Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #4866 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Pitkalija — Xiri

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-prijoritajiet li jingħataw lill-Għawdxin fis-sajf u fix-xitwa biex jidħlu jixtru qabel ix-xerrejja kollha Maltin fil-Pitkalija?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ix-xerrejja Għawdxin li jiġu jixtru mill-Pitkalija kemm fis-sajf kif ukoll fix-xitwa huma stmati l-istess bħal Maltin. Fil-każ li jkollna konferma mill-Gozo Channel li l-vapur mhux jaħdem regolari, ix-xerrejja Għawdxin jingħataw l-opportunita' li jixtru qabel il-ħin sabiex jilħqu l-vapur.
Leg 9 PQ #4867 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Pitkalija — Xiri

Question

Jaf il-Ministru li fil-ħin tas-siegħa u nofs meta suppost li jinfetħu l-bibien tal-Pitkalija għal vendituri biex jixtru, diġa' jkun hemm xerrejja Maltin bit-trakkijiet mimlija u lesti biex joħorġu?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-ilment tiegħek li jista' jkun hemm xi vendituri tal-ħaxix li jidħlu u jixtru l-ħaxix qabel ma' jinfetħu l-bibien tal-pitkalija fis-siegħa u nofs ġie nnutat u qiegħed jiġi nvestigat.

Bormla — Triq San Ġwann

Question

Peress li x-xogħol ta' slum clearance fi Triq San Ġwann, Bormla issa beda, jista' l-Ministru jikkonferma li dan il-proġett kien diġa' ipproġettat u mfassal mill-Awtorita' tad-Djar fil-programm tagħha tas-sena l-oħra? Jikkonferma wkoll il-Ministru li fis-sajf tas-sena 1998 ittellgħet exhibition dwar dan il-proġett mill-Awtorita' tad-Djar fil-Każin tal-Banda San Ġorġ ta' Bormla?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Iva nikkonferma li l-proġett ta' Triq San Gwann, Bormla huwa inkluż fl-estimi ta' l-Awtorita' tas-sena l-oħra kif nikkonferma wkoll li l-esebizzjoni dwaru dehret fil-każin tal-Banda ta' San Ġorġ Bormla fis-Sajf ta' l-1998. Biss ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel xogħol ta' kejl tal-bini affettwat minn dal-proġett inbeda fis-Sajf ta' l-1995 u l-pjanti bdew jitħejjew propju f'dak iż-żmien. Fil-fatt l-applikazzjoni lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar kienet saret f'Marzu ta' l-1997, jiġifieri madwar sena u nofs wara. Dan qed ngħidu biex nuri li dal-proġett ilu ġej u fil-fatt l-ewwel tħejjijiet saru fil-leġislatura ta' bejn l-1992 u l-1996. Jibqa' l-fatt li l-proċess għat-twaqqiegħ beda issa, taħt dan il-Gvern, wara ħafna telf ta' żmien bla bżonn matul l-amministrazzjoni Laburista. Nappella lill-Onor. Membru biex ma noqgħodux nargumentaw dwar min kellu l-idea oriġinali u nieħu pjaċir ninnota li fuq il-ħtieġa ta' dan it-tip ta' proġetti fil-Kottonera, hemm qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra. 2.3.99
Leg 9 PQ #4948 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Tarzna ta' Malta — Sussidju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif se jaġixxi l-gvern għat-talbiet tal-EU rigward it-tnaqqis ta' ħaddiema minn mas-Servizz Pubbliku u dwar is-sussidju lit-tarznari tagħna?

Response (BONNICI, JOSEF)

Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija, nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dwar l-amministrazzjoni pubblika, ir-rapport ta' l-Unjoni Ewropea jispeċifika: 'The executive's institutions function smoothly. The civil service numbers 30,500 employees in central government, which represents approximately 20% of the working population. There is scope for improving the efficiency and effectiveness of the public administration.' Għal dak li għandu x'jaqsam mas-sussidju lit-tarznari tagħna, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 4622.
Leg 9 PQ #4949 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Mediċini b'xejn

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi jrid ikun id-dħul sabiex persuna tkun tista' tikkwalifika għall-benefiċċju tal-mediċini b'xejn? Liema huma l-iskedi li joffri d-Dipartiment tas-Saħħa għall-mediċini b'xejn? U liema mediċiuna tingħata taħt kull skeda?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel żewg domandi ta' din il-mistoqsija jikkonċernaw il-Ministeru tal-Politika Soċjali u għalhekk il-mistoqsija għandha ssir lill-Onor. Ministru kkonċernat. Dwar it-tielet domanda ninforma l-Onor. Interpellant li kull pazjent jingħata mediċini addatati skond il-bżonnijiet partikulari tiegħu.
Leg 9 PQ #4950 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tat-Turiżmu

Birgu Fest

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jerġa' jsir il-Birgu Fest?

Response (REFALO, MICHAEL)

Infurmat li l-Birgu Fest ma jsirx kull sena u li, skond l-`Events Action Plan' ta' l-'NTOM', edizzjoni oħra tal-Birgu Festival hija ppjanata għal Settembru 2001.

Vetturi — Reġistrazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn karozzi rreġistrati f'Malta u Għawdex, imqasssma skond iċ-ċilindraġġ, sena b'sena mill-1995 sal-lum?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru ta` karozzi irreġistrati f`Malta u Għawdex, imqassma skond iċ-ċillindraġġ, sena b`sena mill-1995 sal-1998 huwa kif muri fuq it-tabella li ser inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra.

Djar — Xiri ta' djar mill-inkwilini

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet it-talba tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, sabiex tkun tista' tixtri l-appartament li tgħix fih?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li, skond ir-Reġistru Elettorali, l-persuna ndikata mill-Onor. Membru toqgħod f'appartament ieħor fl-istess inħawi u mhux f'dak imsemmi fid-dettalji mehmuża mall-Mistoqsija. Ma jirriżultax li saret xi talba għax-xiri ta' din ir-residenza. 2.3.99
Leg 9 PQ #4981 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Furjana — Special Education Centre

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ħafna drabi ħadd ma jwieġeb it-telephones li hemm fl-iSpecial Education Centre tal-Furjana u wkoll min qed imexxi dan iċ-Ċentru?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ċ-Ċentru Edukazzjoni Speċjali tal-Furjana għandu żewġ linji tat-telefon (231567 - 233698) u linja oħra għall-fax machine. Iż-żewġ linji tat-telefon huma imqabda ma' sistema tat-telefon imsejħa EPABX li tqassam dawn il-linji f'sitt extensions oħra. B'hekk jekk iż-żewġ persuni li jaħdmu f'dan l-uffiċju jkunu qegħed jirrispondu t-telefonati, ikun baqa' erba' linji vojta li naturalment ħadd ma jkun jista' jweġibhom. Mill-bqija tat-telefonati l-oħra kollha jiġu imwieġba kemm hu umanament possibli. Billi dan huwa Ċentru ta' Ħtiġijiet Speċjali u fuq kollox Dipartiment tal-Gvern huwa impossibli li tinjora sejħa għal għajnuna, direzzjoni jew ordni. Bħalissa dan iċ-Ċentru hu mmexxi minn Education Officer u skrivan.
Leg 9 PQ #4982 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — St. Andrew's Skola San Miguel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa b'kollox il-hydrotherapy pool li hemm fl-iskola San Miguel, f'St. Andrews u għaliex din il-pool għadha mhux qed tintuża mit-tfal b'diżabilita'?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-flus kollha għal Hydrotherapy Pool inġabru minn Kumitat imwaqqaf apposta msejjaħ Hydrotherapy Pool Committee li ħallsu wkoll il-kontijiet kollha għal dan il-proġett. Il-Gvern daħal biss biex iwettaq bini strutturali. Dan ix-xogħol sar mill-istudenti ta' l-iskola tal-Bini, Girolomo Cassar. Billi dan kien kumitat privat m'għandnix fil-pussess tagħna ċ-ċifri ta' kemm sewa dan il-proġett. Kien hemm sponsor li ħallas minn butu għat-taraġ li jrid jintuża f'din il-Pool. Ix-xogħol ma sarx kif mixtieq u jrid jinbidel. L-istess sponsor qiegħed f'kuntatt mal-kuntratturi biex dan ix-xogħol isir malajr kemm jista' jkun biex fl-inqas żmien possibli dan il-post jibda jintuża.
Leg 9 PQ #4983 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Case conference

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-ġenituri ma jitħallewx jipparteċipaw waqt il-case conference ta' uliedhom li ssir fis-CDAU ta' l-Isptar San Luqa? U jekk le, għaliex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li -Ċentru Edukazzjoni Speċjali tal-Furjana mhux f'pożizzjoni li jagħti tweġiba. Din il-mistoqsija għandha tiġi mogħdija liċ-Chairperson CDAU, Sptar San Luqa, G'Mangia.
Leg 9 PQ #5000 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu vetturi (light u heavy vehicle) l-Korp tal-Pulizija? X'ditta u tip ta' vetturi huma u x'inhi s-sena ta' manifattura tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bħalissa l-Korp tal-Pulizija jagħmel użu minn 262 vettura ta' diversi ditti, li fil-maġġor parti tagħhom ġew manifatturati matul dawn l-aħħar ħmistax il-sena. Dawn il-vetturi jinkludu vannijiet, trakkijiet, jeeps, bowsers, buses u karozzi. Barra minn dawn, il-Pulizija tagħmel użu minn 74 mutur. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella dwar dawn il-vetturi. 02.03.99
Leg 9 PQ #5001 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Armi tan-nar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn bħalissa armi tan-nar liċenzjati fil-pajjiż? Kemm minn dawn huma shotguns/rifles? Kemm huma hand guns? Fil-każ ta' dawn ta' l-aħħar, kemm huma revolvers u kemm automatic/semi automatic?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-25 ta' Frar, 1999, in-numru ta' armi tan-nar liċenzjati kien ta' 54,888 li fosthom 40,635 huma snieter, 2,042 huma rifles, filwaqt li 6,755 huma hand guns. Minn dawn ta' l-aħħar, 3,386 huma revolvers, 2,699 huma pistoli filwaqt li l-kumplament huma tipi oħra ta' hand guns, bħal flare guns, starting pistols, etc. 02.03.99
Leg 9 PQ #5002 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se joħorġu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, kemm dawk ta' azjendi privati u ħwienet kif ukoll dawk privati (tad-djar)? Kemm se jkun il-perjodu li fuqhom se jinħadmu l-kontijiet?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-kontijiet tal-heavy consumers (industrijali/hotels u kummerċjali) diġa' bdew joħorġu. Għal dak li jirrigwarda konsumaturi domestiċi, fi ftit ġranet oħra se tintbagħtilhom ittra li fiha jkun spjegat il-kreditu li se jieħdu bħala riżultat tat-tariffi l-ġodda. Għal bidu ta' April jirċievu kont li jkun għal perjodu ta' xahrejn u nofs. Dawn ikunu xahrejn u nofs li jmiss wara l-perjodu li għalih nħareġ l-aħħar kont. Il-kontijiet għall-konsumaturi domestiċi wara dak li jmiss se jibqgħu joħorġu għal perjodu ta' erba xhur. Naturalment dawn joħorġu xi ftit aktar spiss minn kull erba' xhur biex jiġi rkuprat iż-żmien li fih ma ntbagħtux kontijiet.
Leg 9 PQ #5003 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Eżamijiet għall-grad ta' Executive Officer

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li joħorġu l-eżamijiet għall-grad ta' Executive Officer fi ħdan is-Servizz Pubbliku fid-dawl tat-talbiet li qed isiru mill-Unions u minħabba l-fatt li dawn l-eżamijiet ilhom ma jsiru għal aktar minn ħames snin?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li ma hemmx il-ħsieb li jsir eżami mmedjat biex jimtlew postijiet ta' Executive Officer. Għalkemm dan l-eżami ilu ma jsir, minn żmien għal żmien, impjegati fil-gradi ta' Clerk jilħqu Executive Officers skond il-provvedimenti tal-Ftehim dwar il-General Service Grades. Fl-aħħar ftit xhur saru madwar ħamsin Executive Officer b'dan il-mod.
Leg 9 PQ #5004 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Post ta' Assistant Director

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni ntlaqgħet għall-postijiet vakanti ta' Assistant Director fi ħdan is-Servizz Pubbliku? Kemm-il vakanza teżisti u kemm applikaw għal kull vakanza, waħda waħda? Jista' l-Prim Ministru jgħid meta, bejn wieħed u ieħor, se jsiru l-intervisti għal postijiet imsemmija hawn fuq?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat illi l-informazzjoni li tista tingħata f'dan l-istadju hija li hemm 135 post vakant ta' Assistenti Diretturi. Dan minħabba l-fatt li s-sejħa għall- applikazzjonijiet tagħlaq fis-16 ta' Marzu. Ninsab infurmat ukoll li bejn wieħed u ieħor l-intervisti mistennija jibdew għall-ħabta ta' April/Mejju.
Leg 9 PQ #5005 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Vetturi tat-tip commerced

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li vetturi tat-tip commercial se togħlilhom il-liċenzja tal-pulizija? Jekk se tiżdied b'kemm se tiżdied? Jekk se jkun hemm żieda, din se taffettwa lis-self-employed ukoll, anke dawk li għandhom vettura jew vetturi li jħaddmu n-negozju tagħhom bihom?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat. 02.03.99
Leg 9 PQ #5023 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Żejtun — Villa De Fremeaux

Question

B'riferenza għal Villa De Fremeaux fi Triq Santa Katarina, fiż-Żejtun, billi kien hemm kawża l-qorti dwar dan il-bini li fiha kien anke imdaħħal il-Kunsill Lokali taż-Żejtun, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-kunsill ingħatax sodisfazzjoni ta' x'se jsir l-aktar wara l-ħsara li saret fil-faċċata?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali Żejtun għadu qed jistenna tweġiba mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar għall- protesti li għamlu wara l-ħruġ għall-permessi għall- iżvilupp fil-fond ta` Villa de Fremaux.
Leg 9 PQ #5024 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Kalaxlokk — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-ħaddiema tal-Kalaxlokk qed jiġu msejħa sabiex jippreżentaw ruħhom għal medical test dan l-aħħar?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li wara talba tad-Direttur tax-Xogħol lill-kumpanija, xi ħaddiema tal-Kalaxlokk qed jintbagħtu l-Occupational Health and Safety Unit biex isirilhom eżami mediku skond l-Att numru VII ta' l-1994 għall-Promozzjoni tas-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol.
Leg 9 PQ #5025 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Petroleum Division

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjanijiet li l-Petroleum Division tal-Korporazzjoni Enemalta tiġi ristrutturata jew forsi privatizzata fil-futur?

Response (BONNICI, JOSEF)

Għad ma hemm l-ebda pjan dwar ristrutturizazzjoni jew privatizazzjoni tal-Petroleum Division ta' l-Enemalta.