Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-ilma tax-xita ma jibqax jinħela u jsir xi ġibjun fejn ikun jista' jinqabad l-ilma ta' l-area tax-Xlejli?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi għandha l-ħsieb li tikkunsidra l-possibilita' ta' l-użu ta' l-ilma tax-xita bħala riżors fuq skala ġenerali u nazzjonali. Dan naturalment jagħti każ ta' kif għandu jiġi żviluppat il-ġbir ta' dan l-ilma u t-trattament tiegħu skond l-użu finali li għalih huwa ntenzjonat.
Se ninvestiga l-każ partikulari li hu msemmi fid-domanda biex nara x'jista' jsir.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 33677, jista' l-Ministru jgħid għaliex qal li mhux ċert jekk il-Lira Maltija żżommx il-valur tagħha?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li jiena m'għidx li m'inix ċert jekk il-lira maltija żżommx il-valur tagħha. Kont qiegħed nagħmel biss ipoteżi dwar sitwazzjoni li tista' tinħoloq għar-raġuni li l-mistoqsija oriġinali ta' l-Onorevoli Interpellant No 33677 kienet waħda ipotetika. Il-ġejjieni ħadd ma jista' jbassru u jkun irresponsabbli min jittanta jagħmel dan.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 33677, jista' l-Ministru jgħid x'inhija r-rata idejali li qed jirreferi għaliha fit-tweġiba?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għall-ekonomisti r-rata tal-kambju idejali ta' munita hija r-rata li twassal għal ekwilibriju fil-bilanċ tal-pagamenti ta' pajjiż fuq medda ta' żmien. Jiġifieri rata li la tiskoraġġixxi l-esportazzjoni u fl-istess ħin lanqas ma tinkoraġixxi l-importazzjoni, sew ta' prodotti, servizzi u kapital.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' varjetajiet ta' ħxejjex li tkabbru bi prova b'metodu organiku fil-farm esperimentali tal-Għammieri mill-1999 'l hawn? X'tip ta' varjetajiet ta' ħxejjex kienu? X'livell ta' ċertifikazzjoni nkisbet u fejn saret l-analiżi ta' dawn il-prodotti sabiex ikun stabbilit il-livell tal-produzzjoni agrikola organika f'Malta u Għawdex?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li ma sar l-ebda tkabbir ta' ħxejjex b'metodi organiċi fil-qasam esperimentali tal-Għammieri, la qabel l-1999 u lanqas wara.
B'referenza għall-pjan ta' żvilupp rurali tal-Gvern, jista' l-Ministru jinfurmani liema huma t-toroq li se jiġu rranġati fil-kampanja tal-gzejjer tagħna u x'metodi se jintużaw sabiex ikun assigurat li x-xogħlijiet ma jikkawżawx impatt negattiv fuq il-hydrological cycle tal-kampanja tal-gżejjer? Kemm saru laqgħat dwar dan meta saru u x'rapporti saru u ġew konklużi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd huwa responsabbli biex jitfassal dan il-pjan.
Jista' l-Ministru jgħid skond in-normi tal-liġijiet ta pajjiżna l-bdiewa huma permessi li jbiegħu frott u ħxejjex dirett mill-irżieżet tagħhom?
Hemm xi proċeduri partikolari li l-bdiewa jridu jsegwu sabiex jkunu jistgħu jbiegħu huma stess mill-irżieżet tagħhom? Jirrikjedu xi permess? Minn huma l-awtoritajiet kompetenti li qed jimponu kontra dan id-dritt tal-bdiewa? U għaliex qed jimponu kontra dan id-dritt tal-bdiewa Maltin u Għawdxin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li ma hemm xejn xi jżomm lill-bdiewa li jbiegħu frott u ħxejjex direttament mill-għalqa tagħhom (farm gate). Sa fejn hu magħruf ħadd ma qed iżomm lil xi bdiewa li jbiegħu prodotti agrikoli mill-għalqa tagħhom.
Jista' l-Ministru jinfurmani x'benefiċċji, kumpens finanzjarju, kundizzjonijiet, mobile phones, karozzi eċċ għandhom il-membri tal-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru ?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra xi spejjeż u liema tip ta' xogħol sar sabiex jkun hemm restawr aħjar tal-Victoria Lines?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta' restawr li sar fuq il-Victoria Lines kien jikkonsisti fir-riabilitazzjoni ta' partijiet mill-ħitan difensivi li hemm fiz-zona magħrufa bħala Bingemma Gap. Dawn ix-xogħlijiet kienu jikkonsistu fir-rikostruzzjoni ta' parti mill-'musketry gallery' li wkoll tagħmel parti mid-Dwejra Lines, ir-restawr ta' l-'Stop Wall (Bridge)' li jaqsam il-wied ta' Bingemma u r-restawr ta' medda ta' madwar 250 metru ta' ħitan imġarrfin. Dawn ix-xogħlijiet s'issa swew Lm19,000.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti vis a vis l-Iraq fid-dawl ta' l-iżviluppi ta' dan l-aħħar?
Response (BORG, JOE)
Il-Gvern Malti qed isegwi mill-qrib u b'attenzjoni s-sitwazzjoni kif qed tiżviluppa dwar l-Iraq u l-pożizzjoni li qed jieħdu ċerti pajjiżi fil-konfront ta' din is-sitwazzjoni.
Il-Gvern Malti itenni li l-aħjar meżżi ta' soluzzjoni huma dawk paċifiċi, diplomatiċi u ta' djalogu u jsostni l-pożizzjoni tal-Ġnus Magħquda li l-Iraq għandu jirrispetta r-rieda tal-komunita' internazzjonali li l-ispetturi tal-Ġnus Magħquda għandhom jitħallew jagħmlu xogħolhom mingħajr kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet skond ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill ta' Sigurta' tal-Ġnus Magħquda.
Jista' il-Ministru jgħid huwiex minnu li l-bank ċentrali għandu pjani biex iqabbad konsulent barrani ġdid? Jekk iva, f'liema dipartiment mistenni jsir dan?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li huwa nformat tajjeb. Bi sħab mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u taħt il-programm ta’ assistenza teknika ta’ l-istess FMI, il-Bank Ċentrali se jingaġġa lil Dr Alexander Markowski bħala konsulent ekonomiku għal perjodu ta’ sena minn Ottubru 2002.
Dr Markowski għandu kapaċitajiet akademiċi qawwija fl-ekonomija u l-ekonometrika u ħadem b’mod prattiku għal ħafna snin fuq dan ix-xogħol. Hu għandu wkoll esperjenza vasta tal-ekonomija Maltija peress li f’dawn l-aħħar għaxar snin ġie Malta kemm-il darba sabiex jagħti pariri lil Bank taħt assistenza teknika pprovduta mill-FMI. Fil-fatt il-kontribut tiegħu kien determinanti għall-iżvilupp tal-mudell ekonometriku tal-Bank.
F’dan l-istess kuntest huwa mistenni li Dr Markowski issa jaħdem flimkien ma’ uffiċjali fid-Dipartiment tal-Ekonomija tal-Bank fuq revizjoni u tibdil fil-mudell ekonometriku tal-Bank. Se jagħti wkoll pariri fuq metodi oħra kif jista’ jsir tbassir ekonomiku għal perjodi qosra jew medji. Barra minn hekk ikun mistenni li jagħti pariri fuq aspetti relatati mar-responsabiltajiet li għandu l-Bank fil-qasam tal-politika monetarja.
Peress li l-Bank diġa rċieva ħafna assistenza teknika mingħand il-FMI (kif diġa’ ntqal aktar ‘il fuq, il-FMI kien ħallas l-ispejjeż kollha sabiex dan l-istess espert serva ta’ konsulent għal għaxar snin), din id-darba l-ispejjeż tal-konsulenza bejn wieħed u ieħor se jinqasmu bejn il-Bank Ċentrali u l-FMI.
Jista' il-Ministru jara li jitneħħew wires tad-dawl li hemm quddiem ir-residenza li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li minn investigazzjoni li saret mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta jirriżulta li l-wires li qed issir riferenza għalihom mhumiex proprjeta' ta' l-istess Korporazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid minn Ġunju sa Awissu, separatament, kemm sar serq ta': a) vetturi b) minn vetturi? Kemm mill-vetturi misruqa nstabu? Jista' jelenka minn fejn l-aktar li nsterqu vetturi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li minn Ġunju sa Awissu 2002 ġew irraportati lill-Pulizija 148 serqa ta` vetturi u 752 serqa minn vetturi. Mill-vetturi misruqa, instabu 103. Il-lokalitajiet fejn l-aktar li nsterqu vetturi huma Qormi, San Ġiljan, Pieta`, San Pawl il-Baħar, tas-Sliema u l-Mellieħa.
Jista' il-Ministru jgħid fix-xhur ta' Ġunju, Lulju u Awissu separatament kemm kien in-numru totali ta' serq li ġew irrapurtati lill-pulizija? Kemm minn dawn kienu minn djar? Mil-liema lokalitajiet l-aktar li sar serq minn djar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` serqiet irrappurtati lill-Pulizija fix-xhur ta` Ġunju, Lulju u Awissu 2002, kien ta` 799, 1,099, u 1,009 rispettivament. Minn dawn is-serq minn djar kien ta` 54, 68, u 63. Il-lokalitajiet li l-aktar kien hemm serq minn djar huma San Pawl il-Baħar, Tas-Sliema, il-Mellieħa, San Ġiljan u l-Mosta.
Jista' il-Ministru jgħid jekk inqabdux makni illegali tal-logħob f'Malta u Għawdex? F'liema lokalitajiet? Jista' jagħti l-figuri għall-ewwel tmien xhur tas-sena u jgħid ukoll x'passi ittieħdu kontra s-sidien tal-postijiet konċernati? Jista' jagħti l-ismijiet tal-ħwienet/każini eċċ fejn instabu peress li dawn il-makni huma ta' rovina kemm għaż-żgħażagħ kif ukoll għall-adulti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u l-31 ta` Awissu 2002, il-Pulizija qabdet 26 kaxxa tal-logħob illegali fil-lokalitajiet ta` San Ġiljan, San Ġwann, Buġibba, il-Belt, M`Xlokk u Ħaż Żabbar. Infurmat ukoll illi 14-il persuna tressqu l-Qorti dwar dawn l-abbużi.
Jista' il-Ministru jara li l-pulizija tagħmel aktar sorveljanza fil-playground ta' San Ġiljan (quddiem il-Wembley) peress li qed ikun hemm tfal taħt l-eta' jixorbu xorb alkoħoliku speċjalment fi tmiem il-ġimgħa? Jista' jara li l-pulizija tad-distrett tara li l-ħwienet tal-merċa jagħlqu fil-ħin stipulat fil-liċenzja peress li hemm rapporti li dawn jistgħu jbiegħu xorb alkoħoliku lit-tfal taħt l-eta'?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi il-Pulizija qed tagħmel sorveljanza fil-playground imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Infurmat ukoll illi il-Pulizija tad-Distrett ta` San Ġiljan jagħmlu wkoll ronda fl-inħawi, sabiex jassigurawli l-ħinijiet ta` l-għeluq tal-ħwienet jiġu osservati.
Jista' il-Ministru jgħid f'Ġunju, Lulju u Awissu separatament kemm-il żagħżugħ instab mill-pulizija f'xi post ta' divertiment meta dawn iż-żgħażagħ kienu taħt is-sittax il-sena? F'liema lokalitajiet? Kemm minn dawn kienu barranin? X'passi ittieħdu kontra s-sidien? Kemm-il sid kien involut?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li minn Ġunju sa Awissu 2002, il-Pulizija qabdet persuna waħda taħt is-sittax-il sena f`post ta` divertiment. B`riżultat ta` dan, il-Pulizija qed tieħu passi quddiem il-Qorti kontra is-sid ta` dan il-ħanut fil-Belt u mistenni jitressaq fit-12 ta` Settembru 2002 akkużat talli ippermetta persuna taħt l-eta` fil-ħanut tiegħu.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm imwiet fl-ewwel tmien xhur tas-sena - direttament/indirettament mit-tipjip? Kemm kienu irġiel u kemm nisa? Jista' jelenka l-kawża proprja tal-mewt?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li fl-ewwel seba' xhur tas-sena 2002 ġew irreġistrati 228 imwiet li huma kunsidrati direttament jew indirettament ikkawżati mit-tipjip. Minn dawn, kien hemm 159 raġel u 69 mara.
Il-kawżi propji tal-imwiet kienu: kankru tal-pulmun u tal-pajp tan-nifs, mard kroniku tal-pulmun bħal bronkite kronika, u mard kroniku tal-qalb li jinkludi attakki tal-qalb.
Iċ-ċifri għax-xahar ta' Awwissu 2002 għadhom qiegħdin jinġabru.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu dawk li rritornaw il-VAT number u l-kotba tal-VAT lid-dipartiment tal-VAT f'dawn l-aħħar 4 snin sal-lum, sena b'sena?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta' persuni reġistrati li talbu biex jinqatgħu mir-reġistru tal-VAT f'dawn l-aħħar erba' snin kien kif jidher hawn taħt:
1999 - 2,719
2000 - 2,541
2001 - 2,746
Jannar/Lulju 2002 - 1,335
Fl-istess snin, in-numru ta' persuni li rreġistraw mad-Dipartiment kien ta':
1999 - 3,480
2000 - 3,432
2001 - 3,200
Jannar/Lulju - 2,009
Jista' il-Ministru jgħid minn huma l-membri tal-kumitat tal-Malta film facilities? Jista' jgħid ukoll x'esperjenza għandhom dawn il-membri fil-qasam tal-films?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Malta Film Facilities Limited ma hijiex kumpanija tal-Gvern. Fil-fatt din il-kumpanija ġiet privatizzata fl-1995 u l-isem kien inbidel għal Mediterranean Film Studios Ċompangħ Limited. Għaldaqstant l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata.