Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Avviż Legali numru 179 ta' l-1995 u l-emendi li saru f'dan l-avviż legali? Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartimenti konċernati humiex qed jimxu ma' dan l-avviż legali? Hemm avviżi legali oħra li huma marbuta ma' l-isport? Jekk iva, jista' jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, JOHN)
L-Avviż Legali Numru 179 u l-emendi relatati għalih diġa ġew imqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra.
It-tweġiba għat-tieni parti tal-mistoqsija hi fl-affermattiv. L-allokazzjoni ta`fondi ssir b`konsultazjoni mal-Ministeru responsabbli mill-Isports.
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra verżjoni emendata tal-avviż legali numru 2 tal-1990 li għandu x`jaqsam ukoll ma` allokazjoni ta` fondi għall-isports mill-lotterija Super 5.
Jista' l-Ministru jgħid kif l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tħares lejn ix-Xagħra tal-Furjana fejn hemm diversi faċilitajiet sportivi?
Xi pjanijiet għandha l-awtorita' fuq dan il-post?
Response (BORG, TONIO)
Din l-area taqa' fil-konfini tal-Pjan Lokali għall-Port il-Kbir, liema Pjan preżentament qiegħed jiġi evalwat mill-Gvern.
01.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kif nies li marru biex jixtru cash register qalulhom li m'hawnx?
Għalfejn mhux qed isibu jixtruhom? X'inhi r-raġuni? Meta jaħseb li se jkun hawn għal bejgħ?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hawn stokk biżżejjed ta` cash registers fiskali li jistgħu jinxtraw mingħand l-aġenti li għandhom il-mudell tagħhom approvat mid-Dipartiment tal-VAT.
Jista' l-Ministru jgħid meta f'dawn it-toroq Triq Louise Schickluna, Triq San Gwann parti minn Triq San Antnin, Triq l-Iskola - continuation - u Triq Wistin Lavanzin kollha fil-Fgura, se ssir l-ewwel fażi bl-asfalt? Jaf il-Ministru li hemm minn dawn it-toroq li ilhom iktar minn tmien snin f'dan l-istat?
Jista' l-Ministru jagħti prijorita' għal dawn it-toroq peress li hemm residenti li qed ibatu minn mard minħabba t-trabijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li Triq Wistin Lavanzi u Triq Sant Antnin huma diġa asfaltati u miksija bit-tarmak. It-toroq l-oħra isir ix-xogħol fihom skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment wara li jkun żgurat li s-servizzi neċessarji huma fil-post.
Jista' l-Ministru jgħid kif is-Silosheath li kienu jingħataw mill-OPU fl-isptar issa qed jingħataw tal-cotton minflok kif kienu qabel tal-plastic?
Jaf il-Ministru li dan il-materjal tal-cotton mhux addattat għal problema partikolari u qed toħloq dmijja fil-ferita'?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jerġa' jkun hawn silosheath tal-plastic?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li s-'Silo Sheaths' huma differenti minn 'stump socks' tal-'cotton'. Is-'Silo sheaths' huma magħmulin mis-silikon u mhux mill-plastik.
Is-'silo sheaths' għadhom jingħataw b'xejn minn dan id-dipartiment(OPU). Il-pazjent irid jirritorna is-'silo sheath' il-qadime u jingħata waħda ġdida. Ir-raġuni hi li s-'silo sheaths' huma għaljin ħafna u ma jgħoddux għal kulħadd.
Jekk il-pazjent għandu ferita miftuħa, m'għandux jilbes 'silo sheath'. Il-pazjent għandu jfittex għajnuna medika qabel ma jkompli jilbes is-sieq artifiċjali, iktar u iktar qabel ma jilbes is-'silo sheath'.
Jista' l-Ministru jgħid kif il-Filudrocortisone, pilloli li jeħduhom nies b'Addisons Disease mhux qed jingħataw biżżejjed imma jingħataw ftit mill-ispiżerija tal-gvern? Jaf il-Ministru li dawn il-morda lanqas qed jieħdu nofs id-doża? Jista' l-Ministru jgħid għalfejn dan in-nuqqas, u meta se jerġa' jkun hemm abbundanza tal-mediċini?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fis-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern ma kienx hemm problemi ta' nuqqas tal-pilloli Fludrocortisone, la fl-Istores u l-anqas fl-Ispiżeriji tal-Gvern.
Jekk l-Onor. Interpellant għandha xi każ partikulari, nitlobha ttini d-dettalji ħalli nkun nista' ninvestiga.
Jista' l-Ministru jgħid kif proċedura li daħlet bi prova fi żmien Gvern Nazzjonalista li tirrigwarda ħlasijiet tal-LEVY ta' 3mls fil-Lm1, u li taqa' taħt ix-xerrej, pitkal u bidwi għada fis-seħħ sal-lum?
Response (DALLI, JOHN)
L-Onorevoli Interpellant hija mitluba tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat għal aktar informazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-permit entry sabiex tidħol fil-Pitkalija minn Lm1.25c saret Lm3?
Response (ZAMMIT, NINU)
Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Interpellant li l-'permit entry' sabiex tidħol fil-Pitkalija għola għal Lm3 fi żmien meta kien hemm Gvern Laburista, jiġifieri f'Jannar ta' l-1998.
Fil-fatt, diġa kien ġie ppublikat artiklu b'informazzjoni skoretta fl-Orizzont ta' 13 ta' Frar 1999, u l-Ministeru tiegħi permezz tad-DOI
ikkoreġa l-iżball fl-istess ġurnal tas-17 ta' Frar 1999, li kopja tagħhom qed nibagħtilha personalment.
Għaldaqstant peress li d-deċizjoni ma tteħditx meta jien kont Ministru, jiddispjaċini ngħid li ma nafx x'kienet ir-raġuni, u għalek nissuġerixxi lill-Onor. Law li ssaqsi lill-kollega tagħha l-Onor. Noel Farrugia.
Jista' l-Ministru jgħid u jikkonferma hux veru li nħarġet care order fil-konfront ta' persuna minuri wara li naqas li jirritorna d-dar mill-iskola u li llum jinsab f'St Patrick's u li sal-lum il-ġenituri tiegħu għadhom imċaħda minn kull informazzjoni ta' dan kollu?
Ma jidhirlux il-Ministru li din il-care order li nħarġet f'Jannar ta' din is-sena trid tiġi minnufih diskussa mal-partijiet kollha, inklużi l-ġenituri?
Response (GONZI, LAWRENCE)
M'hinix dispost li nagħti informazzjoni dwar każijiet fejn l-aspetti personali huma assolutament kunfidenzjali u dan fl-aħjar interess tal-partijiet kollha involuti. Infakkar lill-Onor. Membru li l-liġi stess tipprovdi għar-rimedji kollha neċessarji f'każijiet bħal dawn.
1.3.99
Jista' l-Ministru jikkonferma li x-xogħol kollu ta' servizzi fi Triq Dun Gwann Mamo ġewwa Ħal Tarxien ilu lest is-snin? Jista' jiġi konfermat l-istess għal Triq il-Fieres Tarxien li tinfed għal Triq Dun Gwann Mamo? Jista' jiġi verifikat li l-asfaltar ta' Triq il-Fieres se jsir fil-ġimgħat li ġejjin, skond kif qal il-perit responsabbli għat-Tarxien section ġewwa r-Roads Department, li ismu qed jintbagħat separatament? Di piu ikunx għaqli li una volta li se tiġi asfaltata Triq il-Fieres tiġi asfaltata wkoll Triq Dun Gwann Mamo peress li b'hekk jiġu ffrankati flejjes kbar għad-Dipartiment tat-Toroq peress li jsiru żewġ toroq f'daqqa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Għalissa d-Dipartiment tat-Toroq qed ifassal pjan dwar kif u meta t-toroq f`Malta jkunu jistgħu jiġu asfaltati sewwa.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta' verifika ta' l-eżami għal museum officers li beda fil-15 ta' Ottubru 1996, spiċċa fit-22 ta' Diċembru 1997 bit-tħabbir uffiċjali tar-riżultat u li fid-19 ta' Awissu 1998 ġie annullat ir-riżultat tal-bord ta' l-għażla tiegħu? Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku annullat dan ir-riżultat? X'se jiġri mir-riżultat li ħareġ fit-22 ta' Diċembru 1997 u ppubblikat mill-PSC? X'se jiġri mit-28 kandidat għal dan l-eżami u li għaddew?
Response (GALEA, LOUIS)
Għalkemm din il-materja ma taqax fid-dikasteru tiegħi, informat li l-materja ġiet konsidrata fl-ogħla livelli u l-kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku fl-awtonomija sħiħa tagħha iddeċidiet li tordna li l-eżami jsir mill-ġdid. Id-Dipartiment tal-Mużewijiet qed jieħu l-passi biex bla aktar telf ta' żmien jottempora ruħu mad-deċiżjoni tal-kummissjoni.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4434 dwar G Despott Junior Lyceum, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li sar mill-Management Efficiency Unit ta' l-OPM dwar dik l-iskola? In vista tal-fatt ta' rapporti li dehru f'sezzjoni ta' l-istampa dwar dik l-iskola bl-iskop li joskuraw l-amministrazzjoni preżenti, jista' l-Ministru jgħid x'miżuri qed jittieħdu dwar dan l-istat ta' fatt?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju ma nħossx li għandi nżid mat-tweġiba li tajt għal mistoqsija parlamentari Nru 4434.
Jista' l-Ministru jara li jiġi żgurat li l-muturi ta' l-arja kondizzjonata li hemm fil-Hypogeum ta' Raħal Ġdid ma jibqgħux jagħtu fastidju u ma jibqgħux ta' inkonvenjent għar-residenti li joqogħdu biswit jew appġġ ma' dan il-post, speċjalment dawk ta' Luqa Road, Ħal Saflieni Street u Burial Street? Ma jaħsibx il-Ministru li tali muturi imħaddmin lejl u nhar mhux qed iħallu lir-residenti jorqdu bil-lejl u jikkawża stress psikoloġiku persistenti?
Billi jirriżulta li applikaw aktar minn 80 għal kors ta' warden, jista' l-Ministru jikkonsidra li dawn il-korsijiet isiru f'Għawdex stess biex b'hekk jitnaqqas ħafna mill-inkonvenjent?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kien pjaċir għalija ninnota li kien hemm ħafna persuni li applikaw biex jagħmlu l-kors tal-Gwardjani Lokali organżżat mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ. Il-Korporazzjoni diġa bdiet tagħmel arranġamenti biex torganiżża l-kors f'Għawdex aktar tard din is-sena biex b'hekk l-applikanti Għawdxin ma jkollohomx għalfejn jiġu Malta.
1.3.99
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm jintużaw sodod b'kollox fl-isptar San Luqa u Karen Grech? Jista' jgħid ukoll x'inhi l-ispiża tal-laundry service fiż-żewġ sptarijiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru ta' pazjenti li kien hawn fl-Isptar San Luqa fit-23 ta' Frar kien ta' 837.
Iċ-ċifra dovuta għas-servizz tal-Laundry għall-Isptarijiet San Luqa u Karen Grech hija ta' Lm397,438. Din iċ-ċifra tinkorpora fiha l-ispejjeż kollha involuti fil-ħasil tal-Laundry inkluż l-elettriku, salarji ta' l-impjegati, detergenti eċċ.
Jista' l-Ministru jara li x-xogħlijiet li saru mill-Maltacom fi Triq Indri Grima/Għabex, fl-Imsida huma tal-livell adekwat li jħalli t-triq passaġġa għall-karozzi?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie mgħoddi lill-Kumpanija biex tara li x-xogħolijiet li saru huma ta' livell adekwat.
Jista' l-Ministru jara li t-Triq Kanonku Karmenu Pirotta f'Birkirkara tingħata t-tarmac peress li bħalissa tinsab fi stat diżastruż bil-konsegwenza li qed tkun ta' inkonvenjent kbir għar-residenti ta' din it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li parti minn Triq il-Kanonku Karmenu Pirotta hija diġa mogħtija t-tarmak. Parti sostanzjali fi Triq Pirotta għad trid tiżviluppa billi jitwaqqa l-bini biex tinfetaħ it-triq. Ghalhekk il-parti tat-triq li żviluppat wara dan il-bini ma tistax tiġi asfaltata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għad fadal garaxxijiet li ma ġewx mikrija fil-Blokk tal-Flats li telgħu l-aħħar mill-Awtorita' tad-Djar fi Triq Ġanni Bonnici/Triq is-Siġġiewi f'Ħaż-Żebbuġ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li dawn il-garaxxijiet huma proprjeta' ta' l-Awtorita' tad-Djar u għalhekk nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru tal-Politika Soċjali.
01.03.99
Jista' l-Ministru jikkonsidra t-talba sabiex it-testing ta' dawk li japplikaw għal kaċċa minn Għawdex isir minn uffiċjali Għawdxin stess biex jitnaqqas l-inkonvenjent lil dawk l-uffiċjali Maltin li jkollhom jaqsmu għal Għawdex kull meta jakkumulaw numru ta' applikazzjonijiet?
Jista' l-Ministru jiżgura li l-ġnien ta' Wied Blandun ġewwa Raħal Ġdid ikun imdawwal kif imiss, b'sistema ta' floodlighting li ġġib fix-xejn il-vandaliżmu kontinwu fuq il-bozoz li kien hemm? Jista' l-Ministru jara li jiġi żgurat li l-ġnien imsemmi ma jibqax fid-dlam assolut li ilu jirrenja fih għal dawn l-aħħar snin?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li saru l-arranġamenti meħtieġa bejn l-Enemalta u l-Kunsill Lokali ta' Raħal Ġdid biex jinbeda x-xogħol fl-imsemmi ġnien.