Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #5173 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Ministeru tas-Saħħa — Inventarju

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ministeru kif ukoll id-dipartimenti li jaqgħu taħtu jżommux inventarju aġġornat ta' l-affarijiet kollha li wieħed jista' jsib f'dawn il-postijiet imsemmija aktar 'il fuq?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ir-risposta hija fl-affirmattiv.

Impjiegi — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jagħti ċ-ċifri ta' dawk li qegħdin jirreġistraw miż-Żejtun, Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn għax-xogħol taħt Part 1 u Part 2, xahar b'xahar, minn Settembru sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru. 8.3.99
Leg 9 PQ #5175 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħamrun — Triq il-Kbira San Ġużepp

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk wasalx biex jibda x-xogħol fuq Triq il-Kbira, San Ġużepp, il-Ħamrun li fuqu diġa' saru ħafna diskussjonijiet ma' diversi ministri? Jaf il-Prim Ministru li dan kellu jkun il-proġett tal-millenju?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant il-Kunsilli huma korpi statutorji ta' gvern lokali u fil-qadi tal-funzjonijiet, jaġixxu skond il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom. Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill konċernat.
Leg 9 PQ #5176 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Operazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hi twila l-waiting list għall-operazzjonijiet tal-katarretti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Fil-preżent hemm 503 pazjent jistennew operazzjoni tal-kataretti. 275 minnhom huma ta' waħda mill-firms u għandhom waiting time ta' 7 xhur. Il-firm l-oħra għandha 225 pazjent u waiting time ta' 5 xhur. L-ebda minn dawn l-operazzjonijiet m'huma urġenti. F'sitwazzjoni meta l-pazjent ikollu kataretti avvanzati f'għajnejh it-tnejn w allura jkollu problemi kbar tal-vista, l-operazzjoni tingħata prijorita' u l-pazjent ma jitħalliex jistenna fil-waiting list normali.

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta u kif iridu japplikaw nisa li jkunu ħadmu tul ħajjithom sabiex jieħdu l-pensjoni ta' l-eta'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li fil-każ ta' pensjoni ta' l-Eta', li hija pensjoni mhux kontributorja, persuna għanda tapplika ftit qabel ma tagħlaq l-eta' ta' sittin sena biex tirċievi l-pensjoni mill-eta' ta' sittin sena. Id-dritt għal din il-pensjoni jkun jiddependi minn test tal-Mezzi. Mill-Mistoqsija ta' l-Onor. Membru, aktar naħseb li qed jirreferi għall- pensjoni kontriburorja għal Min Jirtira. Dan għaliex qed isemmi nisa li jkunu ħadmu u għalhekk ikkontribwew permezz tal-kontribuzzjoni tas-Sigurta' Soċjali. F'dan il-każ, dejjem kienet il-prassi li l-persuna assigurata tintalab li tagħmel it-talba sa tliet xhur qabel ma tilħaq l-eta' ta' irtirat. Dan isir biex id-Dipartiment f'dan iż-żmien jilħaq jiġbor l-informazzjoni kollha li tkun tinħtieġ biex tiġi kkalkulata r-rata ta' pensjoni dovuta u b'hekk din titħallas kemm jista' jkun ma' l-ewwel pagamenti ta' pensjonijiet li jkun hemm wara li tilħaq l-eta', ta' l-irtirat. It-talba trid issir fuq formola apposta li tinkiseb mill-Uffiċċji Distrettwali li għandu d-Dipartiment imxerrdin ma' Malta u Għawdex. 8.3.99

Trasport pubbliku — Rotta lejn l-Isptar San Vinċenz de Paule

Question

Jista' l-Ministru jara hijiex possibbli li ssir rotta diretta lejn l-Isptar San Vinċenz de Paule peress li bħalissa hemm mixja twila mill-istage sa l-istess sptar?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku qed tipprova ssib mod kif il-karozzi tal-linja tar-Rotta 35 ikunu jistgħu jgħaddu qrib il-kumpless San Vinċenz de Paul.
Leg 9 PQ #5179 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Kottonera — Proġett

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ż-żewġ konsorzja magħżula għall-proġett tal-Kottonera se jippreżentaw il-pjani bl-iżvilupp li se jwettqu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Gvern fi żmien opportun se jressaq quddiem il-Parlament reżoluzzjoni għall-approvazzjoni tal-kuntratt suġġerit maż-żewġ konsorzja, fejn kien ukoll indikat it-termini li dwaru qed isaqsi l-Onorevoli kollega.
Leg 9 PQ #5180 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Cottonera — Swar

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-gvern sabiex is-swar tal-Cottonera jingħataw l-attenzjoni li jixirqilhom?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-pjan biex is-swar tal-Kottonera jingħataw l-attenzjoni xierqa jifforma parti minn pjan akbar għas-swar kollha ta' Malta inklużi dawk tal-Belt, il-Furjana, tal-Kottonera u ta' l-Imdina fost l-oħrajn, liema pjan qiegħed jiġi ikkordinat ma' l-Universita' ta' Bologna. Matul din is-sena kif l-Onor. Interpellant jaf il-Gvern ivvota is-somma ta' Lm600,000 li hija ntiża biex jibda x-xogħol preparatorju fuq dan il-proġett.
Leg 9 PQ #5181 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Tug Malta — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni mpjegati mat-Tug Malta mill-1985 sal-lum, sena b'sena?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba hija kif ġej: SENA NUMRU TA'IMPJEGATI 1985 45 1986 45 1987 46 1988 40 1989 42 1990 44 1991 50 1992 52 1993 53 1994 52 1995 55 1996 56 1997 55 1998 55 1999 55
Leg 9 PQ #5187 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru tas-Saħħa

Ċimiterju ta' Santa Maria Addolorata — Oqbra

Question

Minħabba li fiċ-Ċimiterju ta' Santa Maria Addolorata hemm ħafna oqbra mitluqa u jidher li m'huma ta' ħadd, waqt li hemm ħafna li qegħdin fuq il-waiting list jistennew biex jixtru qabar, jista' l-Ministru jgħid x'jista' jagħmel? Kemm hemm oqbra vojta preżenti f'dan iċ-Ċimiterju? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal qabar ġdid?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej eżerċizju mid-Dipartiment tas-Saħħa sabiex jiġu identifikati l-oqbra privati li ilhom ħamsin sena jew aktar ma jintużaw għad-dfin. Meta jitlesta dan l-eżercizju nkun f'pożizzjoni aħjar sabiex ninvestiga x'jista' jsir. Għalhekk l-informazzjoni għal din il-parti tad-domanda tingħata aktar tard. Dwar oqbra vojta, bħalissa jeżistu ħamsin qabar vojt. Iżda dawn huma kollha 'tal-komun' jiġifieri jintużaw għal dfin ta' persuni li m'għandhomx jew ma jistgħux jindifnu f'qabar privat. Ninforma wkoll li sa llum hemm 1349 applikazzjoni pendenti għal qabar ġdid.
Leg 9 PQ #5188 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ta' l-Istat - Sign language

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sign language tiġix mgħallma fl-iskejjel ta' l-istat? Jekk iva, kemm hawn għalliema u f'liema skejjel? Kemm hemm studenti fl-Universita' li qed jieħdu dan is-suġġett biex ikunu għalliema?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għalkemm is-Sign Language tiġi użata mill-għalliema fl-iskejjel ta' l-Istat fejn ikun hemm il-ħtieġa, is-Sign Language ma tiġix mgħallma. Rigward l-aħħar domanda, l-informazzjoni mitluba għadha ma waslitlix.
Leg 9 PQ #5189 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Enbarcation cards

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li twaqqaf il-mili ta' l-enbarcation cards għal min ikun se jsiefer? X'se jagħmlu issa jew x'alternattiva oħra se jieħdu l-pulizija għal skopijiet ta' records?

Response (BORG, TONIO)

Fil-għatba tal-Millenju l-ġdid, ġie deċiż li ma hemmx għalfejn li jimtlew 340,000 'cards' minn ċittadini Maltin biex jitilqu minn u jidħlu f'art twelidhom. Il-passaport xorta waħda jibqa' jiġi ittimbrat fil-mument tat-tluq u dħul fil-pajjiż. Għar-rigward il-barranin, il-mili tal-'cards' għadu meħtieġ. Il-Pulizija stess irrakomandat u qablet ma' dan it-tibdil. Ta' min isemmi li fl-1997 biss imtlew 340,000 'cards' mill-Maltin biex jidħlu u joħorġu minn pajjiżhom stess. Għalhekk din il-miżura (a) se tneħħi inkonvenjent żejjed lill-Maltin meta jsiefru (b) se jnaqqas parti mix-xogħol lill-Pulizija u Immigration Officers Jekk l-Onor. Interpellanti jidhrilha li hemm xi raġuni għala l-Maltin għandhom jimlew 'card' biex isiefru, hija ġentilment mitluba tinformani dwarha. 08.03.99
Leg 9 PQ #5190 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Bord għall-Kontroll tat-Traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk it-Traffic Control Board huwiex imwaqqaf u jiffunzjona? Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri ta' dan il-bord?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat. 08.02.99

Furjana — Żbir ta' siġar

Question

Jista' l-Ministru jara li jinżabru s-siġar fl-inħawi tal-playing fields fi Triq Vilhena, fil-Furjana?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li s-siġar li hemm fi Triq Vilhena huma risponsabilita tal-Kunsill Lokali u mhux tal-Gvern Ċentrali.
Leg 9 PQ #5195 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Dipartiment tax-Xogħlijiet — VAN GVH 236

Question

Jista' l-Ministru jindaga kif qed jintuża l-VAN GVH 236 u jistax jikkonferma li dan jintuża wkoll wara l-ħin tax-xogħol?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-van GVH 236 qed jintuża mis-Surveyors tal-Building and Engineering Department, u jintuża spiss wara l-ħin tax-xogħol u s-Sibt meta jkun hemm xogħol ta' overtime.
Leg 9 PQ #5196 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Dipartiment tax-Xogħlijiet — Vetturi

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni fuq kif qed jintużaw dawn il-karozzi tad-Dipartiment: BAK - 494, LCK - 328, FBK - 317, IAK - 158, GVN - 159 U GVH - 236?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-karozzi li n-numri tagħhom jidhru hawn taħt qed jintużaw kif ġej: BAK 494 u LCK 328 huma wżati minn żewġ uffiċjali li jaħdmu dirett mad-Direttur Ġenerali u li għandhom xogħlijiet kif assenjati lilhom dirett minnu fosthom xogħol f'Kastilja, St. James Cavalier, B'Kara Civic Centre, xogħol f'diversi skejjel, u xogħol ieħor. FBK 317 qed tintuża minn uffiċjal li qed jagħmel xogħol tal-G.I.S. (Geographical Information System) fuq is-sistema tad-drenaġġ madwar Malta u Għawdex. IAK 158 - L-ebda karozza b'dan in-numru ma teżisti fid-Dipartiment. GVN 159 qed tintuża minn uffiċjal li jaħdem dirett mad-Direttur tad-Dipartiment tal-Bini u Inġinerija li bħalissa għandu f'idejh xogħol tal-Qormi Flood Relief, Ħad-Dingli u St. Venera. GVH 236 - L-informazzjoni ngħatat fil-Mistoqsija Parlamentari numru 5195.
Leg 9 PQ #5197 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Qormi — Proġett

Question

Jista' l-Ministru jagħti ġustifikazzjoni għal overtime (inkluż Sibtijiet) mogħti fuq il-proġett ta' Ħal Qormi? (Numru tal-file qed jintbagħat separatament).

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-overtime li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant fuq il-proġett ta' Ħal-Qormi kien approvat. Dan l-overtime ikopri żewġ ħaddiema mit-Tnejn 1 ta' Marzu sal-Ħadd 7 ta' Marzu 1999, erba' ħaddiema oħra s-Sibt 6 ta' Marzu 1999 u l-Ħadd 7 ta' Marzu 1999. Dawn il-ħaddiema huma meħtieġa biex isegwu xogħol ta' toroq b'urġenza li qed isir fl-inħawi u fit-tmiem il-ġimgħa biex jagħmlu ċertu xogħol li jrid jikkomplimenta dak tal-kuntrattur. Barra dan ser jintużaw ukoll biex iċaqalqu 'bollards' u xi sinjali tat-traffiku in kollaborazzjoni mal-Pulizija li ser ikunu fuq is-sit tax-xogħol.
Leg 9 PQ #5198 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Qrati — Ksur ta' copyright ta' software tal-computers

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet s'issa fil-Qorti dwar ksur ta' copyright ta' software tal-computers mindu ġiet emendata l-liġi fl-1997? X'kienet is-sentenza li ngħatat f'kull każ?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li persuni akkużati b'dawn ir-reati jitressqu l-Qorti mill-Pulizija ta' l-Administrative Law Enforcement. Għaldaqstant l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-mistoqsija għandha tintalab lill-Ministru ta' l- Intern. Ir-risposta għat-tieni parti tal-mistoqsija tkun tista tingħata meta jiġu stabbiliti l-każi individwali.
Leg 9 PQ #5199 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministri/segretarji parlamentari — Ex għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il għalliem/a mill-iskejjel statali kollha bdew jaħdmu f'segretarjati jew uffiċċji ta' Ministri jew Segretarji Parlamentari minn Settembru, 1998? Jista' l-Ministru jagħti lista, persuna b'persuna, fejn qed jaħdmu llum u f'liema skola kienu jaħdmu qabel Settembru, 1998? Jista' l-Ministru jgħid min issostitwixxa lil kull persuna f'kull każ?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali — Allokazzjoni ta' djar

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm ġew allokati postijiet mid-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali bejn Settembru, 1998 u Jannar, 1999?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni li qed tintalab mill-Onor. Membru, kif ukoll informazzjoni aktar dettaljata, ser tingħata fis-Seduta Nru. 74 bi tweġiba għall-Mistoqsija Nru. 5104. 8.3.99