Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu computers kemm fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti kollha li jaqgħtu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu dipartiment b'dipartiment?
Jista' l-Ministru jgħid x'ditta huma?
Meta nxtraw?
Kemm swew fi spejjeż?
In vista tar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 3542, jikkonsidra l-Prim Ministru li jitwaqqaf kumitat ad hoc li permezz tiegħu l-ewwel issir ir-riċerka kollha neċessarja biex tinġabar l-informazzjoni mitluba billi din tieħu numru sew ta' snin lura u li t-tieni li jagħmel suġġerimenti u proposti kif dan l-materjal jista' jiġi aġġornat u mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Mużewijiet?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-istamperija tal-Gvern ma stampat l-
ebda pubblikazzjoni konnessa mal-Mużewijiet u siti storiċi
f'dawn l-aħħar ħames snin.
Jien infurmat ukoll li la d-dipartiment tal-Mużewijiet u
lanqas il-Librerija Nazzjonali ma għandhom l-informazzjoni
li qed jitlob l-Onorevoli Membru.
L-eżerċizzju li qed jitlob l-Onorevoli Interpellant jieħu
żmien twil ta' riċerka u jammonta għal spejjeż sostanzjali.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-konsultazzjonijiet dwar il-pensjonijiet ta' uffiċjali pubbliċi li qalbu minn dipartmenti tal-gvern għal ma' entita' pubblika?
Ma' min qed isiru l-konsultazzjonijiet u kemm saru laqgħat s'issa?
Hemm xi data meta l-konsultazzjonijiet huma maħsuba li jintemmu u jittieħdu d-deċiżjonijiet finali?
Response (DALLI, JOHN)
Id-diskussjonijiet li kienu tħallew fi stat ta` konklużjoni fl-1996 u li baqgħu ma ġewx konklużi fil-kważi sentejn ta` Gvern Laburista, għadhom għaddejjin.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali pubbliċi li qalbu minn dipartimenti tal-gvern għal ma' entita' pubblika u li dwarhom għad iridu jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-pensjonijiet tagħhom?
Mil-liema dipartimenti telqu u ma' liema entita' pubblika marru?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' uffiċjali pubbliċi li
qalbu minn dipartimenti tal-Gvern għal ma entitajiet
pubbliċi u li kienu daħlu mal-Gvern qabel is-16 ta' Jannar
1979 huwa 1042.
Id-dettalji kif mitluba huma murija fit-tabella li qiegħed
inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Għadhom għaddejjin diskussjonijiet ma l-Unions dwar l-
interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Ordinanza dwar
Pensjonijiet li tista tolqot lil dawn il-persuni.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-pulizija se tikkumpensa l-ħsarat u t-telf ta' xogħol li sar lill-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament u li l-pulizija kissirtlu dgħajsa tal-fibre meta ħadithielu ta' Kandja u issa qed ikollu jidħol anki fi spejjeż legali biex jieħu l-kumpens tad-dgħajsa i l-pulizija kissritlu s-sajf li għadda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-dgħajsa li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant kienet ilha mitluqa fuq il-moll għall-żmien twil u għalhekk ġiet imneħħija skond ir-Regolamenti ta' l-1997 dwar l-Ikklampjar u t-Tneħħija ta' Oġġetti ta' Ingombru fir-Regolament tat-Traffiku, wara li l-Pulizija ma rnexxiliex tintraċċa lil sidha. Peress li din hija purament materja ta' parir legali, il-persuna kkonċernata għandha tieħu parir legali sabiex tgħarraf tirregola ruħha.
03.03.99
Jista' l-Ministru jgħid x'deċiżjonijiet se jittieħdu dwar il-benefiċċji soċjali tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament peress li għadha ma ngħatatx il-benefiċċju għal Jannar 1999 u s'issa kulma għamel id-Dipartiment tas-Sigruta' Soċjali kien li bagħat għaliha u staqsieha jekk l-ex-raġel tahiex il-manteniment u hi wriet li ilu ħafna ma jagħtiha dan il-manteniment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tal-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Ta' min iżid li l-persuna in kwistjoni kienet naqset li tirraporta l-iżviluppi li kien hemm fil-każ tagħha u għalhekk baqgħet tieħu l-benefiċċju meta dan ma kienx dovut lilha.
3.3.99
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 4008 kif irreferieni l-Ministru tal-Politika Soċjali u ċioe': jista' jgħid x'passi ttieħdu fl-erba' xhur li għaddew biex jiġi mrażżan l-abbuż li jsir mis-sick leave mill-impjegati tas-Servizz Pubbliku? X'passi hemm maħsuba biex jittieħdu kontra dan l-abbuż li jispiċċa biex inġustament jagħti isem ħażin lis-Servizz Pubbliku kollu, inkluż lil dawk li jaħdmu b'mod eżemplari?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat illi minbarra l-proċeduri diġa eżistenti
għall-verifika tas-Sick Leave, bħala waħda mill-miżuri tal-
Ftehim Kollettiv, tħabbret sistema ġdida ta' kontroll biex
jiġi mrażżan is-Sick Leave abbusiv.
Din is-sistema ġdida hija spjegata fiċ-Ċirkulari OPM Nru.
4/99 li tagħha qiegħed inpoġġi koppja fuq il-mejda tal-
Kamra. Iċ-Ċirkulari ħarġet fit-28 ta' Jannar ta' din is-
sena.
Peress li fid-diskors li għamel il-Prim Ministru il-bierah, 7 ta' Frar 1999 ġewwa ż-Żejtun, ġie rraportat li qal li "l-ekonomija qed tirpilja" jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema qasam qed jara l-ekonomija tirpilja? Fuq liema bażi tanġibbli wasal għal din il-konklużjoni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
M'hemmx dubju li wara sentejn ta' inċertezza, l-ekonomija
issa bdiet tieħu r-ruħ.
F'dawn l-aħħar xhur, il-Gvern ta' direzzjoni ġdida u ċara
lil pajjiżna. B'għaqal u determinazzjoni ħdimna sabiex
ġiet imġedda l-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija sħiħa
fl-EU. Din ser twassal għall-opportunitajiet ġodda għal
pajjiżna.
Bdejna programm ta' ħidma sabiex f'pajjiżna jerġa jibda
jitkattar il-ġid. Tneħħiet it-taxxa ta' CET u minflokha
daħlet il-VAT li hija aktar adattata għal pajjiżna u b'hekk
neħħejna x-xkiel żejjed għan-negozju li kien hemm qabel.
Ġew riveduti wkoll ir-rati tad-dawl u l-ilma sabiex
jirriflettu aħjar is-sitwazzjoni lokali. Wasalna għal
soluzzjonijiet importanti u ta' fejda f'diversi oqsma oħra
bħal fil-ftehim kollettiv tas-Settur Pubbliku u t-twettiq
b'mod għaqli tal-proġetti tal-Kottonera, tal-Port il-Kbir u
ta' Manoel Island. Dan hu biss ftit mill-ħidma li wettaq
s'issa dan il-Gvern.
Għalhekk, bdejna nsewwu l-ħsara li sibna u l-iżbalji li
saru u li kienu wasslu għal staġnar ekonomiku. Il-poplu
qed jerġa jakkwista l-fiduċja f'pajjiżna u jidher li l-
ħidma tagħna bdiet tħalli l-frott, kif joħroġ ukoll mix-
xejriet posittivi li ġew indikati fl-istħarriġ li għamel u
ppubblika l-Bank Ċentrali dan l-aħħar.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-bordijiet jew kumitati tat-tmexxija, eċċ tal-gvern u ta' entitajiet oħra pubbliċi li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li ġew mibdula mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Min kienu l-membri qabel ma nbidlu? Min huma l-membri issa? X'remunerazzjoni qed jieħdu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni
mitluba.
Ministeru għall-Politika Soċjali — Bordijiet/kumitati
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-Bordijiet jew kumitati tat-tmexxija, eċċ tal-gvern u ta' entitajiet oħra pubbliċi li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Politika Soċjali li ġew mibdula mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Min kienu l-membri qabel ma nbidlu? Min huma l-membri issa? X'remunerazzjoni qed jieħdu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni li talab l-Onor. Membru.
3.3.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 202 dwar it-twessiegħ u l-istat ġenerali ta' Triq San Ġwakkin, f'Ħal Qormi, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal id-Dipartiment tat-Toroq biex iwettaq ix-xogħol bżonnjuż f'din it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq bi ħsiebu jibda x-xogħol neċessarju biex isiru d-disinji meħtiega hekk kif xogħol ieħor li hemm fl-idejn jitlesta`.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm biex ħaddiema li kienu mal-gvern u li llum huma mpjegati ta' entitajiet pubbliċi, biex dawk li llum huma pensjonanti u li l-pensjoni tagħhom intradmet fuq il-paga ta' meta kienu mal-gvern, issir ġustizzja magħhom u jiġu mogħtija lilhom dak li hu ħaqqhom skond il-paga li kellhom fl-entita' pubblika rispettiva li kienu fiha qabel spiċċaw mix-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob l-Onor. Interpellant tirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru għal-Finanzi, li taħtu taqa' r-responsabbilita' għad-Dipartiment tat-Teżor li jamministra l-pensjonijiet ta' l-impjegati tal-Gvern.
3.3.99
Jista' l-Ministru jispjega kif id-Dipartiment tal-VAT qed jassigura li ma jsirux abbużi fir-rigward ta' ħwienet li jbiegħu items li huma vated iżda jirreġistrawhom fuq il-cash register bħala exempt?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bil-liġi tal-VAT, tal-Ħwienet huma obbligati li ma` kull bejgħ li jagħmlu jagħtu rċevuti fiskali li turi xi jkunu l-oġġetti jew servizzi mibjugħa kif ukoll jekk kull oġġett jew servizz ikunx taxxabbli jew le. B`hekk l-ispetturi tad-Dipartiment tal-VAT ikunu jistgħu, waqt l-ispezzjonijiet li jagħmlu, jivverifikaw jekk irċevuta fiskali tkunx reġistrata korrettament fil-cash register jew le, u anke jekk ikun hemm bżonn billi jiċċekkjaw il-prodotti mixtrija ma` l-irċevuta.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex tneħħiet ir-"reserved" ta' persuna bi bżonnijiet speċjali (il-permess ilu madwar 10 snin) fi Triq il-Vitorja, Ħal Qormi qrib l-uffiċċju tal-kunsill lokali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-Reserved Parking Area/Keep Clear Bays quddiem residenzi privati ta' persuni f'diżabilita' bħala regola tingħata jew titneħħa mill-Bord Għall-Kontroll tat-Traffiku fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'.
Mill-1 ta' Ottubru 1998 sas-17 ta' Frar 1999 il-Kummissjoni ma għamlet l-ebda rakkomandazzjoni biex titneħħa xi Reserved Parking Area/Keep Clear Bays minn quddiem xi residenzi privati ta' persuni b'dizabilita'.
3.3.99
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li qed isiru xogħlijiet fil-bini tal-Ministeru? Meta kienu saru l-aħħar xogħlijiet fil-bini tal-Ministeru?
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, matul dawn l-aħħar tmien snin kemm intnefqu spejjeż sabiex jiġi rranġat il-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd u minn liema voti ttieħdu dawn il-flus minfuqa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari numru 4683.
Peress li x-xogħlijiet ta' ħitan tas-sejjiegħ li qed jissoktaw mill-ħaddiema tad-Dipartiment ta' l-Ambjent fit-triq prinċipali tar-Rabat dalwaqt ikunu lesti, jista' l-Ministru ġentilment jara li dawn il-ħaddiema jintbagħtu jirranġaw il-ħitan tas-sejjiegħ ta' Triq Prinċipali ta' Binġemma u fl-istess ħin ikomplu jneħħu tankijiet li hemm ikerħu l-ambjent ta' l-inħawi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi għalkemm il-ħaddiema tal-Countryside Section fi ħdan id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent dalwaqt ikunu lesti mix-xogħol ta' ħitan tas-sejjieħ fi triq tar-Rabat, dawn għandhom xogħol ieħor diġa' ppjanat. Dan minħabba li n-numru ta' ħaddiema li jibnu l-ħitan tas-sejjieħ fil-preżent huwa limitat ħafna. Pero' ta' min isemmi li dalwaqt jibdew l-eżamijiet u l-interviews biex jiżdiedu l-ħaddiema li kapaċi jibnu l-ħitan tas-sejjieħ.
Irrid ninfurmak ukoll li s-Sezzjoni tal-Countryside ġiet infurmata bix-xogħol fit-Triq Prinċipali ta' Binġemma biex dan jidħol fil-lista tax-xogħol ukoll.
Peress li Triq Żebbiegħ/Mġarr Rd tinsab żdingata waħda sewwa kemm għar-rigward ta' ħitan tal-ġenb tat-triq kif ukoll il-wiċċ tat-triq inkluż il-water culverts, jista' l-Ministru jara li jiġi kkordinat programm ta' xogħlijiet sabiex jispiċċa l-periklu tas-sewqan u l-inkonvenjent lir-residenti ta' l-Imġarr u ż-Żebbiegħ li jużaw din it-triq?
Peress li hemm ħitan tal-ġebel tal-franka li kienu saru fuq ħitan tas-sejjiegħ li xorta reġgħu ġġarfu minħabba l-ilma li jiskula mill-uċuħ tar-raba tal-madwar, jista' l-Ministru jikkonsidra li l-ħitan tal-ġnub ta' din it-triq li hija frekwentata mill-Maltin u turisti jsiru b'sistema ta' l-aġġjoni li qed jintużaw fil-proġett ta' rijabilitazzjoni taċ-Chadwick Lakes?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-culverts eżistenti f'din it-triq m'humiex adekwati sabiex jieħdu l-ilma la waqt u lanqas wara li tieqaf ix-xita. L-istat li tinsab fiha din it-triq ma tippermettix li l-ilma jinġabar mal-ġnub kif inhi l-prattika normali, u għalhekk ma jagħmilx sens li jinbnew culverts jekk dan ix-xogħol ma jkunx ikkomplimentat bl-irranġar tat-triq.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Countryside Section fid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent m'għandux ir-responsabbilta' tal-manutenzjoni la ta' l-uċuh tat-toroq u lanqas tal-ħitan mibnija mill-ġebel tal-franka.
Għar-rigward ta' bini ta' ħitan b'sistema tal-gabjuni li qed jintużaw fil-proġett ta' Chadwick Lakes, id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent jinsab kontra din is-sistema speċjalment fit-toroq biex inwarrbu l-ħitan tas-sejjieħ.
Peress li wara li kien sar Ġnien Barnuża Ħamra fil-Baħrija limiti tar-Rabat kellu jsiru Ġnien Snow White & the 7 Dwarfs, fil-limiti tas-Salib, limiti tar-Rabat, sabiex f'dawn l-inħawi tal-kampanja fir-Rabat jsiru ġonna b'karatteristika rurali li tattira t-tfal, jista' l-Ministru ġentilment jawtorizza u jikkordina dawn ix-xogħlijiet li huma mistennija ħafna mit-tfal u l-familja ta' dawn l-inħawi fir-Rabat Malta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jien infurmat li l-ġonna msemmija mill-Onorevoli Interpellant kienu proġettati mill-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd u għaldaqstant din il-mistoqsija għandha tiġi ndirizzata lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema fażi wasal il-proġett oriġinarjament mibdi minn Gvern Nazzjonalista għall-preservazzjoni moderna tas-sit arkeoloġiku magħruf bħala tas-Silġ ġewwa Marsaxlokk?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba għadha ma waslitlix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju ta' restawr tinsab l-Armerija fil-belt tal-Birgu u jekk hemmx il-ħsieb li l-post jinfetaħ għall-pubbliku?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa m'hemm ebda tip ta' restawr għaddej fl-Armerija tal-Birgu u għad ma hemmx ħsieb fuq kif il-bini jista' jiġi żviluppat fil-futur.
Ma jidher li hemm ebda informazzjoni eżistenti fuq l-istorja ta' dan il-bini ħlief li x'aktarx kienet isservi bħala Armerija ta' l-Ordni ta' San Ġwann qabel marru l-Belt Valletta.