħalissa jirraporta għax-xogħol fid-dipaartiment tal-Ħarsien ta' l-Ambjent?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-persuna li isimha intbagħat separatament għandha l-grad ta' Chief Scientific Officer u bħalissa qed tassisti lill-Aġent Direttur fit-tmexxija tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent.
Jista' l-Ministru jippublika statistika li ntalbet fil-mistoqsija parlamentari numru 1158 f'Novembru tas-sena l-oħra u li kien imwiegħed li tingħata tweġiba f'xi seduta oħra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1158 hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
15.02.99
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 753, jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-istudji dwar il-composting plant ta' Sant'Antnin u jaħsibx li qorob biex jiddeċiedi liema sistema titħaddem fl-impjant fil-futur?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-aħjar sistema li għandha tintuża fil-'composting plant' ta' Sant'Antnin għadha qed tiġi analizzata. Ninsab infurmat illi s'issa s-sistema tal-'composting Eco-Pod' tat riżultati pożittivi u jekk ikun hemm sistema oħra trid tkun sistema li hija aħjar minn dik li hemm s'issa.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1347, tas-16 ta' Novembru 1998, ma jaħsibx il-Viċi Prim Ministru li għadda żmien biżżejjed biex jagħti risposta dettaljata kif wiegħed li se jagħti?
Response (MARCO, GUIDO DE)
26 karozza huma reġistrati f'isem il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin f'Malta, filwaqt li 25 vettura oħra jintużaw mill-ambaxxati Maltin ta' barra.
Erbatax minn dawn il-karozzi f'Malta jintużaw mill-Ministru, mis-Segretarju Parlamentari, mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, mid-Diretturi u minn uffiċċjal tas-Segretarjat Privat tal-Ministru, li kollha huma awtorizzati li jsuqu karrozza tal-Gvern. Erba' minnhom jinsaqu biex jaqdu bihom il-ħtiġijiet ġenerali ta' l-uffiċċju, bħall-ġarr ta' valiġġa diplomatika, tqassim ta' korrispondenza uffiċċjali, u għat-trasport ta' personalitajiet importanti.
Seba' karozzi tal-Ministeru f'Malta ma humiex fi stat tajjeb u għaddej il-proċess biex jiġu eliminati minn fuq l-inventarju tal-Ministeru. Żewġ karozzi li huma f'kundizzjoni passabbli jintużaw biex jirrimpjazzaw xi waħda mill-karozzi uffiċċjali li għal xi raġuni ma tkunx qiegħda fit-triq. Inbeda l-proċess biex tliet vetturi jinbiegħu fl-istat li qegħdin fih. Il-karozzi li m'humiex jintużaw b'mod regolari mill-Ministeru kollha ilhom li ġew f'idejn il-Ministeru 'il fuq minn seba' snin ilu, ta' l-anqas.
Erba' uffiċċjali tal-Ministeru li għandhom dritt kontrattwali li jkollhom l-użu ta' karozza mħallsa mill-Gvern qed jikru vettura biex taqdihom fix-xogħol tagħhom. Tnejn minn dawn il-vetturi qed jinkrew mingħand il-Bjorn Garage, waħda mis-Civic Car Rentals u waħda mingħand il-John's Garage. Ir-rata tal-kiri f'kull każ hija ta' Lm5 kuljum. Dawn l-uffiċċjali kollha bħalissa qed jikkunsidraw jitilqu l-karozza tal-kiri u minflok jitħallsu allowance biex jibdew isuqu vettura personali biex taqdihom fix-xogħol tagħhom
Jista' l-Ministru jispjega fejn wasal ix-xogħol fuq id-dar ta' l-anzjani ta' Bormla? Jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li tilqa' fiha l-ewwel residenti? Kif se ssir l-għażla tan-nies li jridu jidħlu fiha, jiġifieri hux se tingħata preferenza lill-applikanti mill-Kottonera?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dwar fejn wasal ix-xogħol fid-dar ta' l-Anzjani ta' Bormla nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 4315.
Hu maħsub li x-xogħol ikun lest għal ħabta t'Awwissu/Settembru 1999 u mbagħad jidħlu r-residenti. L-applikanti li huma mill-Kottonera normalment ikollhom preferenza għad-dħul f'din id-Dar.
15.2.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux xi share mill-Malta Film Studios? Jekk fin-negattiv jista' jgħid jekk il-Gvern qattx kellu share mill-MFS; ta' kemm persentaġġ kien u meta spiċċa dan ix-shareholding?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Gvern m'għandux shares mill-Malta Film Studios.
Il-Gvern kellu shareholding ta' mija fil-mija fil-Mediterranean Film Studios qabel dawn inbiegħu fit-3 ta' Ottubru 1995.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li t-toroq fl-area tal-flats il-ġodda ta' Santa Liena, Bormla jiġu mtejba peress li qed joħolqu nkonvinjent għar-residenti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jara li jonqsu l-ħsarat li qed isiru kemm fis-sistema ta' l-ilma kif ukoll tad-drenaġġ fl-area ta' St.Margerita Bormla? Jista' jgħid x'qiegħed jikkawża dawn il-ħsarat spissi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ħsarat li saru fid-drenaġġ saru mill-kuntratturi li qed jagħmlu xogħol ta' bini fil-viċin.
Barra minn hekk il-ħsarat huma fil-connections u mhux fil-main sewer.
Qed jittieħdu passi biex din il-ħsara tissewwa.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiftaħ il-Job Centre ta' Bormla? Jista' l-Ministru jgħid meta ġie iffirmat il-kuntratt mal-Banda San Ġorġ sabiex l-ETC tagħmel użu minn parti mill-każin ta' l-istess banda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk ma jinqalgħux xi ntoppi mprevvisti, ir-'Regional Job Centre' ta' Bormla għandu jaqbad jiffunzjona fil-bidu ta' April 1999.
Il-kuntratt bejn l-ETC u l-banda San Ġorġ sabiex l-ETC tagħmel użu minn parti mill-każin ta' l-istess banda ġie ffirmat nhar it-Tlieta 25 ta' Awissu 1998.
15.2.99
Jista' l-Ministru jgħid kif jista sid il-Qbiela tal-File Nru.235/63 jidħol għall-post imsemmi, jekk dan lanqas ħa permess sabiex ikun jista' jidħol?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-kerrej ta' qbiela għandu dritt li juża l-passaġġ, delineat bħala tali, fuq proprjeta' ta' terzi biex jaċċedi għal qbiela tiegħu.
15.02.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux ħsieb li jibda proġett li kien ipproġettat mill-gvern preċedenti fuq il-Kottonera lines li hu xogħol madwar is-swar fil-Kottonera? Jekk iva, meta hemm il-ħsieb li jinbeda dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-proġett tal-Cottonera huwa wieħed mill-prioritajiet tal-Gvern u bħalissa il-preparamenti fuq il-proġett huma avvanzati ħafna u hekk kif ikunu maqbula d-dettalji kollha x-xogħol ikun jista' jinbeda.
B'riferenza għat-trasferimenti ordnati fil-Korp tal-Pulizija fi Frar 1999, jista' l-Ministru jispjega x'kienu l-esiġenzi tas-servizz li wasslu għal dawn it-trasferimenti? Jista' l-Ministru jagħti spjega għal kull trasferiment wieħed, wieħed?
B'riferenza għat-trasferimenti li ġew ordnati fil-Korp tal-Pulizija fi Frar, 1999, jista' l-Ministru jikkonferma li dawn it-trasferimenti ġew effettwati mingħajr ma ġiet segwita l-proċedura stabbilita riċentement li għal kull talba ta' trasferiment għandha tiġi proċessata subject form? F'każ ta' konferma jista' l-Ministru jispjega għaliex din il-proċedura ma ġietx segwita?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-proċedura li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant ma ġietx stabbilita riċentement iżda ilha fis-seħħ mill-1985. Ninsab infurmat ukoll li din il-proċedura tirrigwarda biss talba għal trasferiment mill-individwu nnifsu u ma tapplikax għal trasferimenti meħtieġa minn żmien għal żmien fl-aħjar interessi ta-Korp u tal-pubbliku in ġenerali.
15.02.99
B'riferenza għat-trasferimenti li ġew ordnati fl-SAG fi Frar 1999, jista' l-Ministru jispjega għaliex membru ta' din l-iskwadra li ilu jagħti servizz fl-SAG għal dawn l-aħħar 8 snin ġie trasferit għall-għassa ta' Bormla? X'benefiċċju ħa l-SAG b'dan it-transfer?
Response (BORG, TONIO)
Kif kelli okkażżjoni li ngħid fi Tweġibiet preċedenti, it-trasferimenti fil-Korp tal-Pulizija jsiru meta u kif ikun il-bżonn fl-aħjar interessi ta' l-istess Korp u tal-pubbliku in ġenerali.
15.02.99
B'riferenza għall-investigazzjoni ta' "rregolaritajiet fl-applikazzjonijiet mat-taqsima tat-tifi tan-nar qabel l-elezzjoni" kif ġie rappurtat fil-ġurnal "il-mument" tal-31 ta' Jannar 1999, jista' l-Ministru jgħid meta saret l-investigazzjoni u jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport relattiv?
Jista' l-Ministru jgħid kif il-pensjoni tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li sa riċentement kellha pensjoni ta' Lm139.36ċ u li din f'daqqa waħda ġiet riveduta u qed tingħata pensjoni ta' Lm98.62ċ? Ma jarax il-Ministru li din il-pensjoni kif emendata hija miżera ħafna biex din l-armla tgħix fl-eta tagħha ta' 73 sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ser tiġi nfurmata dwar il-pensjoni tagħha u r-raġuni tat-tnaqqis mill-pensjoni tagħha. Id-Dipartiment għandu jinformaha ukoll dwar xi benefiċċji oħra li tista' tikkwalifika għalihom.
Jiena nfurmat li r-rata ta' pensjoni kontributorja li qed tirċievi l-Armla issa, tirrefletti l-medja ta' kontribuzzjonijiet imħallsa jew akkreditati ta' żewġha.
15.2.99