Legislature:
Category:
Reset
Active:

Air Malta — First aid kits

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ġiet mixtrija u mportata l-aħħar konsenja ta' materjal tal-first aid li kellha tintuża fuq il-first aid kits ta' l-ajruplani ta' l-Air Malta, liema kit huwa intenzjonat biex jintuża mill-Cabin Crew? Fiex kienet tikkonsisti din il-konsenja? X'baqa' minn din il-konsenja li ġiet importata? Fiex jikkonsisti l-kit preżenti tal-first aid li jinġarr fuq l-ajruplani ta' l-Air Malta li jintuża mill-Cabin Crew?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-Air Malta ma timpurtax materjal tal-first aid. L-aħħar ordni ta' materjal mediku għall-użu fil-First Aid Kits saret f'Mejju tas-sena l-oħra skond kuntratt li rebħet ditta lokali wara sejħa għall-offerti. Madankollu l-Kumpanija, minn żmien għal żmien, tixtri mingħand ditti lokali biex jiġu rimpjazzati l-istocks ta' medikamenti meta dawn ikunu qed jonqsu. F'dawn il-kits ikun hemm dawk l-items li wieħed normalment isib fihom u skon l-approvazzjoni tat-tobba tal-Kumpanija.
Leg 9 PQ #4733 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Bajja tax-Xlendi — Arloġġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti struzzjonijiet biex: (a) l-arloġġ li hemm fil-bajja tax-Xlendi f'Għawdex ma jitħalliex bil-ħin tas-sajf imma l-istess ħin jiġi korrett; u (b) li jinxtegħel id-dawl li hemm kemm fejn il-Grotta Discotheque sal-Bajja tax-Xlendi, liema dawl fuq ir-railings kien għamel Gvern Laburista?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-arloġġ li hemm fil-bajja tax-Xlendi f'Għawdex kien irranġat mal-ħin tax-xitwa f'Ottubru 1998. L-arloġġ kien għal ftit jiem siegħa u ħamsa u għoxrin minuta lura, għar-raġuni li kien hemm qtugħ fil-provvista ta' l-elettriku. Id-dawl li hemm minn fejn il-Grotta Discotheque sal-bajja tax-Xlendi ma kienx jixgħel għar-raġuni li kien hemm xi ħsarat li fil-fatt ġew irranġati. Ta' min jgħid li l-arloġġ imsemmi kif ukoll il-fanali u oħrajn bħalhom (Marsalforn, Mġarr, Qbajjar, Xlendi) qed jiġu iċċekjati kull nhar ta' Ħamis bil-lejl, biex jekk ikun hemm xi ħsarat jiġu irranġati mill-aktar fis possibbli.
Leg 9 PQ #4734 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Mobile phones

Question

Tista' l-Ministru tgħid: (a) kemm huwa n-numru ta' mobile phones fil-ministeru tagħha; (b) kemm kien il-kont ta' l-istess mobile phones mis-7 ta' Settembru, 1998 sal-lum?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex għandu b'kollox 4 mobile phones li minnhom 3 huma użati mis-Segretarjat Privat filwaqt li l-ieħor huwa għad-disposizzjoni tal-Maġistrat tal-Qorti t'Għawdex. Mis-7 ta' Settembru 1998 sal-lum il-kont tat-3 mobile phones li huma uzati mis-Segretarjat Privat ammonta b'kollox għal Lm500.67,0. Peress li l-mobile phone tal-Maġistrat huwa misluf mill-Qrati ta' Malta, il-kont tiegħu jintbagħat direttament lill-Qrati ta' Malta. Barra minn dawn il-mobile phones, kien hemm mobile phone ieħor li kien użat mis-Segretarju Parlamentari u peress li dan ma ġiex irritornat dan kien deattivat f'Ottubru 1998. Il-kont ta' dan il-mobile phone partikulari kien ta' Lm120.07,0.
Leg 9 PQ #4735 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Skrivani Għawdxin

Question

Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra u tgħid f'liema fażi wasal il-proċess li bih it-tieni grupp ta' skrivani Għawdxin jinġabu f'Malta jagħmlu xogħol ta' sigurta' soċjali? Meta beħsiebu dan il-gvern jħalli t-tieni grupp ta' dawn l-iskrivani Għawdxin biex jaħdmu f'Għawdex f'xogħol ta' sigurta' soċjali?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Qed isiru konsultazzjonijiet bejn il-Ministeru tiegħi u dak tal-Politika Soċjali li taħtu jaqa' d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali, sabiex dan il-process jitwettaq mill-aktar fis possibbli.
Leg 9 PQ #4736 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Malta/Għawdex — Catamaran

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-gvern preżenti li jerġa' jintroduċi s-servizz tal-catamaran lejn Malta u Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Il-Gvern preżenti jemmen li s-servizz tal-katamaran bejn Malta u Għawdex itaffi l-problemi li għandhom il-ħaddiema u l-istudenti Għawdxin u fl-istess ħin igħin l-iżvilupp tas-settur turistiku f'Għawdex. Kien il-Gvern Laburista li ma għarafx dan kollu u neħħa l-katamaran minn fuq is-servizz bejn il-gżejjer u krieħ biex jagħti servizz barra minn Malta għat-detriment ta' Għawdex u l-Għawdxin b'mod partikulari u ta' Malta in ġenerali. Jiena nfurmata li bħalissa qed isiru l-preparazzjonijiet meħtieġa biex il-katamaran jerġa' jitħaddem bejn Malta u Għawdex. Huwa maħsub li dan is-servizz jerġa' jibda f'Mejju 1999.
Leg 9 PQ #4737 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Malta/Għawdex — Servizz ta' helicopter

Question

Tista' l-Ministru tagħti r-raġuni għaliex is-servizz bl-ajru permezz tal-helicopter minn Malta u Għawdex ġiet sospiż? Meta se jitkompla?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-Malta Aircharter waqfet is-servizz bl-ajru permezz tal-helicopter minn Malta għal Għawdex biex ikunu jistgħu jsiru testijiet fuq il-helicopters, wara li mudell simili tal-kumpanija Heli Air Service kien involut f'incident serju fil-Gżejjer Maldives. Jiena nfurmata wkoll li bħala prekawzjoni, il-Malta Aircharter, li dejjem iżżomm is-sigurta' tal-passiġġieri bħala prijorita', iddeċidiet li twaqqaf l-operazzjoni biex ikunu jistgħu jsiru l-investigazzjonijiet meħtieġa fuq il-helicopters li joperaw bejn Malta u Għawdex. L-operazzjonijiet għandhom jerġgħu jibdew mill-iktar fis possibbli.
Leg 9 PQ #4738 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Finanzi

Għawdex — Proprjeta' mmobbli

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet akkwistata proprjeta' mmobbli f'Għawdex minn persuni li m'humiex residenti f'Għawdex bil-permess tal-Ministru tal-Finanzi bl-AIP minn Settembru 1998 sal-lum?

Response (DALLI, JOHN)

Ħmistax-il permess ingħataw taħt l-Att dwar l-Akkwist ta` Proprjeta` Immobbli minn Persuni mhux Residenti biex persuni li mhumiex residenti f` Għawdex ikunu jistgħu jakkwistaw proprjeta` immobbli f`Għawxdex matul l-1 ta` Settembru, 1998 sal-15 ta` Frar, 1999.
Leg 9 PQ #4746 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru tal-Finanzi

Pensjonijiet — Rapport

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kienet il-persuna barranija li ġiet ikkummissjonata sabiex tħejji rapport dwar il-pensjonijiet u materji oħra relatati mill-Ministru preċedenti tiegħu? Kemm tħallset din il-persuna għar-rapport li għamlet? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dan ir-rapport?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-predeċessur tiegħi fl-amministrazzjoni l-oħra kien ikkummissjona rapport dwar il-pensjonijiet u materji relatati minn Watson Wyatt Actuaries ta` Surrey, fir-Renju Unit liema rapport kien sotomess f`Awissu 1998. Dan ir-rapport kien finanzjat mill-Middle Sea Insurance Co. Ltd u mill-Mid Med Life Assurance Co Ltd. Peress li dan ir-rapport baqa` fi stadju ta` `draft` ma nħossx li għandi nqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #4747 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Bord ta' l-Appell

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4505 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi u ċioe' jista' l-Ministru jgħid u jara meta se jibdew jinstemgħu l-appelli ta' l-1995 u l-1996 tal-VAT quddiem il-bord ta' l-appell? Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pendenti petizzjonijiet ta' l-appell quddiem dan il-bord u kemm s'issa ġew deċiżi mill-1995 'il hawn? Jista' l-Ministru jara wkoll kemm hemm pendenti f'dak ta' CET quddiem l-istess bord ta' l-appell?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-smiegħ ta` l-appelli mill-Bord ta` l-Appelli tal-VAT beda f`Mejju ta` l-1996. In-numru ta` appelli pendenti sas-17 ta` Frar 1999 kien ta` 1,125, filwaqt li n-numru ta` appelli li ġew deċiżi sa` l-istess data kien ta` 396. In-numru ta` appelli pendenti quddiem it-Tribunal ta` l-Appelli tas-CET sas-17 ta` Frar kien ta` 230.

Valletta — Uffiċċju tal-MMA

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li saru xi xogħlijiet strutturali fl-Uffiċċju tal-MMA (Malta Maritime Authority) ġewwa Lascaris Wharf, Valletta? Jista' l-Ministru jikkonferma li dawn ix-xogħlijiet saru wara li kien hemm l-awtorizzazzjoni kif soltu jsir? Jista' l-Ministru jikkonferma li l-proċedura normali ġiet segwita?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ma sar l-ebda xogħol strutturali fil-bini ta` l-Awtorita` Marittima f`Lascaris Wharf ħlief li nfetaħ bieb ta` daqs normali.

MMA — Bord

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li għadu ma nħatarx il-Bord ta' l-Awtorita' Marittima ta' Malta? Jista' l-Ministru jgħid min mexxa l-awtorita' fl-assenza taċ-chairman jew deputy chairman tul il-perjodu li għadda minn meta skada t-terminu tal-bord ta' l-istess awtorita', u dan in vista tal-fatt li l-liġi tqiegħed it-tliet diretturi tat-tlett direttorat fuq livell wieħed u għalhekk ma jidhirx li jista' jkun hemm ħaddieħor li jmexxi l-awtorita' fl-assenza ta' chairman jew deputy chairman? Jista' allura l-Ministru jgħid min se jerfa' r-responsabbilta' għad-deċiżjonijiet li laħqu ttieħdu f'dan il-perjodu jew li jistgħu jittieħdu sakemm jinħatar chairman, u li m'humiex deċiżjonijiet li huma kompitu tad-diretturi msemmija hawn fuq? Jista' l-Ministru jassigura li fil-fatt ma ttieħdux deċiżjonijiet ġewwa l-istess awtorita' li jmorru kontra deċiżjonijiet tal-bord preċedenti jew xi kumitat imwaqqaf mill-istess bord?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Bord ta` l-Awtorita` Marittima mistenni jiġippubblikat din il-ġimgħa. Jien infurmat li matul dan il-perjodu l-Executive Directors ma ħadu l-ebda deċiżjoni jew ġagħlu lil xi ħadd li jieħu deċiżjoni li għaliha huma ma jerfgħux ir-responabbilta.
Leg 9 PQ #4758 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' individwi u l-grad tagħhom li qalgħu aktar minn Lm100 f'overtime f'Diċembru, 1998 fid-Dipartiment tas-Saħħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tiġi miġbura u tingħata risposta f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #4759 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' individwi u l-grad tagħhom li qalgħu aktar minn Lm100 f'overtime f'Jannar, 1999 fid-Dipartiment tas-Saħħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tiġi miġbura u tingħata risposta f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #4760 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Copenhagen — Assemblea tad-WHO

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-persuni li attendew għall-assemblea tad-WHO (Europe) ġewwa Copenhagen f'Settembru, 1998? X'inhi l-kariga ta' kull persuna li attendiet? Il-persuni li attendew kollha residenti Malta u għandhom ċittadinanza Maltija?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-delegazzjoni li attendiet għal WHO 58 Session of the Regional Committee for Europe f'Copenhagen bejn it-13 u t-18 ta' Settembru 1998, kienet magħmula minn dawn il-persuni. 1. L-Onor Dr. L Deguara, Ministru tas-Saħħa. 2. Is-Sur S. Sciberras, Assistent Personali tal-Ministru tas-Saħħa. 3. It-Tabib J.M. Cachia, Agent Tabib Ewlieni tal-Gvern. 4. It-Tabib R. Xerri, Direttur Policy & Planning. 5. It-Tabib P. Abela Hyzler. Il-persuni msemmija huma kollha ċittadini Maltin. Pero' t-Tabib Abela Hyzler huwa residenti l-Ingilterra. It-Tabib Abela Hyzler attenda bħala 'Adviser' tal-Ministeru tas-Saħħa minħabba l-esperjenza vasta ta' madwar 30 sena li għandu f'dan il-qasam. Din l-esperjenza ġiet rikonoxxuta mill-WHO stess tant li waqt il-konferenza t-Tabib Abela Hyzler ingħata 'Award' speċjali għas-servizz li hu ta f'dawn is-snin kollha.
Leg 9 PQ #4761 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Operazzjoni tal-Ġinekoloġija

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li operazzjoni tal-Ġinekoloġija nhar it-Tlieta 2 ta' Frar, 1999 ġiet imwaqqfa, il-pazjenta ngħalqet u ntbagħtet fis-sala biex imbagħad l-operazzjoni saret mill-konsulent ftit jiem wara? X'kienet ir-raġuni li din l-operazzjoni twaqqfet fit-2 ta' Frar, 1999?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Minħabba l-kunfidenzjalita medika tal-każ, lest li nuri rapport li għandi dwaru b'mod kunfidenzjali, lill-Onor. Interpellant, jekk kemm il-darba l-Onor. Interpellant ikollu f'idejh il-kunsens bil-miktub f'dan is-sens mingħand il-pazjenta kkonċernata.
Leg 9 PQ #4762 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' individwi u l-grad tagħhom li qalgħu aktar minn Lm100 f'overtime f'Settembru, 1998 fid-Dipartiment tas-Saħħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tiġi miġbura u tingħata risposta f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #4763 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' individwi u l-grad tagħhom li qalgħu aktar minn Lm100 f'overtime f'Ottubru, 1998 fid-Dipartiment tas-Saħħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tiġi miġbura u tingħata risposta f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #4766 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Benefiċċji soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħareġ benefiċċji soċjali l-gvern, benefiċċju b'benefiċċju, mill-1979 'il quddiem u kemm ibbenefikaw nies sena b'sena?

Response (DALLI, JOHN)

L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #4767 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Pensjonijiet

Question

Wara l-istudji preliminari dwar pensjonijiet li saru minn WATSON Wyatt ACTUARIES u mis-Sur Reno Camilleri għall-MCED, jista' l-Ministru jgħid jekk sarux xi studji oħra f'isem il-gvern preżenti dwar il-pensjonijiet mill-elezzjoni ġenerali 'il hawn?

Response (DALLI, JOHN)

Wara l-istudju dwar il-pensjonijiet li kkummissjona l-Onorevoli Interpellant meta kien Ministru tal-Finanzi, ma sar l-ebda studju ieħor dwar din il-materja f`isem il-Gvern preżenti.
Leg 9 PQ #4768 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Retail outlets

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm żdiedu retail outlets mill-elezzjoni ġenerali sal-lum?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.