Legislature:
Category:
Reset
Active:

Toroq — Xogħlijiet

Question

Fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-gvern li din is-sena se jsir xogħol fuq 76 kilometru ta' toroq, jista' l-Ministru jgħid: (i) fuq kemm-il kilometru ta' toroq sar xogħol f'Jannar u Frar, 1999; (ii) fejn sar dan ix-xogħol; (iii) kemm sewa dan ix-xogħol; u (iv) kemm minn dan ix-xogħol kien f'toroq prinċipali u kemm minnu sar f'toroq sekondarji?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor.Interpellant.
Leg 9 PQ #5130 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Reati kriminali

Question

Jista' l-Ministru jgħid tul Frar 1999 kemm: (i) kien in-numru ta' reati kriminali rrapportati lill-pulizija u x'tip ta'reati kienu; (ii) x'kien in-numru ta'attakki bi vjolenza fuq l-anzjani u x'kienu l-etajiet ta' l-anzjani; (iii) x'kien in-numru ta' hold-ups u l-ammont ta' flus misruqa f'dawn il-hold-ups; (iv) x'kienu d-drabi li nstabet droga fil-ħabs; u (v) x'kienu l-każijiet ta' overdoses irrapportati u kemm minnhom kienu fatali?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat ukoll li n-numru ta' attakki vjolenti fuq l-anzjani matul Frar 1999, kien ta' 3. Kien hemm żewġ każijiet oħra ta' bodily harm fuq anzjani kawżati minn snatch and grab. L-etajiet tal-persuni nvoluti kienu ta' 61, 63, 66, 68 u 70 sena. Ta' min jgħid li r-reati taħt il-klassifikazzjoni ta' reati vjolenti kontra l-persuna jitqiesu dawk bħala bodily harm li jkopru feriti ta' natura gravi kif ukoll ta' natura ħafifa. Dwar in-numru ta' hold ups irrapurtati lill-Pulizija matul Frar 1999, ninsab infurmat li ġew irrapurtati 4 każijiet u li l-ammont fi flus kontanti li ġew irrapurtati misruqa f'dawn il-hold ups kien ta' Lm20,607.54. Dwar l-aħħar żewġ partijiet tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li fl-istess perijodu (Frar 1999), ġie rrappurtat lill-Pulizija każ wieħed ta' sejba ta' droga fil-Ħabs, filwaqt li n-numru ta' każijiet ta' overdose irrapurtati lill-Pulizija kien ta' 11 u li l-ebda wieħed minnhom ma kien fatali. 10.03.99
Leg 9 PQ #5131 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Infiq

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' l-infiq li sar ma' kull radju/televiżjoni/ġurnal tul Jannar u Frar 1999 in konnessjoni ma' l-introduzzjoni tal-VAT? Jista' l-Ministru jgħid liema aġenzija ta' reklamar intużat u fuq liema bażi intgħażlet?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ħlas li sar ma` kull radju, televiżjoni u ġurnal tul Jannar u Frar in konnessjoni ma` l-introduzzjoni tal-VAT huwa kif ġej: Radju Ammont Lm Super 1 163.21 Radio 101 80.50 Radio Malta 124.20 RTK 131.10 Bay Radio 85.63 Smash Radio 4.60 Total 589.24 Gazzetti Ammont Lm The Times 385.50 L-Oriżżont 310.50 In-Nazzjon 376.88 Sunday Times 127.65 Il-Mument 127.65 It-Torċa 238.65 Il-Kulħadd 258.00 Total 1,824.83 Televiżjoni Xejn L-aġenzija ta` reklamar li ntużat hija l-MPS Ltd. Din intgħażlet wara sejħa għall-offerti skond il-proċeduri stabbiliti tad-Dipartiment tal-Kuntratti u għax kienet l-aktar waħda vantaġġjuża.
Leg 9 PQ #5132 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Finanzi

Negozji

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-informazzjoni li għandu l-gvern tikkonfermax rapporti fil-media li Jannar ta' din is-sena kien l-agħar xahar għan-negozju fl-aħħar snin?

Response (DALLI, JOHN)

L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #5210 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Prevenzjoni dwar id-droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid, għall-kumplament ta' din is-sena skolastika, xi pjani hemm biex fost l-istudenti isir xogħol ta' prevenzjoni minn droga u alkaħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskejjel ifasslu programmi ta' prevenzjoni minn droga u alkoħol skond il-ħtiġijiet ta'-istudenti tagħhom u jsiru matul is-sena kollha. Il-programmi jsiru fl-iskejjel b'kollaborazzjoni ma' l-amministrazzjoni ta' l-iskola. Dawn huma parti mix-xogħol tal-Guidance Teacher u l-Counsellor flimkien ma' għalliema oħra. L-istudenti ta' 15-il sena jattendu Seminar ta' tliet ijiem bl-isem "Irrid Nagħżel Tajjeb" li jsir f'Portziuncola House, Baħar iċ-Ċagħaq. F'dan is-Seminar isir emfasi fuq skills importanti bħall-Valuri, Kif tieħu deċiżjoni, Relazzjonijiet, eċċ., li jgħin fil-prevenzjoni minn droga u alkoħol. Il-laqgħat isiru fi gruppi żgħar u l-istudenti jingħataw il-faċilita' li jiddiskutu ma' għalliema professjonali. Fl-aħħar ġurnata tas-Seminar, l-istudenti jkunu jistgħu jitolbu l-għajnuna ta' tabib li jkun preżenti fis-seminar. Dan huwa suġġett li jingħata attenzjoni speċjali fis-suġġetti tal-Kurrikulu bħall ma huma l-Personal and Social Education, Home Exonomics, Studju Soċjali u l-Bijoloġija. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni taħdem id f'id ma' għaqdiet bħall ma huma l-Caritas, Oasi u s-Sedqa biex fost l-istudenti jsir xogħol ta' prevenzjoni minn droga u alkoħol. Nies professjonali minn dawn l-għaqdiet sejrin ikunu fl-iskejjel, anki fi skejjel primarji, għal kumplament ta' din is-sena skolastika. L-Oasi u s-Sedqa sejrin jorganizzaw korsijiet għal għalliema biex dawn jaħdmu aħjar fost l-istudenti fl-iskejjel Maltin.

Servizzi Soċjali — Korriment fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru talbiet għall-benefiċċju minħabba korrimenti fuq il-post tax-xogħol lid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali matul is-sena 1998?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' talbiet għall-benefiċċju dwar korriment fuq il-post tax-xogħol, li rċieva d-Dipartiment matul is-sena 1998, kien ta' 5,430. 10.3.99
Leg 9 PQ #5212 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm jiswa kuljum kull detenut fil-ħabs?

Response (BORG, TONIO)

Jekk jingħaddu s-salarji ta' l-impjegati tal-Ħabs, l-ispiża ta' l-ikel, il-ħlas lill-ħabsin li jaħdmu, l-ispejjeż għal programmi ta' riabilitazzjoni, l-ispiża tas-servizzi tas-saħħa u spejjeż oħra rikorrenti u jiġi diviż it-total bin-numru tal-medja ta' priġunieri f'kull ġurnata matul is-sena, l-ispiża tiġi madwar Lm18.72c kuljum. 10.03.99
Leg 9 PQ #5316 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bormla — Crisis Intervention Centre

Question

Jista' l-Prim MInistru jgħid jekk hux se jintervjeni u jilqa' t-talbiet ta' numru kbir ta' residenti f'Bormla li qed joġġezzjonaw għall-bini ta' Crisis Intervention Centre f'Bormla? Jista' jgħid ukoll jekk jaħsibx li l-bini ta' dan it-tip ta' ċentru f'nofs Bormla se jkompli jżid il-problemi lin-nies ta' din il-belt?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-Gvern ma jidhirlux li għandu jintervjeni fis-sens li jeżiġi li proġett simili ma jsirx. Iżda l-Gvern huwa persważ li l-fehmiet raġjonevoli ta' kullħadd għandhom jingħataw l-attenzjoni li jixirqilhom u b'hekk ikun hemm riżultat li huwa fl-aħjar interess soċjali.
Leg 9 PQ #5317 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tas-Saħħa

Bormla — Ċentru tas-Saħħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' servizzi se jkunu available mill-poliklinika ta' Bormla?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Iċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Bormla eventwalment ser jipprovdi dawk is-servizzi mediċi kollha li huma pprovduti miċ-Ċentri tas-Saħħa l-oħra.
Leg 9 PQ #5326 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem il-Planning Authority bħalissa għal: (i) tibdil fin-natura ta' negozji; (ii) estenzjonijiet ta' negozji? Liema tip ta' negozju jittrattaw dawn l-applikazzjonijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bħalissa l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għandha quddiemha 380 applikazzjoni pendenti għal bdil fin-natura tan-negozji. I-tip ta' negozji li jittrattaw dawn l-applikazzjoni jvarjaw; fosthom l-aktar komuni hemm bdil ta' użu għall-uffiċini, snack bars, take-away, spiżeriji u hairdressers. Ninsab infurmat ukoll li ma tinżammx statistika dwar talbiet għal estenzjonijiet speċifikament għal negozji biss. 10.03.99
Leg 9 PQ #5327 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Liċenzji għal negozji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu liċenzji għal ftuh ta' negozji ġodda sena b'sena mill-1994 sa l-1998 (it-tnejn inklużi)? Ta' liema ġeneru ta' negozju kienu tali liċenzji? Kemm jeżistu liċenzji tal-pulizija għal negozji bħalissa? Ta' liema ġeneru ta' negozju huma dawn?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' liċenzji għal ftuħ ta' negozji ġodda li nħarġu fis-snin 1994, 1995, 1996, 1997, 1998, kien ta' 453, 480, 542, 418 u 388 rispettivament. Rigward it-tagħrif l-ieħor mitlub mill-Onor. Interpellant ninsab infurmat li dan hu kif jidher fiż-żewġ Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 10.03.99
Leg 9 PQ #5328 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Ħela ta' fuel fuq karozzi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm: (a) inħela fuel (diesel u petrol) mill-vetturi li kienu direttament imniżżla taħt is-Segretarjat Parlamentari għal Għawdex mill-31 ta' Ottubru, 1996 sa l-aħħar ta' Frar, 1998? (b) mill-vetturi direttament imniżżla taħt il-Ministeru għal Għawdex mill-5 ta' Settembru 1998 sal-5 ta' Jannar 1999?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-ammont ta' petrol li nħela mill-31 ta' Ottubru 1996 sa' l-aħħar ta' Frar 1998 mill-vetturi tas-Segretarjat Privat tas-Segretarju Parlamentari għal Għawdex kien ta' Lm3050.60,0. Mill-banda l-oħra l-ammont ta' petrol li nħela mill-vetturi tas-Segretarjat Privat tal-Ministru għal Għawdex mill-5 ta' Settembru 1998 sal 5 ta' Jannar 1999 kien ta' Lm551.87,0. Ma nħelal-ebda diesel minn dawn il-vetturi fil-perijodi msemmija. L-Onorevoli Interpellant għandu jkun jaf li l-ammont ta' petrol li nħela mill-vetturi tas-Segretarjat Privat tas-Segretarju Parlamentari għal Għawdex fl-istess perijdou s-sena ta' qabel, jiġifieri bejn il-5 ta' Settembru 1997 sal-5 ta' Jannar 1998, kien ta' Lm909.07,0.

ETC — Reġistrazzjoni għal xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li persuna li jkollha liċenzja ta' negozju fuq isimha iżda li tkun fil-proċess li tittrasferiha fuq terzi persuni jew tneħħi minn fuqha, tirreġistra għax-xogħol ma' l-ETC? Jaħseb il-Ministru li peress li minħabba f'burokrazija dan il-proċess kapaċi jieħu ż-żmien biex jiġi finalizzat, mhux ġust li bniedem ma jkun qed jirċievi l-ebda benefiċċji ta' disimpjieg jew jirreġistra għal xogħol sakemm il-liċenzja titneħħa minn fuqu? Jekk fl-affermattiv, x'passi beħsiebu jieħu l-Gvern preżenti biex jilqa' għal din l-inġustizzja mas-self-employed?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kull persuna li għandha liċenzja ta' negozju fuq isimha iżda li tkun fil-proċess li titrasferiha fuq terzi persuni jew li tneħħiha minn fuqha tista' tirreġistra għax-xogħol ma l-ETC jekk tipproduċi kopja ta' l-applikazzjoni uffiċjali li hi tagħmel għand il-pulizija għal dan il-għan. Fil-każ ta' trasferiment dan japplika biss jekk dan it-trasferiment ma jsirx fuq membri tal-familja immedjata tagħhom. Peress li, kif qed jgħid l-Onor. Membru il-proċess kollu tat-trasferiment hu twil u kapaċi jieħu ż-żmien biex jiġi finaliżżat, kif semmejt qabel, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ma tesiġix li l-proċess ikun sar kollu qabel ma persuna tkun tista' tirreġistra iżda biss li tipproduċi l-applikazzjoni uffiċjali għal dan it-trasferiment. 10.3.99
Leg 9 PQ #5330 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Liċenzji ta' negozju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru trasferimenti ta' liċenzji ta' negozju sena b'sena fl-1994, 1995, 1996, 1997 u 1998 separatament? Kemm hemm trasferimeti ta' liċenzji pending bħalissa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' trasferimenti ta' liċenzji ta' negozju li saru fl-1994, fl-1995, fl-1996, fl-1997, u fl-1998 kien ta' 335, 438, 413, 319 u 330 rispettivament. Ninsab infurmat ukoll li n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għal trasferimenti ta' liċenzji ta' negozju hu ta' 137. 10.03.99
Leg 9 PQ #5331 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Liċenzji ta' negozju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-average amount of time li tieħu biex liċenzja tal-pulizija ta' negozju tiġi trasferita minn fuq persuna għal oħra? Jista' l-Ministru jelenka l-proċedura meħtieġa għal tali trasferimenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi biex liċenzja ta' negozju tiġi trasferita minn fuq persuna għal oħra, il-persuna li f'isimha tkun il-liċenzja flimkien mall-persuna l-oħra jridu jippreżentaw f'Uffiċċju tal-Liċenzji, fid-Depot tal-Pulizija, il-Furjana, il-kopja ta' liċenzja jew liċenzji eżistenti, flimkien ma' l-irċevuta ta' ħlas valida għas-sena kurrenti li fiha jintalab it-trasferiment tal-liċenzja. Jiġu mitluba ukoll, il-proof of ownership tal-post tal-persuna li fuqha tkun ser tiġi trasferita l-liċenzja, il-karta ta' l-identita', il-biljett tas-Sigurta' Nazzjonali, kopja taċ-ċertifikat tal-V.A.T. f'isem l-applikant u fuq il-post liċenzjat, u pjanta tal-post. Jista' wkoll ikun meħtieġ ċertifikat minn persuni kwalifikati bħal electrician jew perit u dan skond il-genere tal-liċenzja. L-applikazzjoni mbagħad tiġi riferuta lid-Dipartimenti konċernati li jvarjaw skond il-genere tal-liċenzja. Wara li l-applikazzjoni tkun ġiet ikklerjata (no objections) mid-Dipartimenti, din tintbagħat fid-Distrett tal-Pulizija tal-lokal biex tinħareġ il-liċenzja. Qabel ma jsir it-trasferiment jista' jkun il-każ li jkun meħtieġ li jintalab il-kunsens tal-ġirien f'distanza ta' għoxrin (20) metru mill-post tan-negozju. Jekk ikun hemm oġġezzjonijiet mill-ġirien, l-applikazzjoni tiġi riferuta lill-Bord tal-Pariri dwar Liċenzji tal-Pulizija u f'dan il-każ l-ipproċessar ta' l-applikazzjoni jitwaqqaf sakemm il-Bord jisma' l-ilmenti u jagħti l-pariri tiegħu. Fil-każ li l-Bord ikun tal-parir li l-liċenzja ma tingħatax, l-applikant jista' jagħmel appell quddiem it-Tribunal ta' l-Appelli dwar Liċenzji tal-Pulizija. Għalhekk l-Onor. Interpellant jifhem li mhux faċli li wieħed jagħti żmien definit li jittieħed biex isir trasferiment ta' liċenzja ta' negozju. 10.03.99
Leg 9 PQ #5334 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Naxxar — Ħadid ta' ħdejn il-bandli

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-ħadid li twaħħal bħala lqugħ mal-ground ħdejn il-bandli tan-Naxxar mill-kunsill lokali tal-post? Fejn inħadem? Kienet ħarġet tender għal dan ix-xogħol? Kien hemm permessi neċessarji mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` gvern lokali u fil-qadi tal- funzjonijiet tagħhom jaġixxu skond il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom. Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita` billi l- funzjoni li qed jirreferi għaliha, fil-fatt hija waħda mir- responsabbiltajiet tal-Kunsilli.
Leg 9 PQ #5335 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ħwienet li jorganizzaw it-tours

Question

Peress li ċertu ħwienet li jorganizzaw tours madwar Malta ġewwa Buġibba u l-Qawra qed jiġu mġiegħla jagħlqu nhar ta' Ħadd wara nofsinhar, jista' l-Ministru jikkonsidra mill-ġdid din id-deċiżjoni li jista' jkollha impatt negattiv fuq servizzi lit-turisti li jiġu jżuru pajjiżna?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet hu regolat bl-Att dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol tal-Ħwienet u tal-Bejjiegħa fit-Toroq (Kap. 155). Skond Artikolu 10(3) ta' l-imsemmi Att, il-Ministru responsabbli għax-xogħol jista' jagħmel regolamenti li bihom jeżenta l-ħwienet kollha jew xi kategorija minnhom, li jinsabu f'lokalita' turistika, fost affarijiet oħra mill-provvedimenti dwar il-ħinijiet ta' l-għeluq. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat. 10.03.99
Leg 9 PQ #5336 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Monte Carmeli — Pazjenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti f'kull sala ta' l-Isptar Monte Carmeli? Kemm minnhom huma bed-ridden jew wheel chair bound?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif ġej: MALE WARDS PATIENTS BED RIDDEN WHEEL CHAIR ------------------------------------------- ----- MW2 33 0 0 MW3A 42 0 0 MW3B 47 0 0 MW5 27 4 7 MW6 36 0 0 MW7 26 0 0 MW8 22 0 0 MW10 3 prisoners 0 0 JUV 201 0 0 YPU 10 0 0 ----------------------------------------------- - FEMALE WARDS PATIENTS BED RIDDEN WHEEL CHAIR ------------------------------------------------ FW2 36 13 12 FW3 10 0 0 FW5A 36 0 0 FW5B 38 2 0 FW6 32 0 1 FW7 38 4 15 FW8 37 0 0 FW10 15 0 0 YPU 5 0 0 HWH 11 0 0 ----------------------------------------------- -
Leg 9 PQ #5354 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Operazzjonijiet

Question

Wara r-rapport li deher fil-paġna ta' quddiem tal-ġurnal tal-Ħadd "The Malta Independent on Sunday dwar ħlas ta' flus biex wieħed jitqabbeż il-lista biex issirlu operazzjoni, jidhirlu l-Ministru li għandu jagħmel l-investigazzjonijiet kollha possibbli nkluż dawk li huma pprovduti fil-liġijiet tar-Repubblika ta' Malta ħalli jara kemm hu veru dan ir-rapport, u jekk jinstab li dan ir-rapport huwa veru jittieħdu l-passi kriminali neċessarji? Jidhirlu l-Ministru li dan il-każ, sar meta sar, m'huwiex biss każ ta' etika medika iżda huwa wkoll wieħed kriminali?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-Onor. Interpellant, bħala ex-Ministru tas-Saħħa missu jaf li sakemm id-Dipartiment ma jirċevix 'statements' iffirmati ma jistax jibda jinvestiga, la din l-allegazzjoni u lanqas allegazzjonijiet oħra. Japprezza wkoll li l-ġurnalist li kiseb din l-informazzjoni hu obbligat li, skond il-kodiċi ta' etika ġurnalistika, ma jagħtix dettalji. Għalhekk nieħu din l-okkażjoni biex għal darb'oħra nitlob il-koperazzjoni tal-persuni nvoluti biex jagħmlu l-kuraġġ u jressqu l-ilmenti tagħhom bil-miktub.
Leg 9 PQ #3274 Sitting 73 1999-03-09 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ħal Tarxien — Triq Sardinja - Dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li titwaħħal lampa fi Triq ta' Sardinja faċċata ta' "Arthur House f'Ħal Tarxien?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.