Jikkonferma l-Ministru rapporti li dehru fl-istampa lokali li Malta tista' titlef madwar Lm3 miljun mill-U.E. f'fondi ta' ristrutturazzjoni billi d-dokumentazzjoni rilevanti għadha ma ntbagħtitx Brussels u ilha xhur sħaħ fil-ministeru?
Response (BONNICI, JOSEF)
Id-dokumentazzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onor. Interpellant, kienet nieqsa minn ċerta informazzjoni u dettalji meta tħejjiet. Tajjeb hawn jingħad li din id-dokumentazzjoni kienet, fil-maġġor parti tagħha, tħejjiet matul l-amministrazzjoni preċedenti.
Uffiċjali tal-Kummissjoni ta' l-Unjoni Ewropea kienu ta' l-opinjoni li r-rapport kellu jkun aktar dettaljat u għalhekk il-gvern preżenti ħa l-passi neċessarji biex dan isir. Fil-fatt ir-rapport b'aktar dettalji u informazzjoni, intbagħat tad-Direttorat ta' l-Unjoni Ewropea biex eventwalment jintbagħat Brussels.
Mhux korrett li wieħed jgħid li Malta tista titlef imħabba ż-żmien li ttieħed biex id-dokument relevanti ikun ippreparat skond kif inhu meħtieġ, mill-Unjoni Ewropea u skond il-ħtiġijiet ta'pajjiżna.
Il-gvern qiegħed jikkonsidra, permezz tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni, li jdaħħal inċentivi ġodda ta' taxxa li jiffavorixxu t-tkabbir tas-sehem tal-leasing f'pajjiżna?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni qiegħed jipprepara draft regulations li għandhom jirregolaw il-mod kif jiġu intaxxati transazzjonijiet ta` finance leasing f`pajjiżna.
Meta dawn jitlestew isiru l-konsultazzjonijiet neċessarji mal-korpi interessati, u wara jidħlu fis-seħħ permezz ta` Legal Notice.
Jista' l-Ministru jara li jinqatgħu s-siġar li hemm fi Triq Alessandra, Bormla, peress li qed ikunu ta' inkonvenjent?
Response (ZAMMIT, NINU)
Iż-żbir ta' siġar f' din il-lokalita' jaqa' direttament taħt ir-responsabilita' tal-Kunsill Lokali ta' Bormla. Għalhekk l-Onor. Interpellant huwa mitlub jindirizza t-talba tiegħu lill-Kunsill.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għadhom ma rċevewx l-arretrati dovuti mill-Ftehim Kollettiv? Meta hemm il-ħsieb li jkun irċevihom kulħadd?
Response (DALLI, JOHN)
Id-Dipartiment tat-Teżor awtorizza l-ħlas ta` arretrati skond kif stabbilit mill-Ftehim Kollettiv lil kull kategorija ta` Uffiċjali Pubbliċi \ Impjegati tal-Gvern li għan-nom tagħhom saret talba f`dan ir-rigward mid-dipartimenti konċernati u liema ħlas kien ukoll konfermat mill-Uffiċċju tal-Management u Personnel fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Infakkar ukoll lill-Onor Interpellant li jekk jaf b`xi każ partikolari fejn il-ħlas ta` arretrati għadu ma sarx jgħarraf b`dan lid-Dipartiment tat-Teżor ħalli l-każ ikun jista` jiġi investigat.
Peress li f'Xatt ir-Risq, il-Birgu, qed ikun hemm ħafna laneċ tas-sajd li qed ikollhom ġeneraturi jaħdmu u peress li dawn qed joħolqu inkonvenjent għar-residenti li joqogħdu viċin, jista' l-Ministru jintervjeni sabiex dan l-inkonvenjent jispiċċa?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat minħabba li din hi kwestjoni ta' irmiġġ.
22.02.99
Jista' l-Ministru jara li tintlaqa' t-talba ta' numru ta' residenti fi Triq il-Palazz l-Antik tal-Gvernatur, il-Birgu, sabiex parti minn din it-triq issir "no entry" liema talba saret ukoll mill-Kunsill Lokali tal-Birgu lill-bord tal-kontroll tat-traffiku?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Bord għall-Kontrol tat-Traffiku approva t-talba tal-Kunsill Lokali tal-Birgu biex isiru `No Entry` signs fi Triq il-Palazz l-Antik tal-Gvernatur fit-18 ta` Novembru 1998.
Jista' l-Ministru jgħid jekk tressaqx il-Qorti u jekk le, meta beħsiebhom il-pulizija jressqu l-Qorti lill-partitarju Nazzjonalista li kien armat b'sikkina jaħraq karozza u żewġ muturi u dan kif muri aħjar fl-istorja rapportat lokalment fil-gazzetti lokali fid-29 ta' Ġunju, 1987 (kopja ta' dan qed tintbagħat separatament)?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant kien hemm żewġt irġiel suspettati u li wieħed minnhom illum huwa mejjet. Infurmat ukoll illi l-każ issa huwa preskritt, għax għaddew 11-il sena mill-inċident li, mill-proċess verbal ma jirriżultax li kellu x'jaqsam mal-politika.
22.02.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm sidien privati li għandhom jitħallsu mingħand il-Gvern ta' proprjeta' esproprjata minnu fejn il-ħlas ilu pendenti għal għaxar snin u aktar? Kemm huwa l-ħlas totali dovut?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li biex tinġabar l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-Mistoqsija jrid isir eżami ta' numru kbir ta' files u records manwali li jintħieġ ħafna żmien u ħafna riżorsi. Ma jidhirlix li l-użu ta' dan iż-żmien u riżorsi biex isir l-eżami msemmi hu ġustifikat.
Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1638 f'Seduta 18.
22.02.99
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 3859, jista' l-Prim Ministru jagħti lista aġġornata ta' l-uffiċjali pubbliċi li jokkupaw l-ewwel ħames gradi taċ-Ċivil u l-informazzjoni l-oħra mitluba fl-istess mistoqsija minħabba li l-lista ppreżentata ma tirriflettix is-sitwazzjoni sa l-1 ta' Jannar, 1999 minkejja li ġiet preżentata bħala tali?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
It-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija numru 3859 kienet
speċifika għall-mistoqsija kif saret. L-ewwel ħames gradi
fiċ-Ċivil huma dawk magħrufa bħala Officers in Grade 1 sa
Officer in Grade 5 u li dwarhom ingħatat l-informazzjoni
mitluba fil-mistoqsija msemmija.
Jekk l-Onor Interpellant tixtieq xi informazzjoni oħra,
hija mitluba tagħmel mistoqsija speċifika.
Jista' l-Ministru jgħid fuqhiex qed taħdem il-Fondazzjoni Kon-Kattidral ta' San Ġwann? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tiġi mnaddfa u restawrata l-gallerija tal-librerija tal-Kattidral li tagħti għal Triq Merkanti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Fondazzjoni għall-Kon-Kattidral ta' San Ġwann, imħabbra fid-diskors tal-Budget, għad trid tiġi kostitwita mill-Gvern u l-Mistoqsija għandha ssir lill-Onor. Prim Ministru.
Jista' l-Ministru jara li jitjieb l-ilqugħ kontra l-maltemp fil-bajja ta' Wied il-Għajn permezz ta' tkabbir ta' l-arm tal-breakwater ta' barra kif ukoll permezz ta' tqegħid ta' xi forma ta' wave breakers fin-naħa l-oħra ta' l-istess bajja?
Response (GALEA, ĊENSU)
Ser nitlob lill-Awtorita` Marittima biex jerġa jinvestiga din it-talba, fid-dawl tar-rapport li kien sar fl-1993.
Jista' l-Ministru jara li l-crane li kien hemm fuq il-jetty fi Triq Marina, Wied il-Għajn - qabel ma dan il-jetty ġie rranġat, u li kien jintuża biex sidien ta' qxur tal-baħar jerfgħu u/jew ipoġġu makni fuq id-dgħajjes, luzzijiet, laneċ, eċċ tagħhom - jiġi rranġat jew mibdul u jerġa' jitwaħħal fl-istess post?
Response (ZAMMIT, NINU)
Meta sar ix-xogħol ta' l-itranġar tax-xatt ta' Wied il-Għajn li qed tirreferi għalieħ l-Onor. Interpellant, il-crane imsemmi tant kien fi stat ħażin li malli nqala' ma setgħax jitpoġġa lura fil-post. Madanakollu, il-Ministeru qed iħejji programmi u proġetti ta' 'embelishment' tal-portijiet tas-sajd kollha u dawn il-proġetti jinkludu il-forniment ta' cranes ġodda.
Jista' l-Ministru jgħidilna f'liema okkażjonijiet is-Segretarju Parlamentari għas-Self Employed uża l-politika ta' persważjoni biex jikkonvinċi xi importaturi jew bejjiegħa biex iraħħsu l-prezzijiet?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-prodotti li roħsu skond price list ta' supermarket ewlieni li qiegħdha għandu?
Response (DALLI, JOHN)
Ma naħsibx li għandi npoġġi din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra billi l-prezzijiet kienu, għadhom u jibqgħu fi stat ta` tibdil u nformazzjoni bħal din tista` tagħti lok għal misinterpretazjoni. Pero l-Onor Interpellant jista` jekk irid jara u jgħarbel id-dettalji tal-informazzjoni kollha fil-price list li qiegħed jirreferi għaliha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm se jibbenefikaw single parent families u familji oħra li qed jirċievu ċ-children's allowance permezz taż-żewġ emendi li tressqu fil-budget li ppreżenta tliet xhur ilu, li proprju jikkonċernaw single parent families kif ukoll tibdil fil-liġi taċ-children's allowance?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Tista' l-Ministru tgħid fuq liema kriterji ingħataw it-tarmac Triq Ġużeppi Bajada u Triq Ġnien Imrik fix-Xagħra, Għawdex u abbażi ta' liema tender?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ix-xogħol tat-tarmak fi Triq Gużeppi Bajada u parti minn Triq Ġnien Imrik kantuniera ma' Triq Gużeppi Bajada, sar b'direct order minħabba l-istat ħażin tat-toroq imsemmija.