Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni kollha li tul Jannar 1999 kienu qed iqassmu l-mediċina mill-klinika tal-gvern fin-Naxxar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-persuna responsabbli għat-tqassim tal-mediċini fil-klinika tal-Gvern fin-Naxxar matul ix-xahar ta' Jannar 1999 kienet l-istess persuna ħlief għal ġurnata waħda, id-19 ta' Jannar 1999.
Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq flus il-gvern fuq advertising konness mad-dħul tal-VAT u l-amministrazzjoni tagħha qabel l-1 ta' Jannar u wara? Fiex intnefqu dawn il-flus?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta` flus li nefaq il-Gvern fuq advertising konness mad-dħul tal-VAT u l-amministrazzjoni tagħha qabel l-1 ta` Jannar u wara hu kif ġej:
Avviżi f`Gazzetti Lm 390.00
Spejjeż ta` Produzzjoni Lm 30.00
Leaflets ta` Informazzjoni Lm2,709.00
Total Lm3,129.00
Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq flus il-ministeru fuq advertising konness mad-dħul tal-VAT u l-amministrazzjoni tagħha qabel l-1 ta' Jannar u wara? Fiex intnefqu dawn il-flus?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ammont totali li tħallas għal reklamar sal-31 ta' Diċembru 1998 in konnessjoni mad-dħul u l-amministrazzjoni tal-VAT kien ta' Lm2259.34c. Dan l-ammont intefaq biex ġew reklamati laqgħat ma' dawk li jaħdmu għal rashom fejn ġie spjegat lilhom it-tħaddim tas-sistema.
Rigward ammonti mħallsa wara l-1 ta' Jannar 1999, l-informazzjoni għadha qed tinġabar
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat ma' korpi kostitwiti jew mal-pubbliku interessat, self-employed, eċċ. in konnessjoni mal-VAT, kemm saru qabel id-dħul tal-VAT u kemm saru wara?
Response (DALLI, JOHN)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat fis-Seduta 48 għall-mistoqsija Numru 2921 dwar laqgħat u konsultazzjonijiet li saru dwar id-dħul tal-VAT.
Dawn il-laqgħat u konsultazzjonijet mmexxija kemm minn Ministri kif ukoll minn uffiċjali tal-Ministeru tal-Finanzi u tad-Dipartiment tal-VAT għadhom għaddejjin b`mod regolari u ser jibqgħu sejrin sakemm tinħass il-ħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hijiex qed tiġi kkonsidrata amnestija lill-ħabsin mal-bdil tal-President u mal-wasla tal-millenju? Jekk iva, min se jibbenefika?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
24.02.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni anzjani li kienu vittma ta' reat matul ix-xahar ta' Jannar 1999? X'tip ta' reati kienu u kemm kellhom eta'?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Din l-informazzjoni tkopri kull tip ta' reat in ġenerali u mhux biss attakki fuq l-anzjani. Dawn l-attakki fuq l-anzjani kienu jikkonsistu f' 15-il inċident u ċioe' 16% tat-total.
24.02.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux ippjanat li jipprovdi post addattat fejn jaħdmu lil dawk li jaħdmu l-karrijiet tal-Karnival, bil-għan li xogħolhom ma jintilifx minħabba l-maltemp? Jekk iva, meta huwa ppjanat li dan il-post jiġi pprovdut u fejn?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għar-risposti fuq l-istess suġġett li tajt numri 4030 u 4287. Nixtieq inżid li diġa' ħadt passi biex il-proċeduri neċessarji ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar jiġu segwiti.
Issa li l-Gvern Nazzjonalista r-riattiva l-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea, jista' l-Viċi Prim Ministru jikkalkula li l-Unjoni se tagħti flus lil Malta f'għotjiet u mhux f'self fis-sentejn li ġejjin?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Il-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea għandu jeżamina r-rapport ta' aġġornament tal-Kummissjoni dwar it-talba ta' Malta għar-rijattivazzjoni ta' l-applikazzjoni għal sħubija. Il-forma u l-ammont ta' għajnuna li Malta tista' tieħu mill-Unjoni jiġu diskussi fil-kontest tal-miżuri li jridu jittieħdu biex Malta tattiva l-provedimenti ta' l-acquis communitaire.
Il-Ministru jaf li hemm min jieħu l-mediċini b'xejn mill-ispiżeriji tal-gvern u li dan l-aħħar qed iżommulhom riċetta ta' tlett xhur għal supply ta' xahrejn? Jekk jaf, x'inhi r-raġuni? Jekk ma jafx, x'se jagħmel biex dan ma jsirx aktar għaliex hemm lok ta' abbużi serji?
Response (DEGUARA, LOUIS)
It-tibdil li sar fis-sistema ta' tqassim ta' mediċini mill-ispiżeriji tal-Gvern huwa mmirat biex jaġevola lill-pazjenti. Dawn issa m'għandhomx bżonn li jmorru fl-ispiżeriji kull xahar, iżda qed jingħataw ammont li jservi xahrejn. B'din is-sistema ġie deċiż li r-riċetti s-sofor, li kienu jinqasmu fi tlieta b'kull parti valida għal xahar mediċini, issa jibdew jitqiesu bħala riċetta waħda valida għall-perjodu ta' xahrejn. F'din is-sistema ma hemm lok għall-ebda abbuż għaliex wieħed jista jivverifika li r-riċetti kollha għandhom il-partijiet kollha ntatti. Barra minn hekk fuq ir-riċetta jkun hemm imniżżel l-ammont ta' mediċini li ġew mogħtija lill-pazjent.
Is-sistema bdiet titħaddem f'Novembru 1998, għall-ewwel fil-'Postal'u f'xi distretti. Mill-ewwel bdew jidhru riżultati nkoraġġanti fin-nuqqas ta' ħela ta' ħin, l-ewwel għall-pazjenti fi kjus twal, u t-tieni għall-ispiżjara fil-mili ta' formoli. Għalhekk, is-sistema baqgħet tiġi mifruxa sakemm, issa, mill-1ta' Marzu 1999 se tibda titħaddem fl-aħħar żewg 'Health Centres' - dawk tal-Mosta u tal-Furjana.
Jista' l-Ministru jgħid huwiex veru li se terġa' tidħol is-sistema li ssir ir-riċetta għal mediċini b'xejn kull xahar u mhux għal tlett xhur kif inhi bħalissa?
Jista' l-Ministru jgħid kemm jikkalkula li hemm min qiegħed jabbuża mill-pensjoni, billi fl-aħħar snin tax-xogħol ikun tella' jew tellgħulu s-salarju aktar milli fil-fatt kien? Kemm huwa n-numru ta' pensjonanti u kemm dawn l-abbużi jinvolvu finanzi?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' kemm fil-fatt għolew il-prezzijiet tal-mediċini, żriegħ u sustanzi, eċċ li jużaw il-bdiewa u raħħala kawża tal-VAT?
Peress li l-bdiewa qed jilmentaw li l-prezzijiet għolew ħafna, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra minn Jannar 'il hawn x'konsultazzjonijiet għamel id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura ma' dak tal-konsumaturi dwar din is-sitwazzjoni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Fil-fatt il-prezzijiet effettivi għal bdiewa u raħħala tal-prodotti kollha li jiġu bżonn jixtru mhux talli ma għolewx bil-VAT iżda ċerti prodotti saħansitra raħsu. Dan għaliex fejn titħallas il 15% VAT fuq dawn il-prodotti minn bdiewa u raħħala reġistrati, huma kollha 'refundable'. Dana b' kuntrast mat-taxxa inġusta taċ-CET li permess tagħha l-bdiewa u raħħala ma setgħux jieħdu lura t-taxxa kollha li jkunu ħallsu fuq l-istess prodott.
Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-agrikoltura u s-sajd huma kkunsidrati bħala 'exempt with credit'.
Dawk l-ispejjeż żejda li kienet imponiet fuq is-settur il-liġi taċ- CET, issa permezz tas-sistema tal-VAT u 'refunds' tneħħew.
Infakkar ukoll li bis-sistema taċ-CET, il-bdiewa u r-raħħala ma kienitx tingħatalhom lura t-taxxa (ETS) mħallsa fuq ix-xogħol magħmul lilu bħala servizz.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari tiegħi preċedenti sabiex jitwaħħlu aktar bozoz/lampi/arbli ġodda flok dawk imsadda u manutenzjoni ta' xort'oħra fl-istreet lighting tat-12-il distrett, Rabat, Mġarr, St. Paul's Bay, Mellieħa u limiti tagħhom, jista' l-Ministru jinformani bil-programm ta' xogħlijiet għal Marzu, April u Mejju, 1999?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' visitaturi/turisti li huma rapportati li daħlu jżuru l-mużewijiet nazzjonali li għandna fil-gżejjer tagħna matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? X'kien id-dħul finanzjarju għal kull sena?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli fil-ħin opportun u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari numri 3528, 3924 u 2670 dwar trattati ġodda ta' trasport pubbliku għal bliet u rħula tat-12-il Distrett, ma jħossx il-Ministru li l-informazzjoni fit-tweġibiet li ta m'humiex kompletament korretti peress li r-residenti ta' Għar Barka talbu diversi drabi matul dawn l-aħħar snin sabiex il-karozza tal-linja tgħaddi minn dawn l-inħawi tar-Rabat?
Ma jħossx allura l-Ministru li jkun aktar ta' benefiċċju jekk jinforma lill-Kamra għaliex l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku dejjem informat it-talba tar-residenti ta' Għar Barka fir-Rabat?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li matul l-aħħar tliet snin ma saret l-ebda talba lill-Awtorita` tat-Trasport, wara li l-Assoċjazjoni tas-sidien tal-karozzi tal-linja ma kienitx laqgħat talbiet għal dan is-servizz fil-passat.
Mużewijiet nazzjonali — Żjajjar minn għaqdiet volontarji
Question
Jikkonsidra l-Ministru li fil-futur għaqdiet volontarji li jieħdu ħsieb tfal, żgħażagħ u nies oħra tas-soċjeta' tagħna, ikun permess lilhom li jorganizzaw żjarat fil-mużewijiet nazzjonali matul il-ħin ta' fil-għaxija naturalment b'kordinament mad-Dipartiment tal-Mużewijiet?
Peress li dan il-bżonn jinħass sew, jista' l-Ministru joħroġ avviż sabiex ikun jaf min huma l-għaqdiet interessati u wara jipprova għal xahar din il-miżura u l-effett tagħha?
Response (GALEA, LOUIS)
Tlabt li l-proposta ta' L-Onor. Kollega tiġi kunsidrata mid-Dipartiment tal-Mużewijiet.
Jikkonferma l-Ministru li l-Bioagricoop hija rikonoxxuta mill-IFOAM?
Response (ZAMMIT, NINU)
Minn informazzjoni miġbura, il-Bioagricoop scrl ta' Bologna hija waħda minn 740 organizzazzjonijiet membri tal-IFOAM u hija akkredidata bħala organizzazzjoni li tista' tiċċertifika produzzjoni organika fost ħafna organizzazzjonijiet oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inġabar boll u capital gains tax f'Għawdex f'trasferimenti ta' proprjeta' mmobbli minn Jannar sas-6 ta' Settembru, 1998 u mis-7 ta' Settembru, 1998 sal-ġurnata tal-lum?
Response (DALLI, JOHN)
L-ammont ta` dħul mit-taxxa fuq dokumenti u trasferimenti ta` proprjeta` immobbli imħallas fl-Uffiċċju ta` Għawdex mill-1 ta` Jannar 1998 sas-6 ta` Settembru, 1998 kien ta` Lm492,566.77,0 u mis-7 ta` Settembru 1998 sas-16 ta` Frar, 1999 kien ta` Lm335,035.16,0.
L-ammonti ta` dħul mit-taxxa fuq qliegħ kapitali mħallsa fl-Uffiċċju ta` Għawdex kienu ta` Lm160,005.50,0 għall-perjodu mill-1 ta` Jannar, 1998 sas-6 ta` Settembru, 1998 u ta` Lm137,746 għall-perjodu mis-7 ta` Settembru, 1998 sas-16 ta` Frar, 1999.