Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #4501 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Facilitator

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex tifel ta' erba' snin li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament qed jitħalla mingħajr facilitator? X'ċans hemm li sa tmiem din is-sena skolastika jkollu facilitator?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni bdiet il-proċess biex toħroġ sejħa oħra għal supply kindergarten assistants biex tissodisfa dan il-bżonn u bżonnijiet l-oħra.
Leg 9 PQ #4658 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Ċentri tas-Saħħa — Riċetti tal-mediċini

Question

Jista' l-Ministru jgħid huwiex jikkonsidra li jirranġa s-sistema tar-riċetti għal mediċini fil-health centres? Jaf il-Ministru bil-queues twal li jkun hemm f'health centres bħal, per eżempju ta' Ħal Qormi biex jagħmlu dawn ir-riċetti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Dipartiment tal-Kura Primarja flimkien ma dak tas-Servizzi Farmaċewtiċi dejjem jaħdmu biex jaraw kif jistgħu jtejbu s-servizzi mogħtija f'dan il-qasam. Id-dewmien li jista' jkun hemm huwa dovut għall-fatt li jkun hemm ġranet fejn in-numru ta' Tobba fiċ-Ċentru tas-Saħħa jkun limitat minħabba n-nuqqas li hemm fil-compliment.

Sigurta' Soċjali — Assistenza soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex omm xebba b'żewġt itfal (uliedha rreġistrati b'unknown father) mhijiex tieħu assistenza soċjali? Kemm suppost tieħu assistenza soċjali f'dan it-tip ta' każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Sabiex omm xebba b'żewġt itfal li huma rreġistrati b'unknown father, tieħu l-Assistenza Soċjali, din għandha tapplika fl-Uffiċċju Distrettwali tal-lokal tagħha. L-ogħla rata fil-ġimgħa ta' din l-għajnuna li hi tista' tikkwalifika għaliha, jekk ma jkollhiex riżorsi u tkun qegħda tgħix bħalha familja għal rasha, hija ta' Lm34.13 fil-ġimgħa. Barra minn dan hija tikkwalifika wkoll għall-Bonus Speċjali ta' Lm1.34 fil-ġimgħa u għall-Bonus ta' Lm58 li jitħallas f'Ġunju u f'Diċembru. Hija tista' tikkwalifika wkoll għal 50 ċenteżmu fil-ġimgħa jekk tkun qegħda tħallas il-kera. Il-persuna li tkun qegħda trabbi t-tfal tista' wkoll taħdem xogħol part-time, sakemm id-dħul mill-impieg tagħha ma jeċċedix is-Lm16.75 fil-ġimgħa. Barra minn hekk, jekk ulied din il-persuna għadhom taħt l-eta' ta' sittax-il sena, hija tikkwalifika wkoll għal Lm12.98 fil-ġimgħa f'Allowance tat-Tfal. Persuni f'dawn iċ-ċirkostanzi jistgħu jikkwalifikaw għal benefiċċji oħra bħal Rabate tad-dawl u l-ilma, il-karta roża eċċ. 8.3.99
Leg 9 PQ #4660 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Hold-up f'Ħal Qormi

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet dwar il-hold-up li sar fl-10 ta' Frar, 1998 f'nru. 8, Freemond Str, Qormi? Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu l-proċeduri dwar dan il-każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant hu suġġett ta' inkjesta Maġisterjali u li l-investigazzjonijiet dwaru għadhom għaddejjin. Għaldaqstant ma nħossx li hu opportun li tingħata xi nformazzjoni dwar dan il-każ f'dan l-istadju. 08.03.99

Maltacom plc — Vakanzi

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-iktar kopji riċenti ta' sejħiet għal mili ta' vakanzi għal Clerk 1, Executive Officer, Assistant Principal, Customer Service Assistant u Customer Service Officer fil-Maltacom plc?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Maltcom plc — Customer Service Officer

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3663, jista' l-Ministru jgħid kif il-Bord ta' l-intervista wasal biex ta l-marki lill-kandidati fil-kriterji ta' l-abilta' u mertu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Kif jirriżulta mid-dokument li poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra bi tweġiba għall-Mistoqsija numru 3663, il-Bord ta' l-Intervista qassam it-total ta' 100 marka b'mod ekwu fuq erba' kriterji; servizz, abilta', esperjenza u mertu. Naturalment l-intervista kienet tkopri dawn il-kriterji.

Maltacom plc — Bord ta' l-Appelli

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Bord ta' l-Appelli (Promozzjonijiet) fil-Maltacom plc kemm wara l-protesta u l-petizzjoni li xi impjegati kienu ressqu lill-istess Ministru u kemm wara diversi rapporti li dehru fil-media? Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bord, jekk il-bord huwiex qed jiltaqa' u jekk le, għaliex u jekk huwiex qed jisma l-appelli mressqa u jekk le, meta beħsiebu jibda jismagħhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-fatt li kien hemm bidla f'wieħed mill-Membri tal-Bord ta' l-Appelli (Promozzjonijet) fil-Maltacom ma jfissirx li l-pożizzjoni ta' l-istess Bord inbidlet minn dik li kienet qabel. Il-Bord huwa magħmul miċ-Chairman is-Sur George Borg Cardona u minn żewġ Membri, is-Sinjur Gaston Debono u John L. de Gray. Is-segretarju tal-Bord huwa s-Sur David Buttiġieġ, uffiċjal tal-Maltacom. Il-Bord kellu jagħmel l-ewwel laqgħa preliminari tiegħu fit-18 ta' Frar 1999, pero` peress li wieħed mill-membri ma setax jattendi minħabba impenji aktar urġenti, il-laqgħa ġiet posposta. Fil-fatt il-Bord iltaqa` l-ewwel darba fit-2 ta' Marzu 1999.

Bormla — Twaqqiegħ ta' bini antik

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra f'liema stadju wasal it-twaqqigħ tal-bini l-antik fi Triq San Ġwann, Bormla billi dan wara li qabad ritmu tajjeb waqaf f'dawn l-aħħar jiem?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li x-xogħol tat-twaqqiegħ waqaf sakemm jiġu solvuti xi problemi ma xi "evictees" li għad għandhom xi affarijiet fil-bini li ser jaqa'. Biss, sadanittant ix-xogħol ta' taħmil u anki tal-ġebel fuq l-ewwel parti tal-proġett ser jibdew f'dawn il-ġranet. 8.3.99

Djar — Bormla - Triq San Gwann

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm appartamenti huma previsti li jinbnew fi Triq San Ġwann, Bormla wara li jitwaqqa' l-bini l-antik u kemm huwa mistenni li jiġi jiswa dan il-proġett?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-ewwel fażi ser jinbnew 20 appartament u dawn ser jiswew madwar Lm270,000. Fit-tieni fażi li ser tibda madwar sentejn oħra, ser jinbnew 49 appartament li ser jiswew madwar Lm650,000. 8.3.99

Kalkara — Appartamenti Indipendenza

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk matul is-sena kurrenti hemmx previst li t-toroq li qegħdin idawru l-Appartamenti Indipendenza, il-Kalkara jsiru billi hemm ħafna ilmenti mir-residenti li huma aktar milli ġustifikati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-responsabilta' għall-irranġar tat-toroq fil-housing estates hija tal-Kunsill Lokali fil-każ li dawn jinħtieġu "patching", jew tad-Dipartiment tat-Toroq fil-każ li dawn iridu jsiru mill-ġdid. Jien infurmat li fl-estate tal-Kalkara magħruf bħala tas-Salvatur, il-Kunsill qed jippjana li jirranġa t-toroq fil-futur immedjat. Biss għal aktar informazzjoni nagħti parir lill-Onor. Interpellant jagħmel dil-Mistoqsija lill-Onor. Prim Ministru li taħtu jaqgħu il-Kunsilli Lokali. 8.3.99
Leg 9 PQ #4718 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Wied il-Għajn — Forti San Tumas

Question

In vista tal-fatt li l-Forti San Tumas f'Wied il-Għajn issa jinsab f'idejn l-awtoritajiet kompetenti, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba bediex isir xi xogħol fl-intern u fl-estern ta' l-istess?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 3682 u Nru. 4317, nitolbu biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat. 08.03.99
Leg 9 PQ #4719 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Wied il-Għajn — Fortizza tat-Torri - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'tip ta' xogħlijiet qed isiru fil-Fortizza tat-Torri ta' San Tumas ġewwa Wied il-Għajn?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li diġa' nbdew fit-Torri ta' San Tumas huma: * tindif tal-faċċati u bejt mill-ħaxix * tindif tal-foss madwar it-torri * tneħħija ta' bini fil-foss li kien sar fiż-żmien li t-torri kien għand il-Jerma Hotel * tneħħija ta' sejjieħ minn fuq ir-'redoubt' quddiem it-torri. Xogħlijiet li ser jinbdew fil-ġimgħat li ġejjin huma: * tiswija tal-kmamar fuq il-bejt tat-Torri (bdil ta' travi msewsa, xorok maqsumin eċċ) * xogħol fuq waħda mill-faċċati (ix-xogħol fuq il-faċċati ser jinqasam f'erba' fażijiet. Xogħlijiet li għandhom jinbdew fis-sajf huma: * Landscaping madwar it-Torri (irranġar tar-redoubt, landscaping fil-foss eċċ).

Djar — File 2766/97HD

Question

B'riferenza għaċ-ċirkostanzi diffiċli li qed jiffaċċjaw il-familjari tal-każ fil-File Nru.2766/97HD u l-informazzjoni li konfidenzjalment għarraft biha lill-Ministru, jista' d-Direttur ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali jalloka l-fond in kwestjoni? Peress li l-persuna b'diżabilita' in kwestjoni tenħtieġ għajnuna mmedjata għaliex is-sitwazzjoni li ilha pendenti s-snin m'hijiex kontrollabli, jista' l-Ministru ġentilment jintervjeni sabiex issir ġustizzja u l-każ jiġi rimedjat immedjatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata qed tiġi kkunsidrata flimkien mal-oħrajn kollha li hemm pendenti, u li ċ-ċirkostanzi speċjali ġew nnutati, u qed jingħataw l-attenzjoni meħtieġa. 8.3.99
Leg 9 PQ #4819 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Biedja — Makna tal-ħasil

Question

B'riferenza għall-makna ġdida tal-ħasil tal-kaxxi tal-bdiewa, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta ħarġet it-tender għal din il-makna, kemm-il darba ħarġet din il-makna u meta ġiet stallata din il-makna? Kemm fil-fatt swiet din il-makna fi flus lill-kumpannija konċernata?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 305 magħmula mill-istess Interpellant fuq l-istess suġġett.
Leg 9 PQ #4820 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Fish farming — Ikel tal-ħut

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi kwantitajiet u x'valur ta' ikel ta' ħut inxtara sena b'sena mill-1992 sa l-1997 fil-NAC għall-fattening tal-ħut? Kemm skond in-normi ta' dan l-ikel kellu jkun il-piż tal-ħut sena b'sena u kemm fil-fatt inbigħ f'piż sena b'sena?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-Kwantitajiet u l-valur ta'ikel ta' ħut li ġie mixtri sena b'sena mill-1992 sal-1997 fil-NAC għall-fattening tal-ħut qed jiġu mgħotija f'tabella 1. Tabella 1 Kwantitajiet u valur ta' ikel ta' ħut li nxtara mill-NAC għat-tkabbir tal-ħut: Sena Kwantita' Valur (Kg) (Lm) 1992 35,000 14,365 1993 15,500 6,296 1994 19,500 7,951 1995 - - 1996 - - 1997 - - TOTAL 70,000 Lm28,612 Skond l-ammont ta' ikel li nxtara mis-sena 1992 sal-1994, il-produzzjoni ta' ħut mistennija kella tkun madwar 28,000 kgs. Dan l-estimi huwa bbażat fuq informazzjoni xjentifika. It-tip ta' ikel li nxtara, jidher illi l-ħut mkabbar f'dan il-perjodu kienu Tilapia, Spnott, Awrat u Sallur. Ma nistgħux ngħatu l-produzzjoni tal-ħut sena b'sena għax il-ħut idum aktar min sena biex jitkabbar (market size) u m'għandniex records ta' kemm ġie użat ikel sena b'sena. Kemm fil-fatt mbiegħ piż sena b'sena qed tingħata f'tabella 2. Tabella 2 Records ta' bejgħ ta' ħut: Sena Piż (kg) 1992 2,288.90 1993 949.50 1994 477.60 1995 34.50 1996 - 1997 - TOTAL 3,750.50
Leg 9 PQ #4833 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

NAC — Grading tal-Ħut

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 4518 dwar is-sistema tal-grading tal-fingerlings li jinħarġu mill-NAC?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-grading tal-ħut hija proċedura li hija rrakomandata li ssir tul il-ħajja tal-ħut imrobbi fil-fish farms. Kif u meta dan isir jiddependi skond iċ-ċirkostanzi attwali ta' kull farm. Dan il-grading jew għażla jsir biex ħut ta daqs uniformi dejjem jiġi mrobbi flimkien biex b'hekk jiġi evitat il-kannibaliżmu (cioe' il ħut kbir jiekol ħut żgħir) u biex il-ħut jikber aktar uniformi. Fil-grading jiġi wkoll magħżul ħut li jkollu xi forma ta' difett. Fiċ-Centru Nazzjonali tal-Akwakultura l-prattika tal-grading ġiet imdaħħla sa mill-bidu anke fl-ewwel snin meta kienet titrabba t-Tilapia; difatti sa llum wieħed jista jsib tilari tal-injam li kienu ġew maħduma apposta biex tiġi graded it-Tilapia. Meta beda jitfaqqas l-awrat (1992) kienu ġew impurtati graders apposta li jintużaw barra minn Malta (huma speċi ta' tilari apposta ta' daqsijiet differenti skond l-eta' tal-ħut) u dawn għadhom jintużaw sa llum. Il-grading huwa proċess li suppost għandu jibqa jsir anke wara li l-ħut jiġi trasferit fil-gaġġeġ dejjem skond iċ-ċirkostanzi ta kull farm.
Leg 9 PQ #4834 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bini Storiku — Restawr

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4508 dwar il-bini storiku ta' l-Imdina u r-Rabat, jista' l-Ministru ġentilment ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-Works Division li rrefera għalih il-Ministru?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma jidhirlix li f'dan l-istadju għandi impoġġi d-dokumenti msemmija fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #4835 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

NAC — Sistema perikoluża tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 4516 dwar sistema tad-dawl perikoluża fl-NAC?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-Onor. Interpellant jaf iżjed minn kullħadd li minkejja li fi żmienu nxtraw 'chillers' u minkejja l-fatt li kient saret ħafna propaganda dwar l-istess 'chillers' l-amministrazzjoni preċedenti l'anqas biss ħadet il-passi neċessarji biex dan l-apparat ikollu 'supply' ta' ellettriku adekwata. Barra minn hekk, minkejja l-ħafna stqarrijiet fl-ajru, dan iċ-'chiller' għadu ma jistgħax jintuża peress li fis-sentejn li għaddew ma ġewx installati 'switchboards', 'transformers' etc. apparat bażiku u neċessarju għat-tħaddim taċ-'chillers'. Niffeferi wkoll għar-risposta li diġa tajtu għad-domanda 2794.
Leg 9 PQ #4890 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tal-Finanzi

Qrati — Ħlas bi credit cards

Question

In vista għar-risposta għad-domanda parlamentari numru 2346 mogħtija mill-Prim Ministru, jista' l-Ministru jinforma lill-kamra jekk kemm-il darba jistax jiġi ffurmat kumitat sabiex jinvestiga u jara huwiex possibbli li l-pubbliku jkun jista' jagħmel pagamenti lill-gvern permezz ta' l-użu tal-credit cards?

Response (DALLI, JOHN)

Qed isiru arranġamenti biex il-pubbliku jkun jista` jagħmel pagamenti lill-Gvern permezz tal-Credit Cards. Meta dawn l-arranġamenti jidħlu fis-seħħ, il-pubbliku jkollu mezz ieħor effiċjenti kif jagħmel dan. Ir-riċevuta mid-Department tibqa tinħareġ bħas-soltu.
Leg 9 PQ #5013 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużew tal-Gwerra

Question

Peress li kien hemm diversi rapporti ta' serq u ħsarat fil-War Museum, jista' l-Ministru jgħid x'insteraq, x'inhuma l-ħsarat strutturali li hemm, x'inhuma l-opinjonijiet tal-Gvern rigward il-futur ta' dan il-Museum, jekk ikunx hemm watchman bil-lejl u x'għajnuna finanzjarja jista' jagħti l-Gvern?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-informazzjoni mitluba għadha ma waslitlix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.