Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #5536 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sports — Sparar bl-air guns

Question

Billi dan l-aħħar ġie mħabbar f'gazzetta lokali illi xi tiraturi Maltin se jieħdu sehem f'kompetizzjoni ta' sparar tal-air guns barra minn Malta, jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ġew magħżula, fejn sar it-training tagħhom, meta, jekk ħareġ, ħareġ il-permess biex jibda jsir sparar ġewwa ranges għal air gun shooting? Meta ħareġ il-permess biex isir sparar f'indoor range tal-Bidnija?

Response (GALEA, LOUIS)

Dwar l-ewwel parti tad-domanda ma jirriżultalix li hu kompitu tiegħi li nara fuq liema kriterji jiġu magħżula kompetituri biex jieħdu sehem f'kompetizzjonijiet barra minn Malta u fejn sar it-training tagħhom. Dwar it-tieni parti informat li l-ħruġ tal-permessi ma hux responsabbilta' tal-Ministeru tiegħi u għalhekk l-Onor. Kollega hu mistieden jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #5537 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Air Gun Shooting Ranges — Liċenzja

Question

Fid-dawl ta' rapport li deher f'gazzetta lokali li tiraturi Maltin ġew magħżula biex jieħdu sehem f'kompetizzjoni barra minn Malta fuq dan l-isport, jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ranges għal air gun shooting liċenzjati llum? Meta nħareġ il-permess? X'tip ta' permess irid ikollhom it-tiraturi biex jisparaw ġo dawn ir-ranges? Kemm hawn persuni li għandhom il-permess meħtieġ? Meta bdew jinħarġu l-permessi to fire an air gun? Kemm hi l-liċenzja?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li s'issa m'hawn ebda 'air weapons shooting range' liċenzjata. Ninsab infurmat ukoll li kemm il-kwistjoni tal-liċenzji ta' dawn it-tip ta' 'ranges' kif ukoll dawk dwar l-armi użati f'dan it-tip ta' sport qed jiġu kkunsidrati minn kumitat maħtur apposta biex jikkunsidra r-reviżjoni ta' l-Ordinanza dwar l-Armi. 15.03.99
Leg 9 PQ #5538 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Reġistru Pubbliku — Persuna bi bdil ta' sess

Question

Fid-dawl tad-deċiżjoni meħuda mill-Qrati Maltin dan l-aħħar fejn persuna li twieldet bħala tifel, issa li għamlet l-operazzjoni neċessarja u fiżikament, mill-apparenza, minn barra, saret mara, ġiet mogħtija l-permess biex tibdel isimha għal wieħed femminili u anke l-ID Card tgħid illi hija mara, jista' l-Ministru jgħid jekk din il-persuna jew xi ħadd simili issa titlob lill-gvern biex jitħalla jiżżewweġ hawn Malta, xi tkun il-pożizzjoni tal-gvern?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tieni parti tat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5083 f'Seduta 71. 15.03.99
Leg 9 PQ #5539 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Patrol Boats — Patrols

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru patrols mill-patrol boats tat-tip Kondor f'dawn l-aħħar xahrejn? Dan in-numru huwa "normali"?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat li fil-perjodu indikat saru diversi patrols bil-Kondor boats. Matul ix-xahar ta' Jannar kienet qegħda ssir manutenzjoni urġenti fuq dan it-tip ta' inġenji u għaldaqstant ix-xogħol bihom kien minimu. Is-sitwazzjoni reġgħet ġiet għan-normal b'effett mill-1 ta' Frar 1999.

Enemalta — Xiri taż-żejt

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-agreement li għamel l-ex-chairman tal-Korporazzjoni Enemalta għax-xiri ta' żejt b'kuntratt għal sena? Il-Bord tal-Korporazzjoni Enemalta kien jaf u approva dan l-agreement? Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi salesman jew broker li rrakkmanda dan l-agreement u jekk iva, min kienet din il-persuna jew kumpannija? Kemm tħallset senserija fuq dan l-agreement u min ħadha? X'informazzjoni aktar jista'jagħti l-Ministru lill-poplu Maltin dwar dan l-agreement li se jiswa aktar minn 12m dollaru?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Ma' din l-informazzjoni hemm inkluża dettalji dwar 'Fixed Price', 'Floating Price' u l-ammont dovut għax-xahar ta' Frar 1999. Il-Bord kien ta l-approvazzjoni biex iċ-Chairman jinnegozjadawn il-kuntratti. L-Enemalta ttrattat ma' bank barrani dwar dawn il-kuntratti. Il-bank kien rappreżentat minn ditta ta' avukati f'Malta biex sar il-kuntratt, iżda n-negozjati dwar prezzijiet saru dirett mal-bank. Il-Korporazzjoni ma ħallset l-ebda senserija. L-ammont ta' 12-il miljun dollaru huwa maħdum fuq il-prezzijiet ta' bħalissa. Għalkemm il-ħlasijiet isiru kull xahar, l-ammont finali jkun magħruf biss meta tgħaddi s-sena kollha.

Valletta — Slum clearance

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir slum clearance project fi Triq San Patrizju, il-Belt fejn hemm ħafna bini substandard li hu vojt?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għalkemm huwa minnu li kif qed jgħid l-Onor. Interpellant hemm diversi bini vojta u "sub-standard" fl-inħawi ta' Triq San Patrizju il-Belt, m'hemmx ħsieb li l-proġett ta' "Slum Clearance" jiġi estiż f'dawn l-inħawi. Fil-fatt apparti minn tliet proġetti li ilhom ippjanati diversi snin, qed jiġi osservat moratorju fuq proġetti ġodda l-Belt sakemm tiġi ifformulata politika komprensiva b'enfasi aktar fuq rijabilitazzjoni milli fuq twaqqiegħ u b'parteċipazzjoni tas-settur privat kif indikat fil-programm elettorali. 15.3.99

Marxa — Coal Wharf

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jkun irranġat il-berthing site f'Coal Wharf, Ras Ħanżir, il-Marsa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita` Marittima għadha kemm temmet l-ewwel fażi fuq il-proġett ta` `Coal Wharf` u ċioe dak ta` tindif taż-żona ta` madwar. L-Awtorita` Marittima issa se tikkonsidra x`inhuma l-aħjar miżuri li għandhom jittieħdu flimkien ma ` l-ispiża neċessarja sabiex isiru x-xogħlijiet neċessarji fuq dan il-moll.

Awtorita' tad-Djar — Djar/appartamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Awtorita' tad-Djar toħroġ sejħa għal applikazzjonijiet għal djar/appartamenti bil-kera anke fil-każ ta' l-għarajjes fil-futur qrib? Jekk fl-affermattiv, meta hu maħsub li jiġri dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Hu ppjanat li aktar tard din is-sena jinħarġu postijiet bil-kera. Fil-każ ta' koppja għarajjes, sal-lum dawn setgħu japplikaw għall-postijiet b'bejgħ. Madanakollu, fil-ħarġa li jmiss, il-possibilta' li koppja għarajjes jiġu allokati postijiet b'kera tkun kunsidrata. 15.3.99

Djar — Tqassim ta' djar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tqassmu djar fil-Furjana mill-aħħar elezzjoni ġenerali 'il hawn? Kemm minnhom tqassmu lil evictees tas-slum clearance project fil-Furjana stess? Hijiex tingħata xi priorita' lil dawn l-evictees?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi tul iż-żmien indikat fil-Furjana saru żewġ allokazzjonijiet. Dan kien wara talba ta' bdil mill-inkwilini bejniethom 15.3.99

Air Malta — Air hostesses

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħtieġa li jiġu mpjegati air hostesses ġodda mal-kumpannija Air Malta fiż-żmien li ġej? Jekk fl-affermattiv, meta se toħroġ sejħa għal applikazzjonijiet u x'se jkunu l-pre requisites għar-rigward ta' eta' u kwalifiki? Meta daħlu l-aħħar full time air hostesses? Kemm daħlu u xi kwalifiki kellhom f'kull każ?

Response (BONNICI, JOSEF)

Bħalma tagħmel kull sena, l-Air Malta bħalissa għaddejja bil-proċess ta' reklutaġġ ta' Air Hostesses fuq bażi temporanja biex tkun tista' tlaħħaq maż-żieda fit-traffiku matul ix-xhur tas-Sajf. Għal dan il-għan saret talba lill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ u qegħdin isiru l-intervisti tal-kandidati mibgħuta mill-Korporazzjoni. Ġeneralment il-Kwalifiki huma dawk li jintalbu s-soltu, jiġifieri eta` minima ta' 18-il sena u 5 passes fil-Livell Ordinarju jew Matsec. L-aħħar ingaġġ ta' 15-il Air Hostess fuq bażi regolari sar fl-1 ta' Frar 1997. Dawn l-Air Hostesses qabel kienu mpjegati fuq bażi part-time. Il-kwalifiki mitluba meta sar dan l-ingaġġ kienu l-istess bħal dawk imsemmija aktar il-fuq.
Leg 9 PQ #5588 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Tarxien — Triq id-Dejma - Parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jara li ma jsirx parking bl-addoċċ fi Triq id-Dejma ġewwa Ħal Tarxien? Jista' jintlaqa' s-suġġeriment li jsir parking fuq naħa waħda biss tat-triq?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija tad-Distrett qed tieħu passi biex ma jitħallix isir parking bl-addoċċ fit-triq imsemmija pero' għaddejt l-ilment lill-Pulizija. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi s-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant ser ikun riferut lill-Bord tal-Kontroll tat-Traffiku. 15.03.99

Xgħajra — Trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jara li l-karozza tal-linja tinżel minn Triq ix-Xatt għal Duret ix-Xatt ġewwa x-Xgħajra?

Response (GALEA, ĊENSU)

Għaddejt it-talba ta` l-Onor Interpellant għall-kunsiderazzjoni ta` l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku.
Leg 9 PQ #5591 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru tas-Saħħa

Mediċini — Pilloli Troligazone

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pilloli Troligazone jistgħux jingħataw taħt l-iskeda numru ħamsa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-pilloli Troglitazone (u mhux Troligazone), id-Dipartiment tas-Saħħa jinsab infurmat li dawn il-mediċini ġew irtirati mis-suq minħabba ħsara li jġibu fil-fwied.
Leg 9 PQ #5593 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Agrikoltura — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna ħaddiema jaħdmu fis-settur ta' l-agrikoltura fulltime u part-time?

Response (ZAMMIT, NINU)

Fis-settur tal-Agrikoltura u Sajd f'Settembru 1998 kien hemm 2,582 ħaddiem full-time. Skond iċ-Ċensiment li sar f'Settembru 1991 fis-settur tal-Agrikoltura kien hemm 21,418 part-timers.
Leg 9 PQ #5599 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru għall-Ambjent

Perit Mintoff — Proprjeta' "Ta' l-Għarix"

Question

Billi skond il-letter of intent tat-22 ta' Mejju, 1998 il-proprjeta' "Ta' l-Għarix tal-Perit Mintoff kellha tiġi ttrasferita lill-Gvern Malti, jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jistenna l-Gvern Nazzjonalista biex jieħu din il-proprjeta' fid-dawl tal-fatt li l-Gvern Nazzjonalista ħallas lill-Perit Mintoff Lm128,000 ftit ġimgħat wara l-elezzjoni ġenerali?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

It-trasferiment illi qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant ikun jista' jsir meta l-kundizzjonijiet l-oħra kollha indikati fl-istess 'letter of intent' ikunu onorati.
Leg 9 PQ #5600 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Perit Mintoff — Proprjeta' "Ta' l-Għarix"

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu t-tħejjijiet sabiex il-proprjeta' "Ta' l-Għarix" tal-Perit Mintoff tiġi ttrasferita lill-Gvern ta' Malta skond il-letter of intent tat-22 ta' Mejju, 1998?

Response (BORG, TONIO)

It-trasferiment isir malli jsir il-ftehim finali dwar din il-kwestjoni. 15.03.99
Leg 9 PQ #5601 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Industrial Relations Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern dwar it-twaqqif ta' l-Industrial Relations Unit, li kien wasal biex iwaqqaf Gvern Laburista?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru responsabbli għar-relazzjonijiet industrijali.
Leg 9 PQ #5602 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Qrati — Impjegat

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta u min se jissostitwixxi lil persuna li isimha qed jintbagħat separatament fil-kariga li kien jokkupa fil-qorti qabel ddeċieda li jirreżenja?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-Gvern qed jieħu passi biex jirristruttura l-karigi għoljin tal-Qorti fejn, fost ħwejjeġ oħra, se ssir distinzjoni ċara bejn l-aspett legali u l-aspett amministrattiv. Qed titħejja sejħa għall-applikazzjonijiet biex jimtlew il-postijiet vakanti fl-istruttura l-ġdida mingħajr dewmien.
Leg 9 PQ #5603 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Qorti — Reġistri tal-Qorti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu jżomm il-progress tax-xogħlijiet li għandhom iwasslu għat-trasferiment tar-reġistri tal-qorti għal fejn tinsab alloġġjata l-għassa tal-pulizija tal-Belt?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, it-trasferiment tar- reġistri jiddependi minn meta l-Pulizija jmorru fl-għassa l- ġdida li qed tinbena fl-ex Parcel Post Office. Ninsab infurmat li din l-għassa kellha titlesta matul l-1998 iżda billi l-Pulizija dehrilhom li kellhom iżidu xi xogħlijiet, il-proġett ittardja xi ftit. Ninsab infurmat ukoll li dan ix-xogħol addizzjonali issa huwa kważi lest u l-proġett kollu huwa qrib ħafna li jigi konkluż għal kollox. Hu proġettat li t-trasferiment isir matul is-sajf li ġej.
Leg 9 PQ #5604 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju ta' l-Assistenti Ġudizzjarji

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu jżomm il-progress tax-xogħlijiet li għandhom iwasslu għal trasferiment ta' l-Uffiċċju ta'l-Assistenti Ġudizzjarji minn fejn huma alloġġjati fil-bini tal-Qorti għal ġo l-Annex tal-Qorti?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li qabel ma jitlesta l-istudju ta` kif qed jiġi użat l-ispazju eżistenti kollu tal-Qorti, l-Uffiċċju ta` l-Assistenti Ġudizzjarji għalissa se jibqgħu fejn huma.