Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li fil-futur qarib hemmx il-ħsieb li l-wirja tant tajba li kienet ittellgħet f'Għawdex u wara f'Firenze ta' dak li kien instab fil-Brockdorff Circle se tiġi esposta b'mod permanenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li parti l-kbira mill-esibizzjoni li kienet saret f'Għawdex u Firenze jifforma parti mill-esibizzjoni permanenti tal-Mużew ta' l-Arkeoloġija minn fejn kienu oriġinaw il-maġġor parti ta' l-esibiti.
Jista' l-Ministru, filwaqt li jikkonsidra r-risposta mogħtija għad-domandi parlamentari numri 961 u 3344 għar-rigward ta' restawr ta' Palazzo de la Salle fejn hemm il-Malta Society of Arts Manufacturers and Commerce, il-Belt, jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba ġiex ppreżentat rapport fuq l-istat ta' l-istess?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li, fuq inizjattiva ts-Soċjeta' msemmija bl-appoġġ finanzjarju tal-Ministeru ta' l-Ambjent kien sar rapport dwar ir-restawr tal-pitturi (murals) li hemm fis-'Sala dei Cavalieri' fil-Palazz de La Salle. Il-Ministeru involut kien dak ta' l-Ambjent u għalhekk nissuġġerixxi li jekk l-Onor. Membru jixtieq aktar informazzjoni jirreferi l-mistoqsijiet tiegħu lil Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kemm-il darba huwiex f'pożizzjoni li jwieġeb għad-domanda parlamentari numru 2352 u ċioe' jekk waslitx l-informazzjoni neċessarja mid-dipartiment konċernat rigward studju tal-ħsara li hemm fil-Fortizza Delle Grazzja, ix-Xgħajra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma sar ebda studju dwar il-ħsara li hemm fil-Fortizza Della Grazzia ġewwa x-Xgħajra. Li hemm bżonn hu li jinstabu fondi biżżejjed biex ikun jista' jsir:
1. Rapport xjentifiku tal-kundizzjoni tal-Fortizza
2. Pjan strateġiku ta' konservazzjoni
3. Pjan ta' implimentazzjoni
Dan kollu, kif ukoll l-użu tal-fortizza bħala mużew militari ieħor, jiddependi għal kollox fuq prioritajiet finanzjarji.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx il-ħsieb li jiġi maħtur segretarju ta' l-Universita' ai termini ta' l-Att ta' l-Edukazzjoni?
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm u kien hemm gwidi liċenzjati fil-lingwa Franċiża, Taljana u Tedeska tul is-snin 1994, 1995, 1996, 1997 u 1998? Kemm minnhom kienu rġiel u kemm nisa?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-pożizzjoni fis-snin imsemmija kienet kif jidher hawn taħt:
SENA LINGWA IRĠIEL NISA
1994 Franċiża 27 47
Taljana 49 143
Tedeska 37 83
1995 Franċiża 30 47
Taljana 46 155
Tedeska 45 98
1996 Franċiża 32 45
Taljana 50 155
Tedeska 43 97
1997 Franċiża 32 42
Taljana 51 157
Tedeska 43 102
1998 Franċiża 30 42
Taljana 50 157
Tedeska 43 103
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx il-ħsieb li partijiet mill-Belt Sengleana jitwaqqgħu biex minn flokhom jinbnew djar moderni u komdi tul din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dis-sena hemm il-ħsieb li jitwaqqa' bini fi Triq San Filippu u floku jitla' blokk ta' 3 appartament.
10.3.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1811 sabiex isir upgrading ta' xogħlijiet ta' bankini, tarmac, landscaping eċċ fix-Xemxija, jista' l-Ministru jinfurmani jekk kienx hemm xi żviluppi? Jekk ma sarux żviluppi, jista' l-Ministru jgħid għaliex u meta se jsir il-kordinament meħtieġ sabiex jitwettqu dawn ix-xogħlijiet fix-Xemxija?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1758 (Seduta 31).
B'riferenza għat-talba tiegħi tas-27 ta' Ottubru, 1998 (mistoqsija parlamentari numru 333) sabiex jiġu rranġati ħitan tas-sejjieħ fi bliet u rħula tat-12-il distrett, jista' l-Ministru jinformani bix-xogħlijiet li saru u fejn saru?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
M'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4685 (Seduta 71).
B'riferenza għat-talba tiegħi f'isem ir-residenti tal-Manikata sabiex isir pitch tal-boċċi fl-inħawi, jista' l-Ministru jinformani bil-follow-up li għamel id-dipartiment konċernat dwar dan il-bżonn?
Peress li t-tfal u ż-żgħażagħ tal-Manikata m'għandhomx faċilitajiet aċċessibbli għalihom, jista' l-Ministru jara li t-talba tiġi kkonsidrata bħala waħda urġenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Vot Kapitali tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport ilu kommess mill-aħħar tas-sena li għaddiet kif jidher mill-Business Plan ta' l-istess Dipartiment. Għaldaqstant m'hemmx fondi biex isir dan il-proġett. Ser isiru sforzi biex flimkien mal-Kunsill Lokali ikun individwat sit fejn, jekk ikun finanzjarjament vijabbli u prattiku, jinbena dan il-pitch tal-boċċi.
Peress li t-Torball Blind Association ilha snin tistenna li tingħata bini abbandunat fl-Imtarfa sabiex tiżviluppa ċentru modern għall-membri tagħha, u peress li l-gvern mistenni jressaq riżoluzzjoni fil-Parlament sabiex jipprovdi faċilitajiet lill-għaqdiet tal-volontarjat f'pajjiżna, jista' l-Ministru jikkonsidra li jinkludi t-talba ta' l-għaqda msemmija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Nru. 1521.
Jien infurmat li sal-lum l-Awtorita' tad-Djar għad ma kellhiex tweġiba formali għat-talba tagħha lill-Kummissarju ta' l-Artijiet sabiex il-bini ndikat ikun trasferit lill-Istess Awtorita'. Tlabt lill-Awtorita' sabiex terġa tqajjem dan il-każ mad-Diviżjoni ta' l-Artijiet.
10.3.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' talbiet li għandha quddiema l-Awtorita' tad-Djar u d-Direttur ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali sabiex tipprovdi akkomodazzjoni alternattiva lill-familji li għandhom tfal b'diżabilita'?
Kemm kien in-numru ta' familji bl-istess problemi li t-talbiet ġew rimedjati matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu mija tmienja u tmenin (188) applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva minn familji li għandhom persuna b'diżabilita'.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli:
(i) Tabella A li tipprovdi nformazzjoni dwar kemm familji li għandhom persuna b'diżabilita' ġew allokati akkomodazzjoni alternattiva mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali bejn l-1994 u Frar 1999;
(ii) Tabella B li tipprovdi nformazzjoni dwar in-numru ta' appartamenti li kienu allokati mill-Awtorita' tad-Djar lill-applikanti b'diżabilita' u dwar xogħol ta' titjib mill-istess Awtorita' fi djar okkupati minn persuni b'diżabilita'.
10.3.99
Peress li f'numru ta' fergħat tal-banek lokali f'Malta u Għawdex l-entratura tal-banek m'hijiex daqstant aċċessibbli għall-persuni b'diżabilita', jista' l-Ministru jibda kordinament uffiċjali mal-banek sabiex dawn in-nuqqasijiet jiġu rimedjati għall-ġid tal-kawża ġusta tal-persuni b'diżabilita' f'pajjiżna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Ministeru ta' l-Ambjent b'kordinazzjoni mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' waqqfu "Accessibility Unit" propju bil-għan speċifiku li jaħdmu biex bini miftuħ għall-pubbliku jkun aċċessibli għal kullħadd, inkluż persuni b'diżabilita', anke dawk li jużaw siġġu tar-roti. Fil-preżent reġgħu bdew taħditiet bejn iż-żewġ naħat biex din il-unit jiżviluppa b'pass aktar mgħaġġel.
Fl-istess waqt, il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' tinsab ukoll f'kuntatt ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex bini miftuħ għall-pubbliku jew rinovazzjoni qawwi ta' bini miftuħ għal pubbliku josserva dan il-prinċipju.
Il-Kummissjoni għamlet u għadha tagħmel diversi rappreżentazzjonijiet ma' fergħat ta' banek individwalment biex dan il-prinċipju jkun osservat. Il-Kunsilli Lokali ukoll ġieli ħadu l-inizjattiva biex, fejn ikun hemm rinovazzjoni ta' bini miftuħ għall-pubbliku, dan isir skond il-prinċipju ta' 'Aċċessibilita għal Kulħadd'.
Il-Kummissjoni tqassam, u ser tkompli tqassam, letteratura speċjaliżżata biex il-banek u bini miftuħ għall-pubbliku jiġi mibni jew rinovat skond dan il-prinċipju.
10.3.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm arretrati li baqgħu ma tħallsux għal xiri ta' mediċini sa Settembru, 1998? Kemm hemm arretrati li baqgħu ma tħallsux sa Jannar, 1999?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-ammont ta' arretrati li kien għad fadal jitħallsu sa 1 ta' Settembru 1998 u 1 ta' Jannar 1999 kien stmat li jlaħħaq skon kif ġej:
Arretrati sa Arretrati sa
01/09/1998 01/01/1999
Lm Lm ---------------- --------------
Arretrati tas-snin preċedenti 955,547 5,308,261
Arretrati tas-sena kurrenti 3,519,941
--------- ---------
Total 4,475,488(circa) 5,308,261(circa)
========= =========
Il-figuri hawn fuq mogħtija, ikopru wkoll, xiri ta' apparat u 'disposables' (Surgical Materials/Prosthetic Orthotic). Dan peress li s-sistema ta' ġbir ta' 'records' ta' l-arretrati ma tippermettix distinzjoni bejn dawn ta' l-aħħar u mediċinali.
Jista' l-Ministru jgħidilna kemm hawn familji f'Malta li qegħdin jiddependu biss mill-għajnuna soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-familji f'Malta li qegħdin jiddependu biss mill-Għajnuna Soċjali huwa ta' 9,808.
Ninforma l-Onor. Interpellant li m'hawn ħadd li jiddependi biss fuq l-Għajnuna Soċjali. F'Każ ta' persuna waħedha, l-għajnuna hi ta' Lm27.13 fil-ġimgħa, liema Għajnuna tiżdied bi Lm3.50 fil-ġimgħa għal kull membru ieħor. Jitħallas ukoll Bonus Addizzjonali ta' Lm1.34 fil-ġimgħa, kif ukoll Bonus ta' kull sitt xhur ta' Lm58. Titħallas ukoll l-Allowance tat-Tfal jew l-Allowance Supplimentari skond il-każ. F'każ ta' mard kroniku titħallas Għajnuna għal Mard ta' Lm5.90 fil-ġimgħa.
10.3.99
Jista' l-Ministru jgħid x'għamel s'issa biex jirregola l-qagħda ta' dawk li jaħdmu part-time u li jitilfu l-benefiċċji għax jaħdmu biss xi siegħa inqas fil-ġimgħa mill-ammont ta' sigħat li wieħed irid jaħdem biex jikkwalifika għal ċerti benefiċċji? Ma jaħsibx il-Ministru li l-gvern jieħu miżuri biex jipproteġi lill-part-timers u jbiddel il-liġi jekk hemm bżonn biex ma nħallux iktar loopholes?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ewwel darba li ħaddiema "part-time" ġew intitolati għal porzjon pro rata għal "leave" b'vaganza, "leave" għall-mard, "leave" għal twelid ta' tarbija, "leave" b'luttu, "leave" għal żwieġ u "leave" għal korriment kien f'April permezz ta' A.L. 61 ta' 1996.
Dan il-"leave" għal "part-timers" hu marbut bil-kundizzjoni li l-impjieg "part-time" ikun l-impjieg prinċipali u li l-għad ta' sigħat tax-xogħol ma jkunx inqas minn għoxrin siegħa.
Qed inżomm konsultazzjonijiet, permess ta' l-uffiċjali tiegħi, ma' l-imseħbin soċjali kollha, sabiex fejn hu possibbli, jitjiebu r-relazzjonijiet bejn il-ħaddiema u min iħaddem, speċjalment fejn jidħlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol.
10.3.99
Fid-dawl ta' l-inċidenti koroħ fejn qed imutu jew ikorru ħaddiema fuq il-lant tax-xogħol u li qegħdin ta' spiss jiġru fl-industrija tal-bini, jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-Health and Safety Unit tul l-1998? Jista' l-Ministru jgħidilna jekk il-pulizija ħaditx passi kontra xi kuntratturi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-korrimenti fuq il-lant tax-xogħol ma jiġrux biss wara nuqqas ta' ħarsien tar-regolamenti li jħarsu s-saħħa u sigurta', iżda jiġru wkoll meta bini ma jittellax skond is-sengħa, meta jittella minn nies mhux kwalifikati jew kompetenti biex jibnu, jew inkella meta jitla bini mingħajr is-superviżjoni ta' perit. F'każijiet bħal dawn, l-Ispetturi tas-Saħħa u s-Sigurta' fuq ix-Xogħol ma jkunux jieħdu passi legali.
Minħabba n-natura tax-xogħol, iżda l-iktar minħabba n-nuqqas ta' "awareness" f'ħaddiema li jagħmlu dan it-tip ta' xogħol, l-Ispettur tas-Saħħa u s-Sigurta' jagħtu mportanza partikolari lil dan is-settur. Fil-fatt, bħala medja, spezzjoni minn kull sebgħa li jsiru tkun fuq postijiet li fihom ikun qed isir bini jew kostruzzjoni (fl-1998, minn 605 spezzjoni, 81 kienu f'postijiet tali).
Waqt dawn l-ispezzjonijiet, l-Ispetturi jieħdu l-opportunita' li jgħallmu lil min ikun qed jaħden b'mod perikoluż. Spetturi jqassmu wkoll kopji b'xejn tal-Kodiċi tal-Prattika għall-Industrija tal-Bini u tal-Kostruzzjoni, maħruġ fl-1997 mill-Kummissjoni għall-Promozzjoni tas-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol; ta' min jirrimarka illi l-abbozz ta' dan il-Kodiċi sar minn Spettur tal-"Occupational Health and Safety Unit".
Wieħed irid jirrimarka illi meta nċident jirriżulta f'xi fatalita jew f'xi korriment serju, issir investigazzjoni mill-"Occupational Health and Safety Unit", waqt li nvarjabbilment tinfetaħ Inkjesta Maġisterjali. Bħal ma' diga' ntqal f'risposti għal domandi parlamentari oħra, hija fid-diskrezzjoni tal-Maġistrat Nkwirenti jekk isejjaħx fl-Inkjesta lill-Ispetturi tas-Saħħa u s-Sigurta'.
Id-Dipartiment tax-Xogħol m'għandux statistika dwar in-numru totali ta' każijiet imressqa l-Qorti mill-Pulizija.
10.3.99
Jista' l-Ministru jgħid xahar b'xahar minn Settembru 'l hawn: (i) kemm saru talbiet ġodda għall-akkomodazzjoni alternattiva u kif inhuma kategorizzati; (ii) kemm ġew allokati djar mid-dipartiment u kemm minnhom kienu rikonoxximent ta' kera u kemm bdil; u (iii) kemm djar abitabbli ġew f'idejn id-dipartiment fl-aħħar ta' kull xahar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
10.3.99
Jista' l-Prim Ministru jgħid bejn il-5 ta' Settembru, 1998 u t-28 ta' Frar, 1999: (i) x'kienu l-kuntratti li ngħataw mill-uffiċċju tiegħu; (ii) min għamel l-ispecifications; (iii) min għamel l-award; (iv) intalbu quotations; (v) kemm kienet kull quotation; (vi) min rebaħ kull kuntratt; u (vii) ingħataw extensions?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Kif jaf l-Onor Interpellant, minn meta fetaħ dan il-
Parlament f'Ottubru li għadda, b'risposti għall-diversi
domandi fir-rigward ta' din il-mistoqsija, diġa tajt
informazzjoni dettaljata, li f'kull każ inħlew ħafna żmien
u enerġija biex tinġabar. Għalhekk, sakemm ma ningħatax
raġuni valida 'l għala l-informazzjoni mitluba għandha
tingħata, ma nara l-ebda skop li dan isir.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-ikla li saret f'Kastilja fl-okkażjoni ta' għeluq sninu din is-sena?
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk intalbux quotations u jekk iva, kemm kienet kull quotation?
Min ipprovda l-ikel u x-xorb? Min kien mistieden għall-ikla?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-ikla li nghatat f'gieħi f'għeluq snini ma saritx minn fondi pubblici.