Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #4392 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Verdal — Junion Lyceum

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi li hemm bżonn biex fil-Junior Lyceum ta' Verdala tinħoloq il-kliema li hemm bżonn għal tmexxija tajba ta' l-iskola peress li qed jasluli rapporti persistenti minn għalliema, ġenituri u studenti ta' telf ta' sens ta' direzzjoni u ta' serjeta' f'din l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Minbarra l-passi li diġa' ttieħdu, ser jittieħdu miżuri oħra għall-iskop imsemmi.
Leg 9 PQ #4393 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Verdala — Junior Lyceum - Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema neqsin, f'liema suġġetti u f'liema klassijiet fil-Junior Lyceum ta' Verdala? F'liema suġġetti s'issa kien hemm assenteiżmu għoli mill-għalliema f'dan il-Junior Lyceum?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-unika għalliema nieqsa fl-iskola Ġużeppi Despott Junior Lyceum ħarġet bil-Pregnancy Leave fit-2 ta' Frar. Qed isiru arranġamenti biex il-lezzjonijiet tagħha jittieħdu minn għalliema oħra. It-tagħrif dwar assenteiżmu ta' għalliema li kienu bis-Sick Leave qed jiġi verifikat.
Leg 9 PQ #4394 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ħamrun — Skola Sekondarja Maria Nuzzo

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilha nieqsa l-għalliema tal-Home Economics fl-iskola sekondarja Maria Nuzza tal-bniet - Form I - fil-Ħamrun? Dawn l-istudenti meta se jkollhom lezzjonijiet regolari fil-Home Economics?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s'issa għad ma nstabitx għalliema ta' dan is-suġġett. Il-ħin tal-Home Economics qiegħed jiġi użat għal-tagħlim ieħor.

Prezzijiet — Indiċi tal-prezzijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu complaints dwar għoli ta' prezzijiet fid-diversi dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu dan ix-xahar? Kemm daħlu complaints fis-sitt xhur ta' qabel xahar b'xahar? X'kienu l-affarijiet li ġew irrapportati li għolew?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li matul Jannar 1999, fil-Consumer Complaints Unit (Freephone 120) tad-Dipartiment għall-Affarijiet tal-Konsumatur, daħlu 245 ilment. In-numru ta' lmenti, xahar b'xahar, li daħlu fl-istess Dipartiment fis-sitt xhur ta' qabel kien kif ġej:- XAHAR NUMRU TA' LMENTI Ġunju 102 Lulju 70 Awissu 118 Settembru 55 Ottubru 51 Novembru 30 Diċembru 26 L-ilmenti saru dwar dawn il-prodotti: affarijiet ta' ikel u xorb, żraben u ħwejjeġ, għamara, appliances, ġugarelli, tabakk u sigaretti, xi tipi ta' mediċini, pumi tal-bibien, souveniers, water filters, note-pads, riklami, ikel tal-qtates, insettiċidi, disinfettanti u deterġenti, prodotti tax-xagħar, nappies u toilet paper, żejt tal-karozzi, hair cuts u dwar servizzi ta' karozzi u pparkjar.
Leg 9 PQ #4422 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Suldati

Question

Peress li ħafna suldati qed jagħmlu xogħol simili ħafna għal dak ta' pulizija, jista' l-Prim Ministru jikkonsidra li ssir riorganizzazzjoni ta' l-iskali tal-grad fiċ-Ċivil għal membri ta' l-Armata?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-istruttura tal-pagi tal-militar diġa hija abbinata ma dik tas-Servizz Ċivili. Fil-fatt il-pagamenti għall- imjegati taċ-Ċivil skond il-Ftehim Kollettiv ser jingħataw ukoll lill-membri ta' l-Armata.

Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fil-kompożizzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara ġew magħżula żewġ membri mill-qasam tal-criminology u mbagħad m'hemm, per eżempju, l-ebda social worker?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-komposizzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara mhix ibbażata fuq rappreżentanza ta' professjonijiet differenti, iżda hi bbażata fuq il-kriterji li l-persuni magħżula jistgħu jagħtu kontribut fil-qasam tan-Nisa fis-Soċjeta. Jidhirli, pero', li l-Kummissjoni tinkludi membri li huma impenjati ħafna fl-oqsma soċjali ewlenin. 1.3.99
Leg 9 PQ #4641 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Ministeru tas-Saħħa — Bordijiet/kumitati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-bordijiet jew kumitati tat-tmexxija, eċċ tal-gvern u l-entitajiet l-oħra pubbliċi li jaqgħu taħt il-Ministeru għas-Saħħa li ġew mibdula mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Min kienu l-membri qabel ma nbidlu? Min huma l-membri issa? X'remunerazzjoni qed jieħdu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Bordijiet u l-Kumitati li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi li kienu appuntati biex iservu fl-1998, baqgħu jiffunzjonaw sat-terminu tal-ħatra tagħhom, jiġifieri sal-31 ta' Diċembru 1998, mingħajr ma kien hemm tibdil fil-Membri. Fl-1 ta' Jannar 1999, il-Bordijiet u l-Kumitati kollha ġew rikostitwiti b'xi tibdil fil-Membri. Dan l-aħħar ġiet rikostitwita wkoll il-Kummissjoni Nazzjonali Għar-Riforma tas-Saħħa Mentali wara xi dewmien, minħabba l-fatt li l-Oppożizzjoni m'aċċettatx l-invit tal-Gvern biex tinnomina membru minn naħa tagħha fuq il-Kummissjoni. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-kompożizzjoni tal-Bordijiet kif gew appuntati fl-1998 u 1999.
Leg 9 PQ #4642 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Bordijiet/kumitati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-bordijiet jew kumitati tat-tmexxija, eċċ tal-gvern u ta' entitajiet oħra pubbliċi li jaqgħu taħt il-Ministru għal Għawdex li ġew mibdula mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Min kienu l-membri qabel ma nbidlu? Min huma l-membri issa? X'remunerazzjoni qed jieħdu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mill-5 ta' Settembru 1998 'il hawn inħatru l-membri ġodda tal-Kunsill tal-Kultura, tal-Kumitat Festi Nazzjonali u Popolari u tal-Gozo Sports Board kif normalment isir fil-bidu ta' kull sena. L-informazzjoni dwar il-membri tagħhom fl-1998 u issa hija mogħtija fil-lista anessa.

Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd — Bordijiet/kumitati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-bordijiet jew kumitati tat-tmexxija, eċċ tal-gvern u ta' entitajiet oħra pubbliċi li jaqgħu taħt il-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd li ġew mibdula mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Min kienu l-membri qabel ma nbidlu? Min huma l-membri issa? X'remunerazzjoni qed jieħdu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ma kien hemm ebda tibdil s'issa f'xi bord jew kumitat tat-tmexxija tal-gvern u ta' entitajiet oħra pubbliċi li jaqgħu taħt il-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd. L-uniku tibdil kien fir-rappreżentanza ta' żewġ Diretturi li normalment jiġu nominati mill-Ministeru fuq il-Bord tad-diretturi tal-Malta Dairy Products Co. Ltd. L-aħħar żewġ diretturi kienu s-sur Charles Mizzi u s-sur George Carbone. Flokhom ġew innominati s-sur Edgar Ellul u s-sur Mario Sammut. Dan mhux bord, kumitat jew entita' pubblika.
Leg 9 PQ #4644 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Ministeru ta' l-Intern — Bordijiet/kumitati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-bordijiet jew kumitati tat-tmexxija, eċċ tal-gvern u ta' entitajiet oħra pubbliċi li jaqgħu taħt il-Ministeru ta' l-Intern li ġew mibdula mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Min kienu l-membri qabel ma nbidlu? Min huma l-membri issa? X'remunerazzjoni qed jieħdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 01.03.99 Seduta 69

Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi — Bordijiet/kumitati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-bordijiet jew kumitati tat-tmexxija, eċċ tal-gvern u ta' entitajiet oħra pubbliċi li jaqgħu taħt il-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi li ġew mibdula mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Min kienu l-membri qabel ma nbidlu? Min huma l-membri issa? X'remunerazzjoni qed jieħdu?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #4672 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Bioagricoop

Question

B'riferenza għall-proponimenti tal-bioagricoop li saru lill-Ministru sabiex fl-24, 25, 26 u 27 ta' Novembru, 1998 u fit-8 u fid-9 ta' Diċembru, 1998 jsiru korsijiet speċjalizzati għall-bdiewa Maltin u Għawdxin interessati li jkabbru produzzjoni agrikola organika, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex dawn il-laqgħat ma sarux?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-Onor. Interpellant japprezza l-fatt li l-Ministeru qed jibni u jorganizza l-mezzi kollha meħtieġa fuq livell professjonali bil-għan li din il-fergħa, bis-serjeta', tgħaddi mill-paroli għall-fatti.
Leg 9 PQ #4673 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Bioagricoop

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għal liema raġunijiet ma rrikonoxxiex l-ittra tal-Bioagricoop mibgħuta lilu f'Ottubru, 1998 sabiex jiġu organizzati korsijiet fuq produzzjoni agrikola abbażi ta' l-informazzjoni li l-bioagricoop kellha matul il-ħidma tagħha ma' l-amministrazzjoni preċedenti? Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra ma liema organizzazzjoni agrikola organika tkomplew il-konsultazzjonijiet tal-Ministeru u/jew tad-dipartiment dwar l-analisi u ċertifikazzjoni tal-produzzjoni agrikola organika ta' l-erbgħa bdiewa Maltin li mill-5 ta' Settembru 'il hawn komplew bil-programm tas-sistema organika li kienu ntroduċew matul l-amministrazzjoni preċedenti?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari numru 4672.
Leg 9 PQ #4674 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Taxxi Interni — Arretrati

Question

Peress li numru sostanzjali ta' pensjonanti jilmentaw li baqgħalhom jieħdu l-arretrati dovuti lilhom mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni u dan minkejja li ilhom is-snin li rtiraw bil-61 sena, jista' l-Ministru jara li jsiru l-pagamenti dovuti lill-pensjonanti in kwestjoni? Kemm fil-fatt huwa n-numru ta' pensjonanti li għandhom dawn il-pagamenti pendenti u kemm tammonta ċ-ċifra ta' flus? B'riferenza għall-mistoqsija preċedenti tiegħi matul seduta tas-sena l-oħra fejn il-Ministru kien assigurani li se jara x'jista' jsir sabiex dawn il-pagamenti lill-pensjonanti jitħaffef il-proċess tagħhom, jista' l-Ministru ġentilment jinformani bl-iżviluppi?

Response (DALLI, JOHN)

Fil-preżent total ta` 4536 pensjonanti ta` `l fuq minn 61 sena għandhom jieħdu bejniethom is-somma ta` Lm2,437,603 f`refunds ta` taxxa. Kif ingħad diversi drabi f`Mistoqsijiet Parlamentari oħra l-ħlas tar-refunds mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni minn dejjem kien marbut mar-riżorsi finanzarji li jkunu ġew ipprovduti lid-dipartiment fl-estimi finanzjarji annwali. Id-dipartiment qiegħed jeżamina kif tista` titjieb is-sistema biex jitħaffef il-proċess tal-ħlas tar-refunds lill-pensjonanti.
Leg 9 PQ #4675 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Taxxi Interni — Oġġezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' oġġezzjonijiet pendenti li għandu quddiemu d-Dipartiment tat-Taxxi Interni? Kemm minn dawn l-oġġezzjonijiet huma ta' kumpanniji, self-employed, professjonisti, ħaddiema mpjegati, ta' għaqdiet, eċċ?

Response (DALLI, JOHN)

In-numru ta` oġġezzjonijiet pendenti fil-31 ta` Jannar, 1999 kien ta` 54,427 li minnhom 8,177 huma ta` kumpaniji. Il-kumplament huma ta` individwi u ta` għaqdiet.
Leg 9 PQ #4676 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Taxxi Interni — Oġġezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' oġġezzjonijiet li nħadmu u ġew rimedjati bejn id-Dipartiment tat-Taxxi Interni u tax payer mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Kemm huwa mistenni li jinħadmu oġġezzjonijiet matul din is-sena?

Response (DALLI, JOHN)

In-numru ta` oġġezzjonijiet li ġew iffinaliżżati mill-5 ta` Settembru sal-31 ta` Jannar, 1999 kien ta` 3,906. Din is-sena se jsir sforz biex jingħalqu numru ta` oġġezzjonijiet ikkumplikati li jittrattaw `ex-officio` assessments li kienu ħarġu ħafna snin ilu. Għalhekk huwa diffiċli li wieħed jiddetermina kemm se jkun in-numru ta` oġġezzjonijiet li se jkunu konklużi, iżda in-numru jista` jlaħħaq il-15,000.
Leg 9 PQ #4677 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Biljetti ta' l-ajru

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt għoliet eżatt it-taxxa fuq il-biljetti ta' l-ajru għal din is-sena separatament mill-VAT? Kemm fil-fatt daħħal taxxa iżjed il-Gvern f'Jannar ta' din is-sena paragunat ma Jannar, 1998 u kemm hu d-dħul globali matul Jannar, 1999 minn din it-taxxa u levy konċernata?

Response (DALLI, JOHN)

Ma kien hemm ebda żieda ta` taxxa fuq il-biljetti ta` l-ajru u għaldaqstant il-gvern ma daħħal xejn iżjed. Għall-aħħar parti tal-mistoqsija, id-dħul għal Jannar 1999 mit-taxxa fuq il-biljetti kien ta` Lm105,920.
Leg 9 PQ #4815 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kumitat fuq l-istipendji

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-preparamenti tal-kumitat imwaqqaf apposta fuq l-istipendji? Meta hemm il-ħsieb li tiġi onorata l-wegħda elettorali li jingħataw stipendji sħaħ? Kemm saru laqgħat bejn il-Ministru jew uffiċjali oħrajn tal-Ministeru jew tad-Dipartiment mal-KSU u meta saru? Saru laqgħat bejn il-kumitat li twaqqaf dwar l-istipendji u l-KSU? Jekk iva, meta saru?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kummissjoni "Students Stipend Scheme Commission" waslet fil-parti finali tad-deliberazzjonijiet fuq l-istħarriġ li għamlet, skond it-termini li kienet ġiet mogħtija u li ġew ippubblikati. Laqgħat ma' l-istudenti saru kemm kien hemm bżonn u kull meta talbu.
Leg 9 PQ #4816 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Politika Nazzjonali għaż-Żgħażagħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet it-tħejjija fuq il-Politika Nazzjonali għaż-Żgħażagħ? Jista' l-Ministru jgħid jekk tlestiex ir-rapport li l-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, flimkien ma' oħrajn, kellu jagħmel? Jekk iva, jista' l-Ministru jpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jagħti dettalji dwar strutturi ġodda sabiex jikkordinaw din il-politika, frott tad-diskussjonijiet li saru ma' l-istess persuna msemmija aktar 'il fuq?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li diġa' saru 3 sessjonijiet bejn is-Segretarju Parlamentari, rappreżentanti tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport u tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, u d-Direttur tal-Youth Programme ta' l-Universita' ta' Malta, is-Sur Anthony Azzopardi. Il-persuna indikata mill-Onor. Interpellant ma ssottomettiex rapport iżda rakkomandazzjonijiet u emendi/emenda għall-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ wara diskussjonijiet li kellu ma' membri oħra tad-Dipartiment tiegħu. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet qed jiġu diskussi waqt il-laqgħat li qegħdin isiru biex tiġi finalizzata t-tħejjija tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ. Għadu kmieni biex jingħataw dettalji dwar strutturi ġodda sabiex jikkordinaw din il-politika.
Leg 9 PQ #4832 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Marsa — Kamra fil-korsa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jkun l-użu tal-kamra li tinsab fil-korsa tal-Marsa, li tagħti għal Racecourse Street, Marsa quddiem London Yard skond l-applikazzjoni pendenti quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?

Response (BORG, TONIO)

Jien infurmat li l-applikazzjoni li aktarx qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hija PA 356/99. Din hija sabiex tissanzjona estensjoni ta' kamra ma' bar eżistenti. Skond l-informazzjoni mogħtija mill-perit ta' l-applikant fil-formola ta' l-applikazzjoni, din il-kamra ser tintuża bħala uffiċċju. Din it-talba qiegħda tiġi analizzata. 01.03.99