Legislature:
Category:
Reset
Active:

Toroq — Asfaltar

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir programm ta' l-għoti tat-tarmac fit-toroq u lokalitajiet tat-12-il distrett Mellieħa, Rabat, Baħrija, San Pawl il-Baħar, Burmarrad, Mġarr, Manikata, Buġibba eċċ? Liema huma dawk it-toroq li fil-fatt se jiġi mogħtija t-tarmac matul din is-sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li qiegħed jitfassal pjan għal asfalt ta` toroq fil-lokalitajiet madwar Malta kollha biex il-prijoritajiet tax-xogħol għal din is sena u għas-snin li ġejjin ikunu definiti u kkwantifikati.
Leg 9 PQ #4073 Sitting 63 1999-02-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Pazjenti mibgħuta barra għal kura

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa fil-mument in-numru ta' pazjenti Maltin u Għawdxin li jinsabu jistennew appuntament sabiex jassistu għal kura fl-isptarijiet barranin? Kemm ilhom pendenti dawn it-talbiet u x'qed isir sabiex jiġu rikoverati bl-inqas dewmin ta' żmien?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Fil-31 ta' Jannar 1999 kien hemm 26 pazjent jistennew appuntament biex imorru għal kura fi sptarijiet l-Ingilterra. Iż-żmien li pazjent idum jistenna jiddependi mill-urġenza tal-każ u mill-'waiting list' li hemm fl-isptar fejn il-pazjent jeħtieġ il-kura. L-iżjed li jdumu jistennew huma pazjenti ta' l-ortopedija fejn il-'waiting list' hi twila. Hemm 3 pazjenti li ilhom jistennew 'l fuq minn għaxar xhur. Id-Dipartiment tas-Saħħa qiegħed f'kuntatt kuljum ma' l-isptarijiet l-Ingilterra u mal-Kummissjoni Għolja ta' Malta f'Londra biex il-pazjenti jingħataw appuntament mill-aktar fis possibbli.
Leg 9 PQ #4074 Sitting 63 1999-02-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Fabbriki — Impjegati

Question

B'riferenza għall-impjiegi fil-fabbriki, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra liema huma dawk il-kumpanniji/fabbriki li għandhom xi forma ta' agreement dwar in-numru ta'ħaddiema li jimpjegaw? Kemm fil-fatt huwa n-numru li suppost iħaddmu dawn l-imsemmija u kemm fil-fatt qed jimpjegaw fil-mument?

Response (BONNICI, JOSEF)

Minħabba l-provvediment ta' l-Att dwar l-Iżvilupp Industrijali (Kap 325) li jirrigwarda l-kunfidenzjalita, l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata.
Leg 9 PQ #4075 Sitting 63 1999-02-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Pitkalija — Prodotti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'kienu l-prezzijiet medji għall-prodotti tal-bdiewa mill-Pitkalija Ċentrali matul Novembru u Diċembru 1998 u Jannar 1999? Jista' l-Ministru jinformani wkoll bl-istess statistika għall-perijodu ta' Novembru u Diċembru ta' l-1997 u Jannar ta' l-1998?

Response (ZAMMIT, NINU)

KGS LM AVERAGE November 1998 2,099,629 383,213 18.25 December 1998 1,851,573 360,942 19.49 January 1999 2,083,233 285,853 13.72 KGS LM AVERAGE November 1997 1,793,559 338,688 18.88 December 1997 1,593,846 431,684 27.08 January 1998 31,360,744 4,817,622 15.36 Dawn il-figuri jikkonfermaw kemm huwa kbir il-bżonn li s-sistema kollha ta' kif iseħħ in-negozju fil-pitkalija għandha tiġi moderniżżata u komputeriżżata ħalli b'hekk l-operaturi kollha nvoluti, nkluż il-konsumatur, ikun jaf l-prezzijiet rejali tal-bejgħ/xiri ta' kull prodott agrikolu.
Leg 9 PQ #4076 Sitting 63 1999-02-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

IFOAM

Question

Jista' l-Ministru jinformani liema huma dawk il-kumpanniji/organizzazzjonijiet eċċ Ewropej rikonoxxuti mill-IFOAM għaċ-ċertifikazzjoni tal-ħamrija u prodotti agrikoli organiċi?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi lil Onor. Interpellant għar-risposta għad-domanda parlamentari numru 4077.
Leg 9 PQ #4077 Sitting 63 1999-02-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Prodott organiku — Agreement mal-Bioagricoop

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3420, Seduta Nru. 56, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk fl-Ewropa hawnx kumpanniji volontarji u/jew organizzazzjonijiet mhux kummerċjali li jagħmlu testijiet xjentifiċi fuq ħamrija u prodotti agrikoli bla ħlas u ċioe' mhux fuq bażi kummerċjali? Liema minn dawn il-kumpanniji huma rikonoxxuti mill-IFOAM International Federation Organic Agriculture Movement?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jiena infurmat li l-IFOAM hija għaqda internazzjonali mhux governattiva li tħaddan fiha 740 organiżazzjoni membru fosthom tal-produtturi, tal-manifatturi u tal-konsumaturi minn 105 pajjiż mid-dinja kollha. M'għandiex informazzjoni jekk fl-Ewropa hawnx xi għaqda volontarja li lesta tagħmel xi testijiet jew analiżi fuq prodotti agrikoli jew ħamrija bla ħlas li hija rikonoxxuta minn din l-għaqda.
Leg 9 PQ #4125 Sitting 63 1999-02-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tal-Kuntratti — Memorandum of Understanding

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Kuntratti kienx involut fit-tfassil tal-memorandum of understanding iffirmat bejn il-Konsorzju Skanska u l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi peress li kien dan l-istess dipartiment li kien ippubblika s-sejħa għall-offerti għall-bini ta' l-isptar il-ġdid fl-1994? Jista' l-Ministru jgħid ukoll min sejjer jibda japprova varjazzjonijiet u extra works għal xogħlijiet li jridu jiġu eżegwiti jew li ġew eżegwiti diġa' u li huma riżultat tad-disinji alterati msemmija fl-imsemmi memorandum of understanding? Ma jidhirlux il-Ministru li peress li l-kuntrattur issa huwa wkoll id-disinjatur dan se jkollu konflitt ta' interess meta jiġi biex jiġġustifika l-varjazzjonijiet u l-extra works?

Response (DALLI, JOHN)

Id-dipartiment tal-kuntratti ma kienx involut fin-negozjati li saru bejn il-Konsorzju Skanska u l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u li wasalu għall-memorandum of understanding li għalih qiegħed jirreferi l-Onor Interpellant. Billi għad m`hemm ebda ftehim għat-tkomplija tax-xogħol, għadu prematur li jsiru kummenti fuq kif jopera dan il-ftehim jekk jintlaħaq.
Leg 9 PQ #4126 Sitting 63 1999-02-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Memorandum of understanding

Question

B'riferenza għal dak mistqarr fil-memorandum of understanding, iffirmata bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u l-Konsorzju Skanska partikolarment "The design is to include medical equipment but supply and installation of medical equipment is not to be included", jista' l-Ministru jgħid għaldaqstant min se jkun responsabbli biex iħejji d-dokumentazzjoni tat-tender għas-sejħa pubblika għall-offerti għall-provvista u l-installazjoni tat-tagħmir mediku kif ukoll jgħid min se jibda jiċċertifika li t-tagħmir provdut u nstallat kien dak speċifikat fid-disinji mħejjija minn Skanska li sejrin jakkumpanjaw it-tender documentation biex il-kuntrattur magħżul ikun jista' jitħallas mill-gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ir-risponsabilita għat-tħejjija tad-dokumentazzjoni tat-'Tender' ser tkun koordinata mil-F.M.S. b'konsultazzjoni mal-'end users'. Iċ-ċertifikazzjoni tat-tagħmir provdut tkun risponsabilita' ta' Skanska bis-sorveljanza tal-klijent.
Leg 9 PQ #4147 Sitting 63 1999-02-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi — Memorandum

Question

Jista' l-Ministru jagħti raġunijiet għaliex il-Gvern permess tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi ftiehem mal-Konsorzju Skanska fil-Memorandum of Understanding dwar l-isptar il-ġdid biex dan il-kuntrattur iħejji works programme li jieħu f'konsiderazzjoni l-immigrazzjoni mill-Isptar San Luqa għall-isptar il-ġdid? Ma jidhirlux il-Ministru li din ir-responsabbilta' hija tad-Diviżjoni tas-Saħħa u m'għandhiex f'ebda ċirkostanza tkun trasferita lil xi entita' li ma tiffurmax parti mill-Gvern Malti li hu l-Health Service Provider?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Biex il-konsorzju Skanska jħejji 'Works Programme' għat-tkomplija tal-proġett, bilfors irid jieħu konsiderazzjoni tal-imigrazzjoni mill-Isptar San Luqa għall-Isptar il-Ġdid biex jikkordina ix-xogħol. M'huwiex prattiku li wieħed jagħmel 'Works Programme', speċjalment ta' l-aħħar fażi tal-proġett, u jinjora l-imigrazzjoni minn sptar għall-ieħor.
Leg 9 PQ #4148 Sitting 63 1999-02-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi — Memorandum

Question

B'riferenza għall-Memorandum of Understanding iffirmat bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u l-Konsorzju Skanska jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Brief li kellu jiġi ppreżentat lill-kuntrattur sat-18 ta' Diċembru, 1998 u li fih il-Gvern kellu jagħti dettalji tal-ħteġijiet tal-gvern fir-rigward tal-bini ta' l-isptar ġdid? Jista' l-Ministru jgħid min kiteb dan il-brief u fuq liema parametri kien ibbażat? Ma jidhirlux il-ministru li l-Gvern ma kellux jiftiehem ma' Skanska biex din tipprovdi rappreżentant/i with a view to assisting in the preparation of such brief, ladarba l-Gvern għandu s-servizzi ta' esperti barranin fil-health planning li kienu speċifikament appuntati biex iħejju Medical Brief għall-isptar il-ġdid?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ma jidhirlix li hu xieraq f'dan il-mument li l-'Brief' mitlub mill-Onor. Interpellant jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-'Brief' inkiteb minn rappreżentanti tad-Dipartiment tas-Saħħa u minn 'Health Planners' barranin. Il-Gvern ħass li jkun importanti l-involviment ta' rappreżentant ta' Skanska biex ikun hemm kontribut aktar wiesgħa.
Leg 9 PQ #4149 Sitting 63 1999-02-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi — Memorandum

Question

Jista' l-Ministru jiggarantixxi li r-rappreżentant/i ta' Skanska ma jiddisinjawx fuq standards li l-limitazzjonijiet finanzjarji ta' Malta ma jippermettux li jiġu mplimentati iżda li fil-verita'jagħtu marġini ta' profitt aqwa lill-kuntrattur li hu wkoll id-disinjatur? X'se tkun il-politika ta' l-iddisinjar; dik li wieħed imur għall-attrezzaturi bażiċi li għandhom ikunu suffiċjenti għal sptar ġenerali jew li wieħed jiddisinja sptar b'livell teknoloġiku għoli u li jkun jiswa ħafna biex tgħammru u biex tmantnih peress li jkun jenħtieġ li wieħed jaġġornalu l-infrastruttura teknoloġika tiegħu fuq bażi kontinwa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-kuntrattur Skanska jiddisinja dak li jiġi approvat mill-Gvern malti. Kull disinn irid jiġi approvat mil-Klient. Barra minnhekk, il-'Memorandun of Understanding' jistipula li Skanska trid taħdem fuq 'open book', jiġifieri li l-Gvern ikollu aċċess kontinwu għall-aspetti finanzjarji tal-proġett. Hija l-politika tal-Gvern li jibni Sptar Akut, speċjalizzat u li jkun ċentru ta' eċċellenza u ta' riċerka u li jindirizza l-ħtigijiet mediċi tas-snin li ġejjin.
Leg 9 PQ #4150 Sitting 63 1999-02-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi — Memorandum

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi progress qiegħed jiġi reġistrat fuq il-Pre-Design Brief imsemmi fil-Memorandum of Understanding iffirmat bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u l-Konsorzju Skanska liema Pre-Design Brief kellu jkun finalizzat minn Skanska sa l-aħħar ta' Jannar 1999? Jaħseb il-Ministru li din id-data kienet realistika?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-Pre-Design Brief imsemmi fil-Memorandum of Understanding tlesta hekk kif ippjanat u ġie ppreżentat lil F.M.S. fil-1 ta' Frar 1999.

Pensjonanti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li huma reġistrati bħala pensjonanti ġewwa l-Gżira, l-Imsida, San Gwann u Ta' Xbiex li jirċievu xi forma ta' pensjoni? Jista' l-Ministru jgħid kemm minnhom jirċievu pensjoni u kemm hemm f'kull kategorija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi Seduta oħra. 15.2.99
Leg 9 PQ #4199 Sitting 63 1999-02-15 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Impjegati barranin

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu l-għadd ta' barranin impjegati mal-gvern? F'liema dipartimenti jinsabu u x'kariga għandhom? Fuq liema bażi ġew impjegati f'kull każ?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

It-tagħrif li qed jitlob l-Onor Interpellant diġa’ ingħata fit-tweġiba tiegħi b’risposta għad-domanda numru 2706 fl-14 ta’ Jannar li għadda.

Imbid lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-valur u l-volum ta' imbid ta' Malta s-sena li għaddiet u kemm minnu ġie esportat? Għal liema pajjiżi ġie esportat? Kemm kien il-valur u l-volum ta' imbid ta' barra importat Malta s-sena l-oħra u minn liema pajjiżi?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-ammont ta' inbid ta' Malta esportat matul l-1998 kien ta' 49,995 litru b'valur ta' Lm75,246. Dan il-volum ta' inbid kien esportat lejn dawn il-pajjiżi: l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, Iżrael, il-Libja, l-Olanda, ir-Renju Unit, il-Federazzjoni Russa, Spanja, l-Istati Uniti ta' l-Amerika, l-Ungerija u l-istores ta' l-ajruplani. L-ammont ta' inbid impurtat f'Malta matul l-istess sena, kien ta' 345,053 litru b'valur ta' Lm787,450. Dan il-volum ta' inbid ġie impurtat minn dawn il-pajjiżi:- l-Afrika t'Isfel, l-Awstralja, il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, New Zealand, l-Olanda, il-Portugall, ir-Renju Unit, Spanja, l-Istati Uniti ta' l-Amerika, l-Isvizzera u l-Ungerija. Minħabba d-dispożizzjonijiet ta' l-Att ta' l-Istatistika ta' l-1955 dwar kunfidenzjalita', l-informazzjoni dwar produzzjoni ta' inbid lokali ma tistax tingħata.
Leg 9 PQ #4201 Sitting 63 1999-02-15 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Qrati — Kumpens

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-gvern wasalx għal xi deċiżjoni dwar kumpens fil-każ ta' Anthony Mifsud li kien involut fl-inkjesta dwar il-ħarba mill-ħabs ta' Louis Bartolo u l-avvenimenti sussuegwenti?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Naħseb li l-Onorevoli Interpellant japprezza li deċiżjoni dwar każi ta` kumpens trid tittieħed fid-dawl tal-fatti u meta d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa tkun f’idejn id-dipartiment responsabbli. Din id-dokumentazzjoni, għalkemm intalbet, għadha ma waslitx. Id-Diviżjoni tal-Ġustizzja qed tagħmel l-almu tagħha biex dan il-każ ma jitwalx bla bżonn.
Leg 9 PQ #4202 Sitting 63 1999-02-15 Oral · Interim From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Impjegati/reliġjużi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu l-għadd ta' reliġjużi (qassisin, sorijiet u patrijiet) impjegati fis-servizz tal-gvern jew f'istituzzjonijiet li jitmexxew b'fondi pubbliċi? Min huma u x'xogħol jagħmlu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.

Brussels — Business Bureau - Fondi pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' fondi pubbliċi li l-gvern intrabat li jħallas biex jgħin lill-Kamra tal-Kummerċ u l-Federazzjoni ta' l-Industrija ħalli dawn joperaw il-Business Bureau li għandhom ġewwa Brussels? Jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra hux lest li joffri l-istess għajnuna lit-trade unions interessati f'faċilitajiet ta' l-istess xorta?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #4254 Sitting 63 1999-02-15 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Agrikoltura u Sajd — Infiq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus fil-ministeru tiegħu bejn il-5 ta' Settembru, 1998 u l-31 ta' Jannar, 1999; f'riċevimenti, f'safar, f'petrol u diesel u f'pagi għall-imjegati?

Response (ZAMMIT, NINU)

Infiq f'riċevimenti, f'safar, f'petrol u diesel u f'pagi għall-impjegati, bejn il-5 ta' Settembru, 1998 u l-31 ta' Jannar, 1999, fil-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu kienu hekk: Riċevimenti - Ara tweġiba parlamentari No.3863 Safar - Lm3,766.66 Petrol u Diesel - Lm15,674.71 Pagi - Lm2,070,010.295
Leg 9 PQ #4255 Sitting 63 1999-02-15 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Servizzi Ekonomiċi — Infiq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus fil-ministeru tiegħu bejn il-5 ta' Settembru, 1998 u l-31 ta' Jannar, 1999; f'riċevimenti; f'safar, f'petrol u diesel u f'pagi għall-impjegati?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-ammont ta' flus minfuqa mill-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi, li jinkludu żewġ Segretarji Parlamentari u Ministru, bejn il-5 ta' Settembru 1998 u l-31 ta' Jannar 1999 kien dan: Riċevimenti - Lm 2179.70 Safar - Lm 4738.34 Petrol u Diesel - Lm 3039.50 Pagi - Lm58,514.00