Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 2893 u cioe': jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw flus lill-awtoritajiet ekklesjastiċi matul l-1998 taħt il-ftehim li kien sar dwar trasferiment ta' l-artijiet tal-Knisja lill-gvern? Jista' jgħid meta sar kull ħlas matul din is-sena u f'liema ammonti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-ħlasijiet li saru matul l-1998 lill-Awtoritajiet Ekklesjatiċi taħt il-ftehim li kien sar bejn il-Gvern Malti u s-Santa Sede dwar trasferiment ta' proprjeta' tal-Knisja lill-Gvern kienu kif ġej : -
a) Imgħax imħallas fuq 7% Malta Government Stock 2003 (1st Issue)
imħallas fit-18 ta' Frar 1998 - Lm 982,345
imħallas fit-18 ta' Awissu 1998 - Lm 982,345
b) Imgħax imħallas fuq 7% Malta Government Stock 2006 (iv)
imħallas fit-30 ta' Ġunju 1998 - Lm5,849.45
imħallas fit-30 ta' Diċembru 1998 - Lm5,849.45
16.02.99
Nirriferi l-Ministru għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 2527, jista' l-Ministru jelenka f'liema skejjel tal-Knisja u dawk privati qegħdin jaħdmu għalliema barranin ta' l-edukazzjoni fiżika? Ta' liema nazzjonalita' huma? Dawn għandhom permess jaħdmu Malta għaliex miżżewġin Maltin jew għandhom xi permess speċjali tax-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Għalliema barranin ta' l-Edukazzjoni Fiżika li qegħdin jaħdmu fl-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti Privati huma hekk:
SKEJJEL TAL-KNISJA NAZZJONALITA'
St Joseph Sliema 1 Bulgara
St Aloysius College 1 Bosnjan
Dawn it-tnejn huma għalliema barranin u għandhom permess speċjali biex jaħdmu Malta.
SKEJJEL INDIPENDENTI NAZZJONALITA'
Verdala International 1 Awstraljana
St Martin's College 1 Jugoslav
St Edwards 1 Bulgaru
Tnejn minn dawn għandhom permess speċjali u l-ieħor barrani miżżewweġ Maltija.
Wara li l-Ministru qal fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 2763 li fl-10 ta' Diċembru, 1998 id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni kiteb lid-Dipartiment tas-Saħħa biex isiru spezzjonijiet fit-tuck shops ta' l-iskejjel, jista' l-Ministru jgħid jekk sarux xi spezzjonijiet u f'liema skejjel? Instabu xi nuqqasijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bejn is-17 u l-24 ta' Diċembru 1998 saru spezzjonijiet minn Spetturi Sanitarji fit-'Tuck Shops' kollha minbarra dawk fl-Iskejjel Sekondarji tas-subien "Dun Karm Psaila" Ħaż-Żebbuġ u "Ġuże' Galea" Ħal Qormi, peress li nstabu magħluqa għall-btajjel tal-Milied.
In-nuqqasijiet misjuba huma msemmija fir-rapport li ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Id-Dipartiment tas-Saħħa ntalab għal darb'oħra jagħmel spezzjonijiet fiż-żewġ skejjel fuq imsemmija, matul Jannar 1999.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm impjegati fil-Joint Office fis-snin 1996, 1997 u 1998?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fl-aħħar tas-snin 1996, 1997, 1998 fl-Uffiċċju Konġunt kien hemm 25, 32 u 33 impjegat full-time rispettivament u 4 konsulenti fuq bażi 'part time'.
16.02.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm u għad hemm ħaddiema mpjegati taħt l-isem ta' beach cleaners fis-snin 1995, 1996, 1997 u 1998?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li fl-1995 kien hemm 32 'beach cleaners' u 113 il-'labourer' oħra impjegati fuq dmirijiet ta' 'beachcleaning'. B'effett mill-1996 wara r-riforma fis-Servizz Pubbliku l-grad ta' 'beach cleaner' ġie assorbit fil-grad ta' 'General Hand' fi Grupp II. Għaldaqstant fl-1996 l-għadd ta' 'General Hand II' li kienu qed jagħmlu xogħol ta' 'beach cleaners' kien ta' 134. Dan l-għadd niżel għal 123 fl-1997 u sar 126 fl-1998.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm saru applikazzjonijiet għal talbiet ta' permessi in konnessjoni mal-ftuħ ta' Casino f'Malta u Għawdex minn Hotels tal-ħames u tar-raba' grad?
Response (DALLI, JOHN)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li saret applikazzjoni waħda għall-ħruġ ta` liċenzja in konnessjoni mal-ftuħ ta` `Casino` f`Malta u Għawdex minn Hotels tal-ħames u tar-raba` grad.
Din l-applikazzjoni kienet sottomessa minn Tomino Ltd. in konnessjoni ma New Dolmen Hotel ta` San Pawl il-Baħar. Dan wara li l-offerta tagħhom kienet adġudikata bħala l-aktar waħda vantaġġjuża mill-bord ta` evalwazzjoni mwaqqaf apposta fl-1997.
Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm huma l-persuni li għandhom jieħdu drittijiet mill-Gvern ta' Malta in konnessjoni ma' perizji legali u tekniċi kif imqabbda mill-Qrati tagħna, kemm huwa l-ammont globali dovut lilhom u kemm huwa l-ogħla ammont dovut lil persuna waħda?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li n-numru ta` persuni li għandhom jieħdu
drittijiet mill-Gvern in konnessjoni ma` perizji legali u
tekniċi huwa ta` 57. L-ammont globali dovut lilhom huwa
ta` Lm17,519 u l-ogħla ammont dovut lil persuna waħda huwa
ta` Lm2576.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba minn Novembru 1996 sa Awissu 1998 itteħdu passi neċessarji mid-Dipartiment ta' l-Artijiet sabiex id-diversi persuni u annimali li qegħdin jokkupaw parti mill-fortizza ta' Sant'Iermu fil-Belt jiġu mistiedna jitilqu; u jikkonfermax li f'waħda minn dawn il-kmamar hemm annimal ta' natura feroċi miżmum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-parti tal-Forti Sant Iermu li mhix f'idejn il-Pulizija jew f'idejn il-Mużew tal-Gwerra, li hija magħrufa bħala Lower St Elmo u li hija mgħassa minn watchman, fil-maġġor parti hija allokata lid-Dipartiment tal-Kultura.
Ninsab infurmat ukoll li xi persuni huma awtorizzati mid-Dipartiment tal-Kultura biex temporanjament jużaw dan il-post in konnessjoni max-xogħol li jsir għal Karnival.
L-allegazzjoni li f'waħda mill-kmamar qed jinżamm annimal ta' natura feroċi qed tiġi nvestigata.
16.02.99
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol fuq il-lant ta' l-isptar il-ġdid peress li jinsab wieqaf kif ukoll igħid jekk hux se jkun hemm talbiet min-naħa tal-kuntrattur Skanska għal żidiet fir-rati attwali ppubblikati mal-Letter of Acceptance peress li għaddew aktar minn tliet snin mid-data ta' l-istess Letter of Acceptance?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ix-xogħol fuq il-lant ta' l-isptar il-ġdid ma jinsabx wieqaf; xogħol ta' kostruzzjoni għadu għaddej fuq il-'Carpark' u 'l-'Fourth Wing'.
It-talbiet minn naħa tal-kuntrattur Skanska jkunu magħrufa meta jsiru.
B'riferenza għall-Memorandum of Understanding iffirmat bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u l-Konsorzju Skanska jista' l-Ministru jgħid x'servizzi se tkopri l-figura ta' 7.5% management fee? Jista' l-Ministru jippreċiża jekk ix-xogħlijiet kollha ta' disinji flimkien ma' l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa kollha hux se jitħallsu bħala parti ta' dan il-perċentaġġ ta' 7.5% jew hemm il-ħsieb li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi tħallas lump sum jew perċentaġġ ieħor bħala design fees u din il-figura ta' 7.5% għall-ġestjoni tal-proġett komplet? Jista' l-Ministru jgħid ukoll min f'isem il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi se jagħmel il-verifiki meħtieġa fl-ispejjeż tal-kuntrattur li abbażi tiegħu skond kif mistqarr fl-istess Memorandum of Understanding se titħallas il-Management fee?
Fid-dawl ta' dan kollu ma jidhirlux il-Ministru li l-pakkett ta' remunerazzjoni li Skanska qiegħed jistenna li jieħu mingħand il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi mhux ċar u li jista' jkun li tħalla appożitament kif inhu sabiex meta jiġi biex isir il-ftehim finali li l-Ministru hu mitlub jgħid meta se jsir Skanska tkun tista' titlob żieda fil-fee bbażata fuq il-fażi tal-pre-design?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-figura ta' 7.5% tkopri l-ispejjeż ta' ġestizzjoni tal-proġett u tax-xogħol kollu mill-istadju tad-disinn sal-'commissioning'. Din il-figura tkopri wkoll spejjeż indiretti bħal xi riżorsi fil-'Head Office' ta' Skanska.
Ix-xogħol ta'disinji u speċifikazzjonijiet jiġu kkalkolati bħala 'cost' u ma huwiex kopert fil-'Management Fee'.
Il-verifika ta' l-ispejjeż issir minn 'Awdituri' u 'Rappreżentanti tal-Klijent' li jiġu nkarigati apposta għal dan il-għan.
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, wieħed irid jikkonsidra li 'Memorandum of Understanding' għad irid iwassal għal-kuntratt finali bejn l-F.M.S. u Skanska Malta J.V., biss il-figura ta' 7.5% hija miftiehma.
Jista' l-Ministru jgħid jekk impjegati tal-Malta University Services Ltd u li huma responsabbli mill-ġestjoni tal-proġett ta' l-isptar il-ġdid hemmx il-ħsieb li jsiru mpjegati tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi?
Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid taħt liema kundizzjonijiet se jkunu mpjegati u x'pakketti ta' remunerazzjoni se jiġu offruti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lil Ministru kkoncernat.
Peress li hija x-xewqa ta' numru ta' familji Rabtin li għandhom talba pendenti sabiex jixtru qabar, li jżommu l-fdalijiet wara l-proċess ta' sentejn mill-mewt f'qabar apposta li jkun aċċessibbli fiċ-Ċimiterju tar-Rabat stess, jista' d-dipartiment konċernat jagħmel l-arranġamenti meħtieġa ħalli t-talba ta' dawn il-familji Rabtin tiġi milqugħa?
Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Presentement ma jidhirx li hu possibbli li t-talba ta' l-Onor. Interpellant tista tiġi milqugħa. Madankollu tlabt lid-Dipartiment biex jistudja aktar fid-dettal dan is-suġġeriment.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma t-talbiet ta' arretrati ta' flus li għandhom jitħallsu l-kuntratturi għal xogħlijiet pendenti fuq toroq pubbliċi li saru matul is-snin?
Meta saru dawn it-toroq u kemm jiswew triq, triq? Meta d-dipartment jew ministeru tat-trasport għadda l-ministeru/dipartiment tal-finanzi d-dokumenti għal pagamenti ta' dawn ix-xogħlijiet li wettqu l-kuntratturi u l-ħaddiema tagħhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-talbiet pendenti li għamlu l-kuntratturi jammontaw għal madwar Lm2,227,000.
Dawn il-`claims` ikopru xogħolijiet u provista ta` materjal li jmorru lura diversi snin qabel il-bidu ta` din is sena u qegħdin jiġu `assessed` mid-Dipartiment tat-Toroq, id-Dipartiment tal-Kuntratti u l-Ministeru tal-Finanzi sabiex ikunu jistgħu jsiru l-ħlasijiet. Peress li dan ix-xogħol għadu għaddej mhux possibbli li għalissa ikun definit il-valur tal-`claims` triq, triq.
Jista' l-Ministru jistħarreġ mar-residenti ta' l-Imtarfa li joqogħdu wara l-isptar jekk ikunx aħjar għas-sigurta' tat-traffiku tagħhom li jsiru tabelli tal-"one way" eċċ ħalli jkun hemm formalita' aħjar tas-sistema?
Jekk fil-pożittiv, jista' l-Ministru jara li tittieħed l-azzjoni neċessarja sabiex l-imsemmija tabelli jsiru immedjatament?
Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Irreferejt is-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant għall- konsiderazzjoni tal-Bord għall-Kontrol tat-Traffiku.
B'riferenza għax-xogħlijiet ta' bini ta' ħitan tas-sejjieħ li qed jissoktaw fi Triq Prinċipali li tagħti għar-Rabat u peress li kienu saru arranġamenti sabiex id-dipartiment jagħmel gates ġodda fl-entraturi tar-raba' ħalli jgħin lill-bdiewa u fl-istess ħin ikunu aktar kompatibbli ma' l-ambjent ta' l-inħawi, jista' l-Ministru ġentilment jirrimedja sabiex dawn ix-xogħlijiet ċioe' l-gates (xatba) jsiru u jitwaħħlu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li ma jirriżultax li qatt saru arranġamenti mad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent biex dan jagħmel gates ġodda fl-entraturi tar-raba' fi Triq Prinċipali li tagħti għar-Rabat u fil-fatt l-istess Dipartiment qatt ma għamel gates għal dana l-iskop.
Peress li n-numru kbir ta' ġenituri li jkunu qed jassistu matul il-jum u matul il-lejl lit-tfal tagħhom fl-Isptar Karen Grech partikolarment f'Ward Disney jilmentaw li m'hemmx pultruni diċenti, jista' l-Ministru jinvestiga u jara li jingħataw pultruni diċenti ħalli l-istess ġenituri li wara lejl jassistu lit-tfal tagħhom, ikunu jridu jirritornaw lura għal jum ta'ħidma ma jkomplux ikunu fi żvantaġġ?
Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellent li fis-sala Disneyland hemm 33 sodda.
Għall-akkomodazzjoni tal-ġenituri hemm 38 pultruna. Nifhem li dan in-numru hu biżżejjed.
Wieħed irid jgħid, li bil-lejl, l-omm biss hi permessa li toqgħod mat-tfal.
F'każi tat-tul, (per eżempju - oncology cases, breastfeeding mothers u pregnant mothers) is-sala tipprovdi sodda għall-omm, dejjem jekk ikun possibbli.
Peress li x-xogħlijiet ta' manutenzjoni li kellhom isiru fit-toroq ta' l-Industrial Estate, Mrieħel la saru fl-ewwel ġimgħa ta' Jannar u lanqas fl-aħħar ġimgħa, jista' l-Ministru jara li jikkordina dan il-bżonn li qed joħloq inkonvenjent kbir lill-ħaddiema, diretturi u konsumaturi li jiffrekwentaw dawn l-inħawi industrijali?
Jekk fl-affermattiv, meta u liema sezzjoni hija responsabbli minn dan ix-xogħol?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li s-sejħa għall-offerti għall-manutenzjoni tat-toroq ġewwa l-Qasam Industrijali, msemmi ħarġet u x-xogħol meħtieġ mistenni jibda fi żmien mhux il-bogħod.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li kien il-gross fixed capital formation is-sena li għaddiet rigward: (a) bini u xogħol ta' kostruzzjoni; (b) tagħmir tat-trasport; (c) makkinarju; (d) tagħmir elettriku u appliances; u (e) investiment ieħor? Kemm minn dan kien investiment Malti u kemm barrani? Kif jikkomparaw dawn iċ-ċifri mas-sentejn ta' qabel?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-valur totali tar-riżervi barranin tal-Bank Centrali fl-ewwel tas-sena? Kif tikkompara din iċ-ċifra ma' l-istess data fil-ħames snin ta' qabel?
Response (DALLI, JOHN)
Il-valur totali tar-riżervi barranin tal-Bank Ċentrali ta` Malta fl-ewwel tas-sena 1999 kien Lm610,818,000*.
Il-pożizzjoni tar-Riżervi Barranin fil-ħames snin ta` qabel kienu:
Sena Riżervi Differenza fuq % differenza
Lm `000 is-sena ta` qabel fuq is-sena ta` qabel
Lm `000
01.01.94 533,400 --
01.01.95 617,644 84,244 15.79 %
01.01.96 508,693 (108,951) (17.64)%
01.01.97 508,577 (116) (0.02)%
01.01.98 541,602 33,025 6.49 %
01.01.99 610,818 69,216 12.78 %
*Din il-figura hija proviżorja.