Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bormla — Junior Lyceum, Verdala

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx il-ħsieb li tul din is-sena jsiru xi ameljoramenti u żidiet ta' spazju fl-iskola tal-Junior Lyceum, Verdala, Bormla?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li tul din is-sena sejrin jitkomplew xogħlijiet ta' tiġdid iżda mhux previst li jsiru xogħlijiet ta' żidiet ta' spazju fil-Liċeo tas-Subien Ġużeppi Despott, fil-Verdala, Kottonera.

Bormla — Junior Lyceum, Verdala

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm kotba ġewwa l-librerija għad-dispożizzjoni ta' l-istudenti li qed jattendu l-Junior Lyceum Verdala, ġewwa Bormla? Jista' jgħid kemm kotba ġodda ngħataw jew b'xi mod ieħor żdiedu fl-imsemmija librerija matul is-snin 1995, 1996, 1997 u 1998?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-preżent fil-librerija tal-Junior Lyceum ta' Verdala hemm 4219 ktieb għad-dispożizzjoni ta' l-istudenti ta' din l-iskola. F'dawn l-aħħar snin il-kotba żdiedu hekk: 1995 297 ktieb 1996 127 ktieb 1997 285 ktieb 1998 187 ktieb

Bormla — Junior Lyceum, Verdala

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm u kemm kien hemm għalliema ġewwa l-iskola tal-Junior Lyceum Verdala, f'Bormla, matul is-snin 1995, 1996, 1997, 1998 u 1999? Jista' l-Ministru jinforma wkoll lill-Kamra dwar xi kwalifiki akkademiċi għandhom dawn l-għalliema?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskola tal-Junior Lyceum Verdala, Bormla matul is-snin 1995, 1996, 1997, 1998 u 1999 kien hemm in-numru ta' għalliema kif se nsemmi. In-numru jinkludi l-Kap u l-Assistenti Kapijiet ta' l-Iskola. SENA SKOLASTIKA NUMRU TA' GĦALLIEMA 1994/95 47 1995/96 50 1996/97 58 1997/98 64 1998/99 68 Il-Kwalifiki akkademiċi ta' l-għalliema li preżentement jgħallmu f'din l-iskola huma kif se nsemmi: KWALIFIKA NUMRU TA' GĦALLIEMA M.Ed. 1 B.Educ. 25 PGCE 16 B.A./Teachers Certificate 6 Teachers CErtificate 11 B.A. 2 Diploma in Fine Arts 1 Instructors Training Course 1 Industrial Training 1 'A' Levels 4

Skejjel — Skejjel sekondarji - Ġermaniż

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar kemm hemm u kemm kien hemm studenti u għalliema jitgħallmu u jgħallmu l-Ġermaniż fl-iskejjel sekondarji tal-gvern fis-snin 1995, 1996, 1997 u 1998?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f-iskejjel Sekondarji tal-Gvern fis-snin 1995, 1996, 1997 u 1998 in-numru ta' studenti u għalliema jitgħallmu u jgħallmu l-Ġermaniż hu kif se nsemmi: Sena Skolastika Nru ta' Għalliema Nru ta' Studenti 1994/5 27 1990 1995/6 28 1811 1996/7 28 1847 1997/8 28 1890 1998/99 26 1737
Leg 9 PQ #4370 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

San Pawl il-Baħar — Pompa tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-istudju imsemmi fit-tweġiba li tajtni għall-mistoqsija parlamentari numru 2975?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

M'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 2975.
Leg 9 PQ #4371 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Palazz tal-President — Manutenzjoni

Question

Fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 2971, għedt li sar "kuntratt ma' rappreżentant għoli tal-Getty Foundation", jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan il-kuntratt?

Response (GALEA, LOUIS)

Niskuża ruħi ma' l-Onor. Interpellant li veru li test uffiċjali tar-risposta għall-mistoqsija parlamentari nru 2971, kienet tirreferi għal "kuntratt ma' rappreżentant għoli tal-Getty Foundation". Attwalment it-test korrett kellu jkun "kuntatt ma' rappreżentant tal-Getty Foundation". Pero' ġejt mgħarraf li sar ftehim bil-miktub bejn il-Valletta Rehabilitation Project u l-Getty Foundation dwar ir-restawr tal-Kappella tal-Paladini fil-Palazz. Nixtieq għalhekk nirreferi lill-Onor. Interpellant biex ipoġġi l-mistoqsija tiegħu lill-Onor. Ministru ta' l-Ambjent billi l-VRP hija dipendenza tal-Ministeru tiegħu.

Toroq — Burmarrad/Wardija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew jittieħdu l-passi biex tiġi rranġata l-ħsara estensiva li hemm fit-triq li minn Burmarrad tieħu għal Wardija?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li saru kuntatti mal-Kunsill Lokali ta` San Pawl il-Baħar fejn id-Dipartiment gie assigurat li l-`patching` meħtieġ ma jdumx ma jsir mill-Kunsill. Minbarra dan ix-xogħol ta` `patching`, id-Dipartiment tat-Toroq qed jara x`passi iktar fit-tul jistgħu jittieħdu f`din t-triq partikulari.
Leg 9 PQ #4380 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sehem qed ikollhom il-kapijiet ta' l-iskejjel fl-għażla u fir-reklutaġġ tal-part-time cleaners u part-time clerks fl-iskejjel tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kap ta' l-Iskola flimkien mal-President ta' l-Iskola u l-Assistent Kap ta' l-Iskola (aktar anzjan fil-każ ta' aktar minn Asst. Kap wieħed), jiffurmaw il-Kumitat li jintervista u jagħmel l-għażla tal-Part-time Cleaners u Part-time Clerks. Fil-każ, meta l-President ma jkunx jista' jattendi, huwa/hija jiġi sostitwit minn membru ieħor tal-Kunsill (magħżul mill-kunsill) u f'każ fejn Assistent kap ta' skola ma jkunx hemm, jiġi sostitwit mill-għalliem l-aktar anzjan. Ir-reklutaġġ isir skond il-ħtieġa u skond in-numru ta' vakanzi li jkunu jeżistu minn żmien għal żmien.
Leg 9 PQ #4381 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sehem qed ikollha d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fir-reklutaġġ tal-part-time clerks u part-time cleaners fl-iskejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dan l-aħħar id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ħarġet żewġ sejħiet għall-applikazzjonijiet biex jiġu ngaġġati part-time clerks u casual cleaners f'diversi skejjel ta' l-Istat. L-avviżi dehru fil-Gazzetta tal-Gvern u ngħataw promozzjoni fil-gazzetti lokali. L-applikanti prospettivi ntalbu jitfgħu l-applikazzjoni tagħhom fl-iskejjel fejn xtaqu li jagħtu s-servizz tagħhom. L-intervisti u l-għażla saru fl-iskejjel rispettivi minn Board kompost mill-Kap ta' l-iskola, l-Assistant Head u ċ-Chairperson tal-Kunsill ta' l-iskola partikolari. Kif inhi l-proċedura stabbilita, l-persuni magħżula mill-Boardijiet, intalbu jirreġistraw fit-Taqsimiet tar-Records u s-Salarji, fil-Head Office tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. U mistenni li fiż-żmien qrib, wara li d-Dipartiment ta' l-Operations ikun ivverifika u kkonferma l-ħtieġa li jiġu ngaġġati part-time clerks oħra fi skejjel ta' l-Istat, id-Diviżjoni tippublika sejħa oħra fil-Gazzetta tal-Gvern. L-għażla mbagħad issir fl-iskejjel rispettivi.
Leg 9 PQ #4382 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sehem qed ikollu l-ministeru fl-għażla u fir-reklutaġġ tal-part-time clerks u part-time cleaners fl-iskejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma jirriżultali l-ebda sehem tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni fir-reklutaġġ tal-part-time clerks u part-time cleaners.
Leg 9 PQ #4409 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Ambjent

Swatar — Tiswija ta' triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi rranġata u mogħtija t-tarmac it-triq li twassal għal flats tal-gvern fis-Swatar, l-Imsida fuq in-naħa ta' wara?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #4410 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Swatar - Pjanijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet u/jew permess għandha quddiemha l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal area tas-Swatar, Msida?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-iżvilupp fl-inħawi ta' Swatar huwa rregolat mill-iskema ta' l-iżvilupp ta' l-inħawi. Peress li din l-area għada qed tiżviluppa, l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tirċievi regolarment talbiet għal kull tip ta' żvilupp, iżda l-aktar komuni huma għal żvilupp residenzjali. 23.02.99
Leg 9 PQ #4411 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Ambjent

Msida — Għajn tal-Ħasselin - Tindif

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi imnaddfa l-Għajn tal-Ħasselin, l-Imsida? Jista' l-Ministru jgħid x'jista' jsir biex l-għajn terġa' tingħata l-importanza li jixiriqilha billi tiġi rranġata, restawrata u jekk hemm bżonn anke imċaqalqa għal post ieħor aktar addattat ġewwa l-Imsida?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-proġett biex insebbħu l-Għajn tal-Ħasselin huwa maħsub li jibda għall-bidu ta' April 1999 u naturalment it-tindif isir waqt ix-xogħol ta' skavar u wara wkoll.
Leg 9 PQ #4412 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Serqiet minn fuq jottijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapporti serqiet minn fuq yachts li hemm ġewwa il-Yacht Marina ta' l-Imsida u Ta' Xbiex is-sena li għaddiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-1998 ġew irrapurtati 38 serqa minn fuq dgħajjes mill-Yacht Marinas ta' l-Imsida u Ta' Xbiex. 23.02.99
Leg 9 PQ #4413 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Għassa tal-Gżira

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jagħmel biex jiżgura li l-għassa tal-Gżira tkun miftuħa l-ġurnata kollha?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Pulizija kienet u għadha tagħti prijorita' sabiex, sa fejn hu possibli, l-għases kollha jinżammu miftuħa l-ġurnata kollha. Iżda dan mhux dejjem possibli għar-raġuni li l-eżiġenzi tas-servizz ġieli jirrikjedu lill-pulizija li jkun għassa joħroġ biex jinvestiga rapporti u anke fuq ronda, bil-konsegwenza li l-għassa jkollha tingħalaq. Minbarra dan, il-pulizija assenjati xogħol fl-għases ikollhom xogħol ieħor konness mall-Qorti, kemm sabiex jagħtu xhieda kif ukoll fuq skorti. 23.02.99
Leg 9 PQ #4414 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Għassa ta' San Gwann

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jagħmel biex jiżgura illi l-għassa ta' San Gwann tkun miftuħa l-ġurnata kollha?

Response (BORG, TONIO)

It-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4413 f'din l-istess Seduta tgħodd għal din il-Mistoqsija. 23.02.99
Leg 9 PQ #4552 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Petrol — Pompi tal-petrol

Question

Peress li jirriżulta li diversi pompi tal-petrol irċevew tnaqqis ta' pagamenti dovuti lilhom mill-petrol li jbiegħu, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex l-Enemalta qed tagħmel dan it-tnaqqis?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-tnaqqis li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant sar fir-rigward ta' tmien pompi tal-petrol wara spezzjoni li saret il-Ħadd 31 ta' Jannar 1999. F'din l-ispezzjoni ħadu sehem uffiċjali mill-Korporazzjoni Enemalta u rappreżentanti tal-GRTU. Irriżulta li dawn il-pompi ma kienux qegħdin jikkonformaw mal-ftehim li kien sar bejn il-Korporazzjoni u l-GRTU f'Marzu tal-1998. Dan il-ftehim jinkludi żewġ rati ta' kummissjoni, l-għola waħda għal dawk li jagħtu servizz lill-klijenti wara l-ħin normali bl-apparat awtomatiku u l-oħra għal dawk li baqgħu iħaddmu s-sistema normali. Il-pompi li sarilhom tnaqqis naqsu milli jonoraw il-ftehim fl-imsemmija data.
Leg 9 PQ #4553 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Kumitat ta' l-Urban and Rural Landscaping — Laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat mill-5 ta' Settembru 'l hawn tal-Kumitat ta' l-Urban and Rural Landscaping? X'ġie diskuss u x'kienu x-xogħlijiet/pariri li ntlaqgħu matul dawn il-laqgħat mis-Sezzjoni Urban and Rural Landscaping tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-Kumitat li qed jirreferi għaliħ l-Onor. Interpellant kien magħmul minn rappreżentanti tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura, tal-Ministeru ta' l-Ambjent, tal-Ministeru għal-Għawdex, ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, kif ukoll ta' xi mixtliet privati, bl-iskop li jiddiskutu affarijiet rigward 'landscaping'. Peress li dan l-aħħar twaqqaf kumitat bl-istess skop fi ħdan il-Ministeru ta' l-Ambjent, ma tinħassx il-ħtieġa ta' duplikazzjoni tax-xogħol, u għalhekk dan il-Kumitat li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant għadu ma ltaqax.

Rabat — Triq Borg Olivier - One way

Question

B'riferenza għall-ilmenti/talbiet tar-residenti ta' Triq Borg Olivier, Rabat Malta sabiex din it-triq issir one way u naturalment l-oġġezzjonijiet li jirriżultaw minn sezzjonijiet oħra tal-komunita' lokali, jista' l-Ministru jara li jsir pjan bi prova fuq perijodu ta' numru ta ġimgħat sabiex almenu jiġi evalwat/eżaminat dan l-ilment tar-residenti tat-triq imsemmija li ilu s-snin twal pendenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4281.
Leg 9 PQ #4555 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

UE — Taxxi/dazji

Question

Peress li fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 3712, ma kienx spjegat x'inhi s-sitwazzjoni tad-dazju fuq materja prima importata mill-pajjiżi li m'humiex membri ta' l-Unjoni Ewropea, jista' l-Ministru jkompli jwieġeb id-domanda u ċioe' jgħid jekk id-dazju huwiex se jkun eżentat?

Response (DALLI, JOHN)

Is-sitwazjoni, fir-rigward ta` eżenzjonijiet għandha tkun dik li daħlet fis-seħħ fl-1 ta` Jannar 1995. Fir-rigward tar-rati, billi l-Gvern soċjalista kien ċaqlaqhom mal-introduzjoni tas-sisa, dawn għadhom l-istess kif daħlu fis-seħħ fl-1 ta` Lulju 1997.