Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija arrestawx lil xi ħadd waqt u wara l-inċidenti li seħħew matul logħba football tal-Premier Division bejn Tas-Sliema u Birkirkara fil-31 ta' Jannar, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm tressqu nies il-Qorti u x'kien l-eżitu tal-każi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-jiem ta' wara l-logħba football li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant, il-Pulizija żammet xi nies in konnessjoni mal-investigazzjoni li qed issir dwar l-inċidenti li nqalgħu waqt il-logħba.
Ninsab infurmat ukoll li s'issa għadu ma tressaq ħadd quddiem il-Qorti.
01.03.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk inħarġux permessi għall-bini bil-proprjeta' magħrufa bħala Villa Da Fremeaux fi Triq Santa Katarina fiż-Żejtun? Jaf il-Ministru li minkejja li qatt ma kienu nħarġu permessi dejjem issokta x-xogħol ta' tkissir f'din il-proprjeta' storika ta' żmien il-Franċiżi, kemm fid-dar kif ukoll fil-ġiebja kbira u antika li hemm, li saħansitra ntradmet bil-ħamrija? Jista' l-Ministru jgħid jekk kien hemm stop order jew appell quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar huwiex lest li minbarra li jwaqqfu x-xogħol jobbliga li d-dar issir fl-istat li kienet qabel?
Jaf il-Ministru li l-ħsara li saret fil-faċċata u l-aċċess li hemm, huwa ta' periklu u fastidju f'dak li hu serq u abbuż kemm għar-residenti kif ukoll għal dawk li jkunu għaddejjin minn quddiem id-dar?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jaħseb biex ikun hemm skop ulterjuri għal din il-proprjeta' li tista' tkun ta' servizz akbar għal komunita'?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, il-permess għal bini ta' garaxxijiet u appartamenti nħareġ fis-27 ta' Lulju, 1998. Eventwalment inħareġ Stop and Enforcement Notice u hemm appell pendenti quddiem il-Planning Appeals Board.
01.03.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4809, tista' l-Ministru tgħid lil liema kuntrattur ingħata d-direct order? Kemm swew ix-xogħlijiet fiż-żewġ toroq imsemmija? Tista' l-Ministru tgħid jekk dan il-kuntrattur ingħatax iżjed xogħol mill-Ministeru tagħha? Kemm swew ix-xogħlijiet kollha li ngħataw? Min huma d-diretturi tal-kumpannija ta' dan il-kuntrattur?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-direct order ingħatat lil Joymar Co Ltd. Ix-xogħol fuq dawn iż-żewġ toroq sewa s-somma ta' Lm2,318.48,0. Ma ngħata l-ebda xogħol ieħor b'direct order lil dan il-kuntrattur mill-Ministeru għal Għawdex. Għar-rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, nitlob lill-onorevoli interpellant jirreferiha lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni għalfejn il-Work Resources Committee ta' l-Academic Staff ta' l-Univerista' qiegħed jirrifjuta li jagħti l-Work Resources lil Academic Staff ta' l-Universita' li huma assenjati b'xogħol fil-Junior College filwaqt li jalloka fondi lill-Academic Staff li huma assenjati f'fakultajiet u istituti oħra ta' l-Universita'?
Response (GALEA, LOUIS)
Jiena konxju tat-talbiet għal "Work Resources" mill-istaff akkademiku tal-"Junior College" u qiegħed nifli l-fatti u r-raġunijiet mogħtija minn dawk kollha nvoluti f'din il-materja bl-iskop li ngħin fis-sejbien ta' soluzzjoni mill-aktar fis possibli.
B'riferenza għas-sejħa għall-skrivani part-time għall-erba' skejjel li saret dan l-aħħar, jista' l-Ministru jgħid meta tidħol applikazzjoni kellhiex tingħata riċevuta bħala acknowledgement?
Jekk iva, għalfejn fl-iskola tal-Kalkara ma ġietx osservata din il-prassi?
Jista' l-Ministru jgħid jekk photocopy tal-kondotta tal-pulizija kienx biżżejjed, minħabba li kien hemm skejjel li talbu ċertifikat oriġinali meta l-pulizija ċertifikat oriġinal wieħed joħorġu?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba għadha ma waslitlix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew deċiżi applikazzjonijiet għar-rigward ta' bini f'Għawdex: (a) mid-DCC; (b) mill-Bord ta' l-Appelli mill-(i) 1 ta' Jannar, 1998 sa 6 ta' Settembru, 1998; u (ii) mis-7 ta' Settembru, 1998 sas-16 ta' Frar, 1999?
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 4742?
Response (BORG, TONIO)
B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 4742, ninsab infurmat li bejn Settembru, 1998, u s-17 ta' Frar, 1999, in-numru ta' laqgħat tal-Kummissjoni għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp f'St. Francis Ravelin, il-Furjana kien ta' 62.
01.03.99
Fid-dawl tar-rapport dwar Malta mill-Unjoni Ewropea, jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern iridx ibiddel il-mod kif joħorġu permessi għal spiżeriji ġodda? Kif iridu jsiru il-permessi aktar 'il quddiem billi sal-lum l-ispiżeriji jgawdu minn ċertu protezzjoni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fit- 2 ta' Settembru 1998, il-Ministeru tas-Saħħa ħatar Kumitat magħmul minn rappresentanti tad-Dipartiment, tal-Kamra tal-Ispiżjara u l-GRTU biex flimkien joħorġu proposti dwar liċenzjar ta' spiżeriji u kif tista' titħaddem sistema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek.
Il-Kumitat ippreżenta rapport f'Diċembru 1999, li għadu qed jiġi diskuss.
Għalhekk għadu kmieni biex ngħid kif ser ikun il-mod li bih ser joħorġu jew kif iridu jsiru l-permessi tal-Ispiżeriji.
Fid-dawl tar-rapport dwar Malta mill-Unjoni Ewropea, jista' l-Gvern jgħid jekk il-gvern iridx jilliberalizza x-xiri ta' taxis (il-bojod), minibuses (il-ħomor) u karozzi fuq tal-linja li sal-lum jgawdu l-protezzjoni?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li r-rapport imsemmi jgħamel xi referenza għas-setturi ndikati mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-servizzi ġodda li ġew introdotti fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar, fost liema hemm il-każijiet tal-Bord ta' l-Appelli jkunu aċċessibbli lill-periti u l-avukati, humiex sejrin jiġu estiżi anke għall-gżira Għawdxija?
Hemm ħsieb li fl-uffiċċju ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar f'Għawdex issir kamra apposta għal avukati u periti biex jinqdew b'dawn is-servizzi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bħalissa qed jiġi studjat kif uħud minn dawn is-servizzi jiġu estiżi wkoll on-line fuq il-website tal-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
01.03.99
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-applikazzjoni ta' bini li jidħlu f'Għawdex ma jiġux ipproċessati fl-istess gżira, lanqas fl-ammont li jrid jitħallas ma' l-applikazzjoni, imma sal-lum għadu jħallas għaxar liri (Lm10) ma' kull applikazzjoni u l-ammont li għandu jħallas jiġi kkalkolat wara mill-awtorita' f'Malta u b'hekk jinħela ħafna ħin fl-ipproċessar ta' l-istess applikazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li numru ta' applikazzjonijiet qed jiġu pproċessati fl-Uffiċċju ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar f'Għawdex stess, li jinkludu applikazzjonijiet għal proġetti kbar u xi applikazzjonijiet għal żviluppi sostanzjali fuq siti li huma barra mill-Iskemi ta' Żvilupp. Ir-rapporti ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar lill-Bord ta' l-Appelli dwar l-Ippjanar qed isiru fl-Uffiċċju ta' Għawdex ukoll.
Ninsab infurmat ukoll li fl-Uffiċċju ta' l-Awtorita' ġewwa Għawdex issa anke beda jiġi iċċekjat il-Building Levy u l-applikazzjonijiet jiġu validati f'Għawdex stess.
01.03.99
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti li ngħataw għar-rigward ta' xogħlijiet f'Għawdex mis-7 ta' Settembru, 1998 sas-16 ta' Frar, 1999?
Kemm kien l-ammont involut f'kull kuntratt li ngħata?
Kemm minn dawn il-kuntratti li ngħataw ingħataw b'direct order?
X'kienet ir-raġuni li l-istess kuntratti ingħataw b'direct order?
Kemm kien l-ammont involut ta' kull kuntratt li ngħata b'direct order u lil min ingħata dan il-kuntratt b'direct order?
Fid-dawl tar-rapport li ħarġet l-UE dwar Malta, jista' l-Prim Ministru jserraħ ras il-kaċċaturi u nassaba Maltin billi jwiegħed lil dawn l-eluf ta' dilettanti li l-gvern se jżomm kelmtu magħhom u mhux se jbiddel ir-regolamenti tal-kaċċa u nsib u se jħallihom kif inhuma bħalma wiegħed qabel l-elezzjoni minkejja kull pressjoni li qed issir jew tista' ssir mill-istess Unjoni Ewropea?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt
illum għad-domanda Nru 4992 magħmula minn Nutar Joe
Cilia.
Fid-dawl tar-rapport li ħarġet l-UE dwar Malta, jista' l-Ministru jgħid kif iridu jitbiddlu r-regolamenti attwali rigward il-kaċċa u nsib biex jiġu konformi mal-Bord Directive tal-UE? Fid-dawl ta' l-istess rapport, jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux il-ħsieb illi jġib ir-regolamenti ta' pajjiżna konformi ma' ta' l-UE? Jekk iva, meta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4992 li qed jagħti l-Prim Ministru f'din is-seduta.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tidħol fis-seħħ il-Liġi dwar il-Condomini?
Response (BORG, TONIO)
Il-Kummissjoni Permanenti għal Riforma fil-Liġi għamlet rakkomandazzjoni għal tibdil fil-liġi dwar il-Kondomini. Fl-istess ħin ukoll, ġew formulati r-regolamenti għat-twettiq ta' diversi disposizzjoni tal-liġi skond kif jitlob Artikolu 32 ta' l-istess Att. Dan kollu qed jiġi diskuss ma' l-Avukat Ġenerali qabel ma jiġi ffinalizzat il-pakkett kollu, u l-liġi u r-regolamenti li joħorġu minnha jidħlu fis-seħħ.
01.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm familji f'Għawdex bdew igawdu wara li l-każ tagħhom deher quddiem is-Social Assistance Bord mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mill-5 ta' Settembru 1998 l'hawn kien hemm żewġ każijiet ta' persuni Għawdxin li qed japplikaw għall-Għajnuna Soċjali lill-Bord maħtur apposta taħt il-liġi. Dawn iż-żewġ applikazzjonijiet saru fit-30 ta' Novembru, u fl-10 ta' Diċembru 1998 rispettivament.
Applikazzjoni għal din l-Għajnuna ssir wara li l-persuna konċernata tkun nqatgħet mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ milli tkun reġistrata fuq l-Ewwel Parti tar-reġistru, u tiġi reġistrata fuq it-Tieni Parti.
Fil-każijiet li għalihom qed jirreferi l-Onor. Interpellant, jirriżulta li dawn kienu rrifjutaw impieg li kien ġie offrut lilhom mill-Korporazzjoni. Fiċ-ċirkostanzi l-Onor. Interpellant jifhem li d-Dipartiment jeħtieġ aktar investigazzjonijiet, skond il-proċeduri stabbiliti mill-Bord ta' l-Assistenza, qabel ma tittieħed deċiżjoni.
1.3.99