Jista' l-Ministru jispjega kif il-politika hekk imsejħa ta' persważjoni se tipproteġi lill-konsumatur minn dawk li huma responsabbli għal għoti ta' ċerti prezzijiet bla rażan?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Minsitru jgħid kemm se tiswa lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma s-sistema ta' Automated Meter Reading?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-sistema li għaliha qed jirreferi l-onorevoli Interpellant għadha fi staddju ta' studju preliminari u għalhekk għadu kmieni biex wieħed jesprimi ruħu dwar spiża involuta għat-tħaddim tagħha.
Jista' l-Ministru jara li titwaħħal lampa mal-ħajt ta' l-iskola sekondarja Marija Goretti n-naħa fejn hemm is-subway li tagħti għal Santa Luċija f'Ħal Tarxien?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-ispetturi tas-saħħa m'għamlu l-ebda spezzjoni fit-tuck shops ta'l-iskejjel ta' l-Istat minkejja t-talba li saret mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fl-1 ta' Ottubru, 1998? Peress li skond il-Ministru ta' l-Edukazzjoni saret talba oħra fl-10 ta' Diċembru, 1998, jista'l-Ministru jgħid jekk sarux spezzjonijiet? F'liema skejjel?
Peress li l-iġjene u l-kwalita' ta' prodotti li jinbiegħu lill-istudenti huwa importanti minħabba s-saħħa tagħhom, jista' l-Ministru jara li dawn l-ispezzjonijiet isiru aktar spissi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fl-10 ta' Diċembru 1998 id-Dipartiment tas-saħħa rċieva kommunikazzjoni dwar spezzjonijiet ġo skejjel ta' l-istat mingħand id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni. Il-lista ta' dawn l-iskejjel ġiet mgħoddija lid-Dipartiment tas-Saħħa fis-16 ta' Diċembru 1998 u sussegwentement l-ispetturi tas-saħħa ġew ordnati jesegwixxu l-ispezzjonijiet neċessarji sa qabel l-aħħar ta' Dicembru 1998.
Rapport ta' l-ispezzjonijiet ta' l-iskejjel skond il-lista mibgħuta intbgħatet lid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni fit-28 ta' Diċembru 1998. Rapport fuq żewġ skejjel partikolari li kienu nstabu magħluqa minħabba l-vaganzi tal-Milied ġew spezzjonati aktar tard u rapport dwarhom intbgħat lid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni fit-12 ta' Jannar 1999. Lista ta' l-iskejjel spezzjonati hija annessa.
Spezzjonijiet oħra f'dawn l-iskejjel huma ppjanati li jsiru skond l-Att dwar l-Edukazzjoni 24 tal-1988 u l-Avviż Legali 150 tal-1990 sabiex tiġi żgurata l-iġjene u l-kwalita' ta' prodotti li jinbiegħu lill-istudenti.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi biex jitnaqqsu l-għargħar li jkun hemm fi Triq B'Kara, f'San Ġiljan kull darba li tagħmel ix-xita?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li t-Taqsima tax-Xogħlijiet qed tagħmel studju sabiex il-mina ta' l-ilma tax-xita li saret mill-Wied tal-Ballut, titkompla bl-istess mod sa fejn hemm it-Traffic Lights. B'hekk tiġi evitata l-possibilta' ta' għargħar li jkun hemm f'dawn l-inħawi.
Peress li l-Ministru fit-tweġiba li tani għall-mistoqsija parlamentari numru 2521 qal li xi forma tat-taħriġ fl-għawm għat-tfal ta'l-iskejjel se jibda kmieni din is-sena, jista'l-Ministru jgħid fiex waslu l-konsultazzjonijiet dwar dan? Minbarra l-awtoritajiet fil-Pixxina Nazzjonali qed isiru xi taħdidiet ma' kapijiet ta'l-iskejjel ta'l-Istat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-twaqqif tas-Swimming Promotions Unit irid ikun studjat flimkien mat-tqassim ta' għalliema tal-P.E. fl-iskejjel tal-Gvern. Bħalissa hemm nuqqas ta' għalliema tal-P.E. partikolarment fl-iskejjel primarji. Għalhekk wieħed irid jara kif jista' jinbeda t-taħriġ ta' l-għawm fil-Pixxina mingħajr ma jnaqqas l-għalliema tal-P.E. fl-iskejjel.
Fl-istudju dwar kif jista' jkun żviluppat it-taħriġ ta' l-għawm, s'issa saru diskussjonijiet ma'l-Education Officer ta' l-Isport.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-6 ta' Settembru, 1998 sal-31 ta' Diċembru, 1998 fl-School Dental Clinic tal-Furjana? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru ta' transfers mis-6 ta' Settembru 1998 sal-31 ta' Diċembru 1998 fl-School Dental clinic tal-Furjana huwa wieħed (1). Dan sar minħabba l-esiġenzi tas-servizz. Transfers jibqgħu isiru, bħal ma' dejjem sar, skond il-ħtiġijiet tad-Dipartiment u l-esiġenzi tas-servizz.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1847, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru għandux karozzi mikrija miegħu? Jekk għandu, jista' jgħid min huma l-kerrejja? Kemm tlaħħaq l-ispiża kuljum? Il-kirjiet qed isiru permezz ta' kuntratt li għalih ħarġu l-offerti jew permezz ta' direct orders? Minn min qed jintużaw?
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm huma l-persuni u f'liema gradi qegħdin fi ħdan l-uffiċċju tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li qed jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tar-residenti tal-Fgura? Hemm ħsieb li dawn jiżdiedu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
1. L-uffiċċju ta' Ħaż-Żabbar barra li jkopri din il-lokalita' iservi wkoll lir-residenti tal-Fgura, Xgħajra u Marsaskala.
2. L-istaff jikkonsisti f'uffiċċjal eżekuttiv li jagħmel xogħol ta' 'Welfare Officer' u miegħu għandu uffiċċjal eżekuttiv, żewġ skrivani, żewġ persuni fi grad industrijali li jagħmlu xogħol klerikali u żewġ messaġiera.
3. Bħalissa għaddej eżerċizzju biex jara l-ħtiġijiet ta' dawn l-uffiċini u kemm hu n-numru idejali li jkun hemm nies jaħdmu fihom.
17.2.99
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-kondizzjonijiet li jirregolaw l-għoti ta' parental leave fis-Servizz Pubbliku? X'passi jittieħdu biex ikun żgurat li min jingħata parental leave li għalih għandu dritt, ma jagħmilx xogħol ieħor waqt li jkun bil-leave speċifikament biex jassumi responsabbilta' għal membri tal-familja? Kemm hu l-għadd totali ta' mpjegati mal-gvern li qegħdin barra fuq parental leave?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-parental leave jingħata lill-uffiċjali li jkunu ilhom
mill-inqas sena jaħdmu mal-gvern fuq bażi regolari u full-
time. Dan il-leave jittieħed minn ġenituri biex jieħdu
ħsieb it-tfal tagħhom sakemm dawn jagħlqu ħames snin.
Tingħata sena leave bla ħlas għal kull tarbija, kif ukoll
career break ta' tlett snin leave bla ħlas li jista
jittieħed darba biss. Il-parental leave jista jittieħed
kemm mill-omm jew mill-missier jew maqsum bejn it-tnejn,
basta t-tnejn ikunu mpjegati tal-gvern, ma jeċċedux il-
limitu tal-parental leave, u ma jieħdux il-parental leave
flimkien, u jinqasam darba biss. Persuna li tapplika għall-
parental leave għandha tinnotifika lill-Kap tad-Dipartiment
tliet xhur qabel sabiex ikunu jistgħu jsiru l-arranġamenti
meħtieġa.
Biex jiġi żgurat li l-uffiċjal pubbliku ma jiħux il-
parental leave għal skop ieħor u mhux biex jieħu ħsieb it-
tfal, huwa mitlub jinforma bil-miktub lill-Kap tad-
Dipartiment tiegħu li mhux ser jagħmel xogħol privat fil-
ħinijiet tax-xogħol u wkoll jipproduċi dokumentazzjoni li r-
raġel tagħha jew il-mara skond il-każ qiegħed/qiegħda
taħdem full-time jew li l-każ huwa ta' ġenitur wieħed.
L-għadd totali ta' l-impjegati tal-gvern li qegħdin barra
fuq Parental Leave fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru huwa
sebgħa u għoxrin (27). Jekk l-Onorevoli Interpellant
jixtieq ikun jaf in-numru ta' impjegati tal-gvern li
qegħdin fuq Parental Leave f'Dipartimenti oħra, jista
jagħmel dan billi jsaqsi l-istess mistoqsija lill-Ministeri
konċernati peress li kull Ministeru iżomm id-
dokumentazzjoni tiegħu fuq il-Parental Leave.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-għadd ta' passiġġieri li ġew Malta matul is-sena li għaddiet ma' kumpanniji ta' l-ajru barranin: (a) fuq scheduled flights; u (b) fuq titjiriet charter? Dawn iċ-ċifri kif jipparagunaw mas-sentejn ta' qabel?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani tal-gvern għat-tkomplija tax-xogħol fl-isptar f'Tal-Qroqq? Hemm data meta l-isptar se jibda jiffunzjona u jekk fl-affermattiv, meta? Xi pjani hemm maħsuba biex ikun hemm nurses imħarrġa għall-bżonnijiet ta' l-isptar il-ġdid u l-bżonnijiet ta' l-Isptar San Luqa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
* Il-pjani tal-gvern huma hekk kif miftehma fil-'Memorandum of Understanding'
* Ma hemmx data għal meta ser jibda jiffunzjona l-isptar.
* It-taħriġ ta' l-infermiera, qiegħed isir fuq bażi regolari biex l-infermiera, jkollhom it-taħriġ meħtieġ anke qabel jinfetaħ l-isptar il-ġdid.
* Qed isiru wkoll kuntatti ma' Universitajiet barra minn Malta, biex inkunu nistgħu nibbenifikaw minn courses jew inġibu 'credits' għall-courses tagħna minn għandhom.
Jista' l-Ministru jikkonferma jew jiċħad rapporti fil-ġurnali li dehru riċentement fis-sens li se jinġiebu Malta għadd ta' ħaddiema Ċiniżi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Onor. Membru għandu jispeċifika għal liema rapporti qed jirreferi. Fil-kaz li hemm xi Ċiniżi li ser jiġu Malta biex jaħdmu, dawn l-ewwel iridu japplikaw u jinhargilhom il-permess biex jaħdmu, jekk ikun il-kaz, mid-Dipartiment tac-Ċittadinanza u Expatriates.
17.2.99