Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra xi progress sar sabiex fil-futur qarib isir it-tindif, l-ewwel tal-partijiet prinċipali interni u esterni tal-Knisja tal-Madonna tas-Sokkors ġewwa Bormla, u t-tieni, tal-Mina ta' Santa Liena?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Is-suġġeriment ta' l-Onorevoli kollega ġie nnutat u nispera li x-xogħol indikat ikun jista' jsir wara li jsiru l-investigazzjonijiet neċessarji.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il permess ħareġ għar-reserved parking f'kull lokalita' separata f'Malta u Għawdex mill-1 ta' Jannar, 1998 sal-lum u f'liema xhur ħareġ kull permess?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mit-Trasport.
22.02.99
Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali — Postijiet vojta
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm postijiet vojta tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali f'dawn il-lokalitajiet: Sliema, San Ġiljan, Pembroke, Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Imġarr, Imtarfa u r-Rabat lokal b'lokal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi f'idejn id-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali, mill-lokalitajiet indikati, hemm biss post wieħed tas-Sliema.
22.2.99
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-bini tal-vapuri ta' Għawdex għal Gozo Channel?
B'kemm qiegħed lura x-xogħol fuq kull vapur?
Meta se jitlestew il-vapuri?
X'se jsir biex il-vapuri jitlestew bl-inqas telf possibbli?
Kemm se jiġi jiswa kull vapur?
Response (BONNICI, JOSEF)
Għalkemm s'issa għadu ppjanat li l-ewwel vapur t'Għawdex jitlesta sa l-aħħar tal-1999, il-Malta Shipbuilding għadha qed tkun imfixkla sew mill-kwalita ħażina tas-servizz li qed tieħu mingħand id-disinjaturi Daniżi u l-project managers Norveġiżi li li huma responsabbli għall-provvista tal-materjal.
Minn mindu uffiċjali tat-tarzna u tal-Gozo Ferries Co. Ltd żaru d-Danimarka f'Jannar kien hemm xi titjib fis-servizz tad-disinjaturi, iżda li d-disinji li qed jintużaw illum tlestew xi xhur ilu għadhom qed jitfaċċaw ċerti problemi li qed ifixklu sew ix-xogħol fit-tarzna.
Il-management tal-Malta Shipbuilding u tal-Gozo Ferries qed jagħmlu pressjoni kontinwa fuq id-disinjaturi u l-project managers barranin biex dawn itejjbu s-servizz tagħhom immedjatament. Inġieb ukoll liaison engineer mid-Danimarka biex jiffaċilita l-koordinazzjoni bejn it-tarzna u d-disinjaturi. Dan mistenni jibqa' Malta sakemm jitlesta l-ewwel vapur.
S'issa għadu ppjanat li l-ewwel vapur jitlesta sa Diċembru 1999, it-tieni wieħed sa Settembru 2000, u l-aħħar wieħed sa Ġunju 2001.
Qed isir kull sforz biex ikunu kkontrollatti aħjar il-fatturi li jaffettwaw sew meta jitlestew il-vapuri, kif ukoll kemm finalment jiġu jiswew. Il-management tal-Malta Shipbuilding, qed jimplimenta ċertu tibdil fl-organizazzjoni tax-xogħol biex titjieb il-produttivita u tikber l-effiċjenza. Qed isir sorveljar aħjar tax-xogħol, u l-management qed jintervjeni aktar malajr meta jitfaċċaw il-problemi. Qed isir ukoll sforz biex l-management tasallu informazzjoni fuq il-produzzjoni aktar malajr biex ikun jista jaġixxi fil-waqt.
It-tliet vapuri huma stmati li ser jiswew b'kollox Lm43 miljuni, li jinkludi ukoll l-ispejjeż tal-finanzjarjament tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid jekk inħatrux t-tliet managers eżekuttivi biex tissaħħaħ it-tmexxija u l-organizzazzjoni tax-xogħol fit-Tarzna tal-Marsa?
Jekk iva, min huma?
Jekk le, meta se jinħatru?
X'tip ta' għajnuna se tintalab mill-konsulenti Norveġjiżi għat-tmexxija aħjar tat-Tarzna?
Fiex waslu l-pjani tar-riformi meħtieġa għat-tmexxija aħjar tat-Tarzna?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-tliet managers eżekuttivi li ser jingħataw l-inkarigu li jsaħħu l-organizazzjoni tat-tarzna ġew magħżula.
Dawn huwa Victor Galea, li ser ikollu l-kariga ta' Chief Executive Officer mit-2 ta' April 1999. Anthony Restall li għandu l-kariga ta' Human Resources Executive beda jaħdem mal-Malta Shipbuilding fl-1 ta' Frar 1999. Waqt li Ivan Borg ser jibda jaħdem bħala Finance Executive mill-1 ta' Marzu 1999.
Il-konsulenti Norveġiżi ser jintalbu biex jgħinu lit-tarzna fl-organizazzjoni tax-xogħol fil-workshops u fil-baċir tat-tarzna. Dawn għadhom esperjenza ta' tmexxija b'suċċess fit-tarznari tagħhom fin-Norveġja.
Il-management ġdid tat-tarzna beda jikkonċentra fuq il-problemi relatati mas-superviżjoni tax-xogħol, il-ħarsien tad-dixxiplina mill-ħaddiema kollha, u t-taħriġ tal-line managers, il-foreman u ċ-chargemen fis-sengħa
tat-tmexxija. Aktar 'il quddiem ser isir programm ta' taħriġ għall-livelli l-oħra tal-ħaddiema. Qed tingħata importanza speċjali biex tkun introdotta management information system bażika li tgħin lill-managers jiksbu nformazzjoni fżwaqtha ta' kif kien sejjer ix-xogħol billi s-sistemi li jeżistu llum mhumiex tajbin biżżejjed.
Qed isiru laqgħat ma' gruppi ta' ħaddiema biex dawn ikunu nvoluti fil-proċess ta' konsultazzjoni qabel ikun introdott xi tibdil fis-sistemi tax-xogħol.
Billi tliet toroq ġewwa Ta' Xbiex li huma Triq Enrico Mizzi, Triq Sir Ugo Mifsud u Triq San Gwann tas-Salib għandhom bżonn kisja tarmac urġenti peress li hemm ħafna toqob, jista' l-Prim Ministru jara li jingħataw fondi speċjali lill-kunsilli biex dawn it-toroq jiġu rranġati?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali
huma korpi statutorji ta gvern lokali u fil-qadi tal-
funzjonijiet tagħhom jaġixxu skond il-prijoritajiet,
esiġenzi u l-mezzi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi
l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita billi l-
funzjoni li qed jirreferi għaliha, fil-fatt hija waħda mir-
responsablitajiet tal-Kunsilli, u x-xogħol imsemmi jrid
isir mill-Fondi għall-Ħtiġijet Speċjali li diġa ngħataw
skond l-applikazzjoni ta' l-istess Kunsill.
Fid-dawl ta' dikjarazzjoni li għamel fl-attivitajiet ta' l-Indipendenza tal-PN għal 1998, fis-sens li mhux sewwa li l-Gvern ineħħi Chairmen bla ebda raġuni serja, jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet serji li wasslu lill-gvern tiegħu biex ineħħi għadd ta' Chairmen minn korporazzjonijiet u kumpanniji parastatali minn wara l-elezzjoni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bħal ma jaf l-Onor Membru, wara kull Elezzjoni Ġenerali, il-
Membri kollha tal-bordijiet governattivi, inklużi iċ-
Chairpersons, huma mistennija li joffru r-riżenja tagħhom
lill-Gvern il-ġdid, proprju biex isiru xi tibdiliet li
jkunu meħtieġa. Il-Gvern tiegħi ma mexiex bil-politika ta'
tqaċċit ta' rjus anzi pprefera li l-biċċa l-kbira tal-
persuni nominati jkomplu l-ħatra tagħhom sakemm tiskadi.
Ħadd ma għandu jippretendi li jibqa fuq Bord għal żmien
twil iżżejjed, lanqas jekk ma jinbidilx il-Gvern. Kien
hemm Chairpersons li wrew ix-xewqa li ma jkomplux iservu
fuq il-Bord tagħhom iżda kien hemm ukoll oħrajn li l-Gvern
il-ġdid ġedded il-ħatra tagħhom.
B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 4241, jista' l-Ministru jgħid liema huwa "il-ftehim bejn il-gvern u s-sid tal-proprjeta' "L-Għarix" wara s-sentenza tal-qorti relattiva", u d-data tal-ftehim?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-ftehim bejn il-Gvern u s-sid tal-propjeta' "L-Għarix" mhu xejn ħlief dak illi ġie iffirmat fit-22 ta' Mejju ta' l-1998 li qiegħed inpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra fejn fost affarijiet oħra ġie miftiehem li:
"Tiġi assenjata u trasferita biċċa art fil-Fawwara kompriżi l-benefikanti eretti fuqha" u li "fil-każ illi l-permessi tal-bini ma jkunux approvati u/jew ix-xogħlijiet ta' kostruzzjoni ma jsirux u/jew ma jiġux kompletati fi żmien sena minn meta jiġu approvati l-permessi, l-Gvern jaċċetta u jobbliga ruħu, li jassenja lill-familja Mintoff jew akkomodazzjoni alternattiva aċċettabbli mill-istess familja Mintoff fid-diskrezzjoni esklussiva tagħha jew, alternattivament, li jħallas lill-istess familja Mintoff dik is-somma li tiġi talvolta maqbula bejn il-Gvern u l-familja Mintoff".
B'riferenza għall-ħut (fingerlinks) li nħarġu mill-MAC qabel Ottubru ta' l-1996, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kienet il-kwantita' ta' ħut? Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux xi pagamenti? Kemm kienu il-pagamenti dovuti skond il-prezz ta' dak iż-żmien? X'miżuri ħa u qed jieħu l-MAC sabiex jiġbor dawn il-flus? Fejn waslu dawn il-passi u x'mistenni li jsir fil-ġimgħat u xhur li ġejjien?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Informazzjoni mitluba qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra fuq liema arranġamenti/kriterji/regoli ngħataw bonuses lill-ħaddiema tal-Gvern tal-NAC matul l-1994,1995 u 1996? Fil-fatt dawn kienu approvati mill-Ministeru ta' dakinhar u jekk iva minn kien responsabbli? Jista' l-Ministru jgħid lill-Kamra jekk dawn l-affarijiet kienux skond in-normi tas-sistema taċ-ċivil? Jekk le għaliex u jekk iva għaliex?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Informazzjoni mitluba qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għall-esportazzjoni tal-patata lokali lejn il-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea u l-fatt li hemm fis-seħħ regolamenti fuq l-MRL's, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan tad-Dipartiment u tal-Gvern sabiex jassigura li dan il-prodott tal-bdiewa Maltin esportat matul is-sena 2000 jkun konformi ma' l-imsemmija regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea?
Jista' l-Ministru jassigura lill-Kamra li dawn il-livelli jintlaħqu sas- sena 2000 sabiex ikun evitat kull inkwiet li jistgħu jiffaċċjaw il-bdiewa Maltin u Għawdxin meta jesportaw il-prodotti agrikoli tagħhom lejn dawn il-pajjiżi?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Unjoni Ewropea ma ħarġet l-ebda regolamenti (Regulations) dwar l-MRL's fuq il-patata. Forsi l-Onor. Membru qed jaċċenna għad-Direttiva tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea Nru. 98/82/EC ta' Ottubru 1998.
Id-Dipartiment tal-Agrikoltura hu konxju tal-kontenut ta' din id-Direttiva, għaldaqstant qed jieħu passi sabiex isiru testijiet fuq kampjuni tal-patata li tiġi esportata biex niżguraw li ma jkunx hemm eċċess tal-pestiċidi ndikati fuq l-istess Direttiva. Saru taħdidiet għal dan il-għan ma' rappresentat ta' l-Universita' ta' Malta. Hu l-ħsieb ta' dan id-Dipartiment li għall-ġejjieni jitwaqqaf laboratorju biex ikun jista' jestendi dawn it-testijiet fuq pjanti u pestiċidi oħra.
Barra minn dan id-Dipartiment żied il-kampanja tiegħu sabiex jgħallem lill-bdiewa jużaw il-pestiċidi kif u meta suppost, ħafna qabel ma jinħasad il-prodott.
B'riferenza għall-esportazzjoni ta' ħxejjex lejn is-suq Ingliż u l-fatt li l-kumpannija fil-mument qed timporta l-prodotti tagħha mill-Eġittu u Ċipru, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'ħidma saret mill-5 ta' Settembru 'l hawn sabiex din l-esportazzjoni tkompli mingħajr id-diffikultajiet li ġew ikkawżati? Kemm saru laqgħat mal-bdiewa li kienu bdew jisperjenzaw l-esportazzjoni ta' dawn il-ħxejjex? Meta saru u x'ġie diskuss?
Response (ZAMMIT, NINU)
Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, kienet l-Għaqda Progressivi responsabbli mill-esportazzjoni tal-ħaxix frisk lejn l-Ingilterra. Infatti l-Ministeru tal-Agrikoltura ndaħal biss sabiex setgħu jitħallsu l-bdiewa wara li din l-iskema falliet u ttieħdu flus tal-bdiewa stess mill-fond tagħhom tal-patata, eżattament Lm13,500, biex għamel tajjeb għal dan il-falliment. Dan minbarra it-Lm8,000 li ttieħdu mil-fond li suppost kien għal-ħsarat ikkaġunati mill-maltemp.
Naturalment dan serva ta' skuraġġiment, tant li minn wara l-falliment assolut ta' dan in-negozju, ebda għaqda tal-bdiewa jew individwi ma wrew ix-xewqa għall inizjattivi oħra dwar l-esportazzjoni ta' ħaxix frisk. Nixtieq inserraħ ras il-kommunita' agrikola li qabel ma nkunu ċerti li negozju simili ieħor jitwettaq b'serjeta' u fl-aħjar interess tal-bdiewa u tal-pajjiż in ġenerali, dan il-Ministeru mhuwiex sejjer jinkuraġġixi li jsir sogru ieħor bl-addoċċ. Dan skond l-istess parir li l-Agricultural Export Marketing Board ta lill-Onor. Interpellant meta kien Ministru hu, u li kien jinkludi l-użu ta' kaxxi addatti u mhux kaxxi bil-Logo ta' l-Air Malta kif fil fatt intużaw.
B'riferenza għax-xogħlijiet li kellhom isiru fuq iċ-chillers ġodda li se jiġu stallati fil-MAC, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra fiex waslu x-xogħlijiet? Meta nħarġet it-tender u meta ġiet atwata?
Meta se jitkomplew u jiġu finalizzati x-xogħlijiet u x'impatt pożittiv/negattiv se jkollu dan l-iżvilupp fuq il-ħajja tal-ħut u l-ħidma fiċ-ċentru?
X'kien isir qabel kien hemm dan iċ-chiller u x'effett se jkollu għall-futur meta jiffunzjona dan iċ-chiller?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Informazzjoni mitluba qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3685 u ċ-ċifra kkwotata ta' siġar fl-1997 u fl-1998 li tindika nuqqas sostanzjali meta pparagunata mas-snin ta' qabel, jista' l-Ministru jgħid jekk iċ-ċifra ta' siġar imsemmija tinkludiex is-siġar li ngħataw lill-bdiewa, li nbiegħu lill-bdiewa u lill-komun?
Jekk le, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra biċ-ċifri totali ta' siġar li nbiegħu, ingħataw lill-pubbliku u lill-bdiewa u li tħawwlu mill-ħaddiema tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u ta' l-Urban and Rural Landscaping matul l-1997 u l-1998?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-figuri tas-siġar fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3685 jinkludu s-siġar li ngħataw lill-bdiewa, individwi w organiżazzjonijiet iżda mhux dawk li nbiegħu.
Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant, fil-1997 Wied Inċita bdiet tiġi mmexxija minn nies magħżula minnu stess meta kien Ministru. Dawn in-nies ddeċidew li jirrevedu l-proċess, u dan ir-'review' fisser produzzjoni baxxa iktar minn ta' snin oħrajn.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li s-Sur Richard Muscat se jibqa' konsulent tal-Ministeru dwar il-Kultura wara li jinħatar Ambaxxatur għall-Irlanda?
Response (GALEA, LOUIS)
Fil-kuntest tal-proċedura normali u stabbiliti dwar nomini ta' Ambaxxaturi, ikun prudenti li wieħed iwieġeb din il-Mistoqsija f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir inkjesta li r-riżultat tagħha jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra dwar l-attentat ta' hold-up li sar illum it-13 ta' Frar fuq bank kummerċjali fejn allegatament l-arma tan-nar tal-pulizija ma' sparatx?
Response (BORG, TONIO)
Peress li hemm Inkjesta Maġisterjali għaddejja dwar l`imsemmi inċident, ma nħoss il-ħtieġa ta` inkjesta ulterjuri.
22.02.99
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' taħriġ jingħataw il-pulizija fuq l-użu ta' l-arma tan-nar li jkollhom u li jkunu għassa ma' dawn il-banek kummerċjali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li kull membru tal-Korp tal-Pulizija, matul iż-żmien li jagħmel fl-Akkademja, jingħata taħriġ bażiku fl-użu ta` l-armi. Peress li nħass il-bżonn li dan it-taħriġ irid ikun aktar speċjaliżżat, numru ta` membri tal-Korp għadhom kemm temmew b`suċċess taħriġ ta` Instructors fl-użu ta` l-armi. Qed jiġi mfassal programm sabiex il-membri kollha tal-Korp jiġu mħarrġa u evalwati fl-użu ta` l-armi. Dawk biss li jikkwalifikaw minn din l-evalwazzjoni ser jingħataw ċertifikat ad hoc u jitħallew jużaw tali armi. Huwa ppjanat ukoll li dan it-taħriġ ikun kontinwu, dejjem fid-dawl tal-mezzi finanzjarji li jkollu l-Korp.
22.02.99
Jista' l-Ministru jgħid x'beħsiebu jagħmel il-gvern jekk l-EU tinsisti li jipprivatizza jew jagħlaq it-tarznari f'Malta? Jista' jgħid jekk huwiex se jaċċetta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ma naħsibx li wieħed jista' jagħti tweġiba għal mistoqsijiet ipotetiċi bħal din. Sa fejn naf jiena, l-Unjoni Ewropea ma tinsistix ma' pajjiżi aspiranti li jsiru membri biex jgħalqu t-tarznari tagħhom, iżda biex jagħmlu ristrutturizazzjoni; ħaġa li pajjiżna diġa' beda jwettaq u li trid issir independentament minn sħubija fl-Unjoni Ewropea. Tajjeb ukoll li ngħid li l-Gvern huwa impenjat biex it-tarznari isiru vijabbli u mhux jibqgħu piż daqshekk kbir fuq il-poplu Malti.