Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar — Allokazzjoni ta' postijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-postijiet li ġew allokati mill-elezzjoni sal-lum? F'liema lokalita' u f'liema dati ġew allokati? Jista' l-Ministru jinformana wkoll dwar il-marki li kellhom biex ikkwalifikaw biex jieħdu l-post?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni qeda tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra. 23.2.99
Leg 9 PQ #4602 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Tħaffir għaż-żejt

Question

B'riferenza għat-tħaffir tal-Bir Madonna taż-Żejt ġewwa Għawdex, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti hux se jinvolvih spejjeż? Jekk fl-affermattiv, xi kemm jammontaw?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-ispejjeż kollha konnessi mat-tħaffir tal-bir f'Għawdex huma mħallsa mill-Gvern Malti, iżda Lm4.8 miljun taħt ir-Raba Protokol bejn Malta u l-Italja qed jiġu utilizzati għal dan l-iskop. Dwar l-aħħar parti tad-domanda, nerġa ntenni dak li rrispondejt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1449, li peress li l-informazzjoni mitluba hija ta' natura kummerċjali, mhux prudenti li tingħata.
Leg 9 PQ #4603 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Tħaffir għaż-żejt

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk barra l-kuntratti li saru mill-Gvern Laburista preċedenti fejn jidħol id-Diviżjoni taż-Żejt, Esplorazzjoni taż-Żejt, sarux xi kuntratti ġodda mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Jekk fl-affermattiv, ma' min saru u meta saru? Jista' l-Prim Ministru jagħti dettalji jekk hux għat-tħaffir jew riċerka?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Mill-5 ta' Settembru 1998 sal-lum ma sarux kuntratti ġodda fil-qasam tat-tiftix għaż-żejt.

Liġi tal-Koperattiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' konsultazzjoni qed issir fir-rigward tat-tibdil fil-liġi tal-Koperattiva? Ma' min qed issir din il-konsultazzjoni? Meta hi ppjanata li din ir-reviżjoni tiġi ffinalizzata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, issa li reġa nħatar il-Bord tal-Koperattivi, ser jitkompla x-xogħol fir-rigward tat-tibdil fil-Liġi tal-Koperattivi. Il-Bord preċedenti kien diġa' beda dan ix-xogħol fejn: (a) stieden lill-koperattivi reġistrati jibagħtu s-suġġerimenti tagħhom, (b) ha pariri mingħand Prof. Hans Munkner, li kien għen fl-abbozz tal-liġi preżenti u (c) ipprepara abbozz preliminarju ġdid tal-liġi. Il-Bord il-ġdid issa qiegħed jidentifika esperti internazzjonali oħra fil-qasam koperattiv li flimkien ma' istituzzjonijiet u persuni interessati jistgħu jikkontribwixxu għal dan it-tibdil fil-Liġi. Huwa wkoll mistenni li l-Organiżżazzjoni Apex u l-Allejanza Internazzjonali tal-Koperattivi jikkontribwixxu f'dan il-proċess. Huma ppjanati li jsiru aktar laqgħat u diskussjonijiet sabiex jitkompla dan il-proċess tar-reviżjoni. 23.2.99
Leg 9 PQ #4629 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Sistema tar-refunds

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif il-konsumatur se jkun jaf min huma dawk in-negozjanti li daħlu jew ma daħlux għas-sistema tar-refunds kif stipulat permezz tal-liġi tal-VAT, jiġifieri dawk li suppost jiġbru l-VAT jew le?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bil-liġi l-ġdida tal-VAT, ħwienet u operaturi oħra ekonomiċi li jagħżlu li jibqgħu barra mis-sistema tar-refunds xorta waħda għandhom l-obbligu li jagħtu rċevuta fiskali jew fattura skond il-liġi. Dawn l-operturi għandhom l-obbligu li jaraw li l-irċevuti jew fatturi li jagħtu jkunu mmarkati bil-kliem EXEMPT fil-każ ta` fatturi u rċevuti fiskali maħruġa bl-idejn, jew bl-ittra EXP fil-każ ta` rċevuti fiskali maħruġa bil-cash register. B`hekk il-konsumatur ikun jista` jgħid jekk dak l-operatur lijixtri mingħandu jkunx qedjiġbor il-VAT jew le. Mill-banda l-oħra, dawk l-operaturi li jagħżlu li jibqgħu barra mis-sistema tar-refunds għandhom ukoll l-obbligu li jirreġistraw mad-Dipartiment tal-VAT bħala persuni eżenti fuq reġistru separat. Għaldaqstant id-Dipartiment ikun jista` jivverifika jekk dawn l-operaturi humiex jimxu mal-liġi f`dan ir-rigward.

Servizzi — Prezzijiet esaġerati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huwa d-dipartiment li qed jinvestiga ilmenti dwar żieda fi prezzijiet esaġerati ta' servizzi? B'liema mod jew proċedura ssir l-investigazzjoni?

Response (BONNICI, JOSEF)

Id-Dipartiment li jinvestiga l-ilmenti li għalihom qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant huwa l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta. L-investigazzjoni ssir skond il-proċeduri kontemplati fis-Sezzjoni Tnax ta' l-Att tal-1994 dwar il-kompetizzjoni.

Servizz ta' freephone — Ilmenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew rapportati ilmenti minn konsumaturi permezz tal-freephone 120 bejn Ottubru '98 u Frar '99? Jista' l-Ministru jagħti din l-informazzjoni ġurnata ġurnata u jindika wkoll dwar x'tip ta' ilment, liema dipartiment ittrattah u x'riżultat inkiseb?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Prodotti — Żidiet fil-prezzijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi proċeduri qed jintużaw mid-Dipartiment tal-Kummerċ u mill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni Ġusta biex jiġu nvestigati żidiet fi prezzijiet ta' prodotti li mhux suppost għolew permezz tal-VAT?

Response (BONNICI, JOSEF)

Kull żieda fil-prezzijiet li tkun rappurtata lid-Dipartiment tal-Kummerċ, tiġi verifikata biex jiġi stabbilit jekk kienitx ġusta. Il-proċedura użata hija l-istess waħda użata f'dawn l-aħħar snin; jiġifieri jinġabru d-dokumenti mingħand tal-ħanut u importatur jew fabbrikant biex jinħadmu l-costings rispettivi. L-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta jinvestiga l-ilmenti li jaslulu bil-mod kif spjegat fit-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamemntari numru 4630.
Leg 9 PQ #4664 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Distrett Nru. 12 — Servizz ta' drenaġġ

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari tiegħi preċedenti sabiex jiġi estiż is-servizz tad-drenaġġ fil-bliet u l-irħula tat-12-il distrett bħal Baħrija, Buskett, Rabat, eċċ, jista' l-Ministru jinformani bil-programm ta' xogħlijiet li se jsiru matul Marzu, April u Mejju ta' din is-sena f'dawn il-lokalitajiet? Jista' d-Dipartiment ta' l-Ambjent jara li l-fosos tal-Baħrija jitħammlu aktar ta' spiss peress li reġa' qed ikun hemm il-fawran tad-drenaġġ fl-inħawi ta' ġnien il-margia?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

F'Mejju ta' l-1999 mistennija ssir sejħa għall-offerti għat-tqegħid ta' 3.2 kilometri ta' mejnijiet fi Triq l-Imdina bejn ir-Rabat u Ħ'Attard, l-inħawi tal-Ħemsija u t-telgħa tas-Saqqajja. L-ebda xogħol ma huwa ppjanat li jsir fix-xhur indikati, fl-inħawi tal-Baħrija u l-Buskett. Il-kuntrattur il-ġdid li ħa l-kuntratt biex jitbattlu l-fosos ingħata struzzjonijiet ċari tad-doveri tiegħu illi l-fosos tal-Baħrija jiġu mbattlin kuljum inkluż fil-weekend.
Leg 9 PQ #4665 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Pitkalija Ċentrali

Question

Peress li l-amministrazzjoni preċedenti kienet ipproġettat li l-Pitkalija Ċentrali tingħata tarmac ħalli mal-bini tat-tined u tal-maħżen tal-kaxxi jkompli jsir aktar titjieb għall-ġid tal-bdiewa, xerrejja u pitkala, jista' l-Ministru jinformani jekk dan ix-xogħol huwiex se jiġi onorat? Jekk iva, meta se jsiru x-xogħlijiet u jekk le, għaliex?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-Onor. Interpellant huwa konxju tal-fatt li kull Amministrazzjoni tista' toħlom u tiftaħar b' numru bla limitu ta' 'proġetti' fl-ajru. Li jinteressa l-poplu huwa kemm mill-istess 'proġetti' l-istess Amministrazzjoni eventwalment twettaq. Minkejja l-istqarrija tal-Onor. Interpellant dwar proġettar ta' xogħolijiet ta' tarmac, ma jirriżultax li l-amministrazzjoni preċedenti kient fil fatt għamlet xi pjanijiet konkreti sabiex jingħata dan it-tarmac fil-Pitkalija. Tajjeb li jkun infurmat pero' li bħalissa qed isiru tħejjijiet sabiex wara li jtlestew it-tined, isiru l-kanali meħtieġa fuq il-platforms biex jinġabar l-ilma ta' fuq l-istess tined. Wara hemm il-ħsieb li jitħaffru trinek sabiex minnhom jgħaddu kemm il-'fibre optic cable', li jgħaqdu l-Pitkaliji mal-Blokk Amministrattiv, u kif ukoll 'cable' tad-dawl sabiex il-Pitkalija tkun imdawla kif xieraq. Wara li jitlesta dan ix-xogħol toħroġ it-tender għal-kisi tat-tarmac.

ETC — Rapport tas-sena 1998

Question

B'riferenza għal dak li nsibu f'paġna 30 tar-rapport ta' l-ETC għas-sena li għaddiet, jista' l-Ministru jgħid kemm ilhom ifittxu xogħol skond l-age groups differenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B'referenza għal dak li nsibu f'pagna 30 tar-rapport ta' l-ETC, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella ta' kemm nies ilhom ifittxu xogħol skond l-eta' għal Settembru 1998. 23.2.99
Leg 9 PQ #4706 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sportivi tas-Sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li konkors organizzat fuq skala nazzjonali, dak ta' l-Isportivi tas-Sena, ma ntweriex fuq l-istazzjon nazzjonali? Min ħa din id-deċiżjoni u fuq liema bażi? Kien hemm stazzjonijiet oħra interessati minbarra l-istazzjon tal-PN?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kumitat Organizattiv xtaq li, per prinċipju, jkun l-istazzjon televiżiv ta' l-istat li jxandar l-Għażliet. Iżda, għat-tieni sena konsekuttiva, minħabba talba għall-ħlas mill-P.B.S. Ltd, il-Kumitat kien kostrett li jirrikorri għall-istazzjonijiet privati għat-trasmissjoni diretta tal-Finali. Wara laqgħa li saret ma' uffiċjali tal-P.B.S. Ltd, il-Kumitat Organizattiv ġie magħrraf li l-ħlas li kien se jiġi mitlub għall-kiri ta' OB Unit (3 cameras u crew) u Lights & Sound kien ta' Lm2000 u Lm5 għal kull siegħa overtime. Fit-8 ta' Novembru 1998 intbagħtet ittra lid-direzzjoni ta' Net TV, Super 1 TV u Smash TV. Net TV irrisponda fil-15 ta' Nivembru 1998 li kien interessat u talab li ssir laqgħa dwar is-suġġett. Super 1 TV ikkuntattjaw verbalment lil xi uffiċjali tal-Kumitat Organizattiv u ġie mitlub jibgħat fax iżda l-Kumitat baqa' mingħajr risposta. Smash TV ma bgħat ebda risposta. Fit-3 ta' Jannar 1999, uffiċjali mill-Kumitat Organizattiv iltaqgħu mad-direzzjoni ta' Net TV li minn naħa tagħhom offrew koperazzjoni sħiħa mingħajr kumpens finanzjarju għat-trasmissjoni finali. Peress li l-offerta ta' Net TV kienet l-aktar waħda vantaġġjuża, ġie deċiż li jingħata l-esklussivita' għax-xandira tal-Finali. Dan tħabbar uffiċjalment waqt Press Conference li saret fit-12 ta' Jannar 1999. Ta' min jgħid ukoll li Net TV offra li jkun co-sponsor fis-sens li ħallas għall-kiri tas-sistema tad-dawl, l-allestiment tal-palk u l-kiri ta' multi-video screen system, ħlasijiet li jammontaw għal madwar Lm1,000.

Djar — Responsabbiltajiet

Question

Peress li skond ma ġie rapportat fit-12 ta' Frar, 1999 fin-Nazzjon, responsabbiltajiet tad-dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali se jiġu taħt l-Awtorita' tad-Djar, jista' l-Ministru jgħid liema huma dawn ir-responsabbiltajiet u x'inhu l-ħsieb tal-gvern? Jista' jgħid ukoll x'se jiġri mill-ħaddiema tad-dipartiment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-ħtieġa li l-funzjonijiet li preżentement iwettqu l-Awtorita' tad-Djar, d-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali u d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar jitwettqu b'mod aktar integrat ilha tinħass u fil-fatt xi żmien ilu kien tħejja rapport dwar dan is-suġġett mill-"Management Efficiency Unit" ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Għadu prematur, iżda, li tingħata l-informazzjoni speċifika mitluba mill-Onor. Membru. 23.2.99
Leg 9 PQ #4708 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Ambjent

Tigne' — Assoċjazzjoni Sportiva

Question

B'riferenza għal dak li qal il-Ministru dwar li ntlaħaq ftehim ma' l-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne', jista' l-Ministru jgħid: (1) min huma l-għaqdiet membri ta' l-Assoċjazzjoni? (2) Min huma l-persuni li jitkellmu f'isem din l-Assoċjazzjoni? (3) Xi ftehim intlaħaq ma' l-Assoċjazzjoni u bejn min? (4) Min huma dawk l-għaqdiet li jużaw premises ġewwa Tigne'? (5) X'se jiġri minn dawn l-għaqdiet li hemm f'Tigne'?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba tkun tista' tinġabar wara l-iffirmar tal-ftehim kollu fuq Manoel Island u Tigne'.
Leg 9 PQ #4709 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Suldati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm suldati fil-Forzi Armati li fil-passat kienu jagħmlu parti mill-kap tal-pijunieri u f'liema gradi jinsabu? Jista' jgħid ukoll jekk iż-żmien li dawn is-suldati għamlu mal-Korp tal-pijunieri jgħoddx maż-żmien li ilhom fil-Forzi Armati?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-għadd u l-grad ta' dawk is-suldati tal- Forzi Armati li fl-imgħoddi kienu jagħmlu parti mill-Korp tal-Pijunieri hu kif muri hawn taħt: Kurunell 2 Tenent Kurunell 1 Maġġur 1 Logutenent 2 Warrant Officer 1 1 Warrant Officer 2 5 Staff Sergeant 6 Surġent 15 Bumbardier 15 Lance Bombardier 14 Gunner 1 TOTAL 63 Fir-rigward ta' pensjonijiet, iż-żmien li dawn is-suldati għamlu fil-Korp tal-Pijunieri ma jgħoddx maż-żmien li ilhom iservu fil-Forzi Armati.

Pensjonijiet — Pensjoni ta' invalidita'

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' dawk l-individwi li mis-7 ta' Settembru, 1998 sal-lum: (i) ingħataw il-pensjoni ta' l-invalidita' taħt il-pensjoni tan-National Insurance; (ii) ingħataw SKA; (iii) ingħataw SA; u (iv) ingħataw l-unemployment benefit?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif ġej:- i. Pensjonijiet ġodda ta' l-Invalidita' wara s-7 ta' Settembru 1998 kien hemm 286. ii. Numru li ngħataw l-SKA kien ta' 546. iii. Numru ta' persuni li ngħataw l-SA kien ta' 1727. iv. In-numru ta' unemployment jew special unemployment benefit kien ta' 1504. Fil-każi ta' SA u SKA jrid jingħad li dawn il-figuri jistgħu jinkludu numru ta' każijiet li ġew reveduti mis-7 ta' Settembru 'l hawn u li għalhekk setgħu kienu jitħallsu wkoll qabel din id-data. 23.2.99

ETC — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jagħti ċ-ċifri ta' dawk li qegħdin jirreġistraw f'Għawdex għax-xogħol taħt Part I u Part II xahar b'xahar minn Settembru sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' Għawdxin li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol xahar b'xahar minn Settembru 1998 sa Diċembru 1998 kien kif ġej: XHUR PART I PART II ---- ------ ------- Settembru 1998 579 13 Ottubru 1998 594 14 Novembru 1998 595 27 Diċembru 1998 577 27 23.2.99
Leg 9 PQ #4741 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Vetturi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm fil-preżent vetturi self-drive: (a) mal-Ministeru ta' Għawdex; u (b) mad-dipartimenti tal-Gvern f'Għawdex mis-7 ta' Settembru, 1998 sal-ġurnata tal-lum? Tista' l-Ministru tagħti lista ta' dawn il-vetturi self-drive li hemm direttament mal-Ministeru ta' Għawdex u mad-dipartimenti tal-Gvern u bil-kemm kuljum l-istess vetturi huma mikrija u mingħand min huma mikrija?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-vetturi li huma mikrija llum mill-Ministeru għal Għawdex huma kif jidhru hawn taħt. Fil-preżent il-Ministeru għandu b'kollox 10 vetturi tal-kiri. Waħda minnhom hija mikrija mis-Segretarjat Privat, oħra mid-Dipartiment għas-Servizzi Korporattivi, ħamsa mid-Dipartiment tal-Customer Services u tlieta mid-Dipartiment tal-Proġetti u Żvilupp. Segretarjat Privat Kerrej Spiża Kuljum Mġarr Rent-a-Car Lm3.25 Dipartiment għas-Servizzi Korporattivi Kerrej Spiża Kuljum Mgarr Rent-a-Car Lm2.90 Dipartiment tal-Customer Services Kerrej Spiża Kuljum Frank's Garage Lm4.00 Tony's Car Hire Ltd Lm2.98 Mgarr Rent-a-Car Lm3.25 St Joseph Car Rentals Lm5.50 St Joseph Car Rentals Lm5.50 Dipartiment tal-Proġetti u Żvilupp Kerrej Spiża Kuljum Baħri Garage Lm3.70 Tony's Car Hire Ltd Lm4.22 Victor Hili & Sons Ltd Lm2.96 Għar-rigward Dipartimenti oħra tal-Gvern f'Għawdex, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jistaqsi lill-Ministri konċernati.
Leg 9 PQ #4742 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Development Control Commission

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm saru sittings tad-Development Control Commission fi ħdan l-Awtorita' ta' l-Ippjanar minn Settembru 1998, sal-lum?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.