Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dettaljat lill-Kamra dwar il-pożizzjoni ta' l-assi ta' l-ex-BICAL u fiex waslet il-pożizzjoni ta' dawk li għandhom l-interess fil-flus li kienu ddepożitaw? Meta se jsir xi pagament lid-depożitanti?
Response (DALLI, JOHN)
Peres li għad hemm ħafna pendenzi, f`kawżi li għad iridu jiġu deċiżi mill-Qorti, mhux possibli li għal issa jingħataw dettalji dwar il-pożizzjoni ta` l-assi tal-BICAL. Qegħdin isiru arranġamenti biex jingħata pagament lid-depożitanti matul din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid kif fi Triq San Mark u Irish Street f'Bormla ma sarux lampi fihom? Peress li dawn ġew rapportati kemm-il darba u għadu ma sar xejn, jista' l-Ministru jara għalfejn dan id-dewmien peress li r-residenti ta' dawn it-toroq huma anzjani u għandhom ħafna taraġ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ma jirriżultax li hemm pendenti talbiet għal lampi ġodda fit-toroq imsemmija. Rigward ħsarat, il-manutenzjoni meħtieġa saret fl-10 ta' Marzu 1999.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li interviews li kellhom isiru biex jidħlu nies fil-Freeport f'Marzu, 1999 tħassru? Kemm kien hemm ħsieb li jidħlu ħaddiema?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-intervisti li għalihom qed jirreferi ma ġewx imħassra iżda posposti.
Ma naħsibx li f'dan l-istadju wieħed għandu jagħti dettalji dwar numru ta' ħaddiema meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid il-post Flat 2 Blk 7 Triq Tal-Ħawli, Birgu li ġie battal minn żewġ anzjani li mietu snin ilu, minn min ġie okkupat? Kif jista' jispjega l-Ministru li dan l-aħħar kien hemm xi persuni oħra jabitaw f'dan il-flat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi fl-estate tal-Ħawli, l-Birgu ma hemm l-ebda Blokk bin-numru 7.
15.3.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinformana b'mod uffiċjali (minflok ikollna noqogħdu fuq informazzjoni mill-gazzetti) min huma l-persuni li ġew maħtura ambaxxaturi ta' pajjiżna f'pajjiżi oħra? Min huma dawk li se jinbidlilhom posthom u min huma dawk li għalihom il-Gvern Malti qiegħed jistenna l-agreement dwarhom minn gvernijiet barranin?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant, il-ġurnali fir-rapporti tagħhom sikwit ikollhom informazzjoni skorretta kemm f'partijiet kif ukoll fit-totalita ta' l-artikoli li jippublikaw. Għalhekk mhux għaqli li wieħed joqgħod fuq informazzjoni ta' ġurnali bħala waħda uffiċjali.
Rigward it-tieni domanda, l-Onor. Interpellant jaf tajjeb li mhux korret li l-Ministeru jiżvela l-ismijiet ta' min ikun nominat Ambaxxatur qabel ma l-Gvern konċernat jagħti l-agreement tiegħu. Irrid iżda nżid illi ma' l-ismijiet li semmejt fir-risposta għall-mistoqsija numru 4616 illum hemm ukoll dak ta' Dr. Joe Cassar li se jieħu l-kariga ta' Ambaxxatur ta' Malta għall-Italja f'nofs April.
Jista' l-Ministru jgħid xi tkun ir-raġuni li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar idumu ħafna sabiex jagħtu risposta lil xi kunsill lokali u dan anke fid-dawl tat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 5023?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li normalment l-Awtorita' tal-Ippjanar ma ddumx ma tagħti tweġiba.
Għar-rigward tar-referenza magħmula għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5023, ninsab infurmat li l-aħħar korrispondenza dwar il-każ kienet ittra mill-Kunsill bid-data ta' 21 ta' Awissu, 1998, li t-tweġiba għaliha ngħatat fl-1 ta' Settembru, 1998. Mat-tweġiba ntbagħat ukoll kopja tal-permess bil-kundizzjonijiet imposti maħruġ mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar fis-27 ta' Lulju 1998. Il-faċċata ta' Villa De Fremaux m'għandiex titwaqqa'.
15.03.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk iż-żmien ta' l-għeluq tas-sejħa għal skrivani part-time għall-erba' skejjel li saret dan l-aħħar, ġiex imġedded? Jekk iva, x'kienet ir-raġuni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-ingaġġ ta' part-time Clerks kienet tagħlaq fl-24 ta' Frar 1999. Din id-data ġiet estiża sat-Tnejn l-1 ta' Marzu 1999, wara li ġie avżat fil-Gazzetta tal-Gvern, li l-iskola ta' l-Imtarfa oriġinarjament reklamata bħala dik tal-Primarja, kellha filfatt tkun dik tas-Sekondarja tas-subien, Sir Temi Żammit.
Jista' l-Ministru jgħid bħala informazzjoni fiex tinsab l-applikazzjoni numru PA 5111/95?
Veru li l-permess li kien inħarreġ inżamm? Jekk hu hekk, x'inhi r-raġuni li x-xogħol f'dan il-post baqa' sejjer?
X'għamlet l-Awtorita' ta' l-Ippjanar sabiex tiġi osservata l-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni PA 5111/95 kienet ġiet approvata fl-24 ta' Ġunju, 1998 u l-permess inħareġ fis-27 ta' Lulju, 1998. Fil-11 ta' Awissu 1998, l-Awtorita' rċeviet Appeal Against Conditions tal-permess, liema appell għadu pendenti.
Ninsab infurmat ukoll li l-permess maħruġ fl-ebda zmien ma ġie rtirat iżda nħareġ Stop Notice.
L-Awtorita' qegħda tispezzjona s-sit in kwistjoni sabiex tassigura li l-kundizzjonijiet tal-permess jiġu osservati.
15.03.99
Dipartiment ta' l-Artijiet — Allokazzjoni ta' post
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 5262 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi u ċioe' jista' jgħid lil min se jiġi allokat il-post numru 126, Archbishop Street, Valletta peress li hemm ħafna għaqdiet li jixtiequ jikruh? Tista' tittieħed deċiżjoni malajr? Jekk diġa' ġie f'arranġamenti, lil min ġie allokat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-fond li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellanti għadu ma ġiex allokat. Iċ-ċwievet għadhom f'idejn id-Dipartiment ta' l-Estate Management li qed jara kif ikun l-aħjar mod li jiddispopni minn dan il-fond.
15.03.99
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjani tal-gvern rigward l-introduzzjoni ta'cameras u tagħmir ieħor li jiġbdu r-ritratti u jirrekordjaw l-ispeed tal-karozzi magħrufa bħala CCTV biex ikun hawn kontroll u sewqan aħjar fit-toroq?
Jista' l-Ministru jwieġeb din il-mistoqsija li hija ripetizzjoni tal-mistoqsija parlamentari numru 5018 li għamilt lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u li rriferini għalik?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tikkunsidra attivament ix-xiri ta' l-apparat li rrefera għalih l-Onor. Interpellant wara li l-vot kapitali tal-Pulizija għas-sena kurrenti żdied bi 40% fl-aħħar Budget.
15.03.99
Jista' l-Ministru jikkonferma li wieħed mill-inspectors ta' l-ETC li kienu qed jiġu nvestigati dwar abbużi fi dmirijiethom riċentement ingħata promotion? Fuq liema kriterji ngħatat din il-promotion?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena nfurmat illi l-ETC għamlet sejha interna għall-postijiet vakanti ta' Senior Clerk li għaliha applikaw diversi ħaddiema tal-Korporazzjoni stess. Ninsab infurmat ukoll illi twaqqaf Bord ta' l-Għażla li kien kompost minn Mario Xuereb, General Services Division; Felix Borg, Training Services Division; u Charles Cassar, Human Resources and Administration li intervistaw lil kull min applika, liema Bord għamel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu b'mod unanimu. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew aċċettati miċ-Chief Executive u jinkludu persuna li qabel kienet Spettur.
15.3.99
Jista' l-Ministru jgħid x'korsijiet qed isiru mill-ETC biex jgħinu negozjanti żgħar imexxu aħjar in-negozju tagħhom? Liema huma? Kemm qed jattendu għal kull kors? Dawn il-korsijiet isiru f'ħinijiet addattati għal dawn in-nies? Meta ġie introdott kull kors mill-ETC?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ s'issa torganizza sitt korsijiet fil-qasam tat-tmexxija ta' negozji żgħar. Dawn huma:
Kif tibda negozju
Servizzi t'għajnuna għan-negozju
Kif tmexxi l-finanzi
Kif tmexxi l-ħaddiema
Kif tmexxi s-swieq
Kif torganizza x-xogħol
Fi Frar li għadda kien hemm kors wieħed għaddej dwar 'Kif tibda negozju' li għalih attendew seba' persuni.
Il-Korsijiet isiru wara nofsinhar jew fil-għaxija biex ikun faċli għall-applikanti biex jattendu. Dawn il-korsijiet issa ilhom isiru għal diversi snin.
Bil-għan li l-Korporazzjoni tħajjar aktar negozjanti jattendu, saru arranġamenti ma' diversi Kunsilli Lokali biex il-korsijiet isiru fuq bażi lokali kemm il-darba jkun hemm biżżejjed applikanti li jiġġustifikaw dan.
15.3.99
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport magħmul mill-esperti Ġermaniżi GTZ dwar l-istat tat-toroq f'pajjiżna? Jista' l-Ministru jgħid liema partijiet mill-istess rapport huwa maħsub li jkunu addattati mill-Gvern tal-ġurnata u minn meta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed inqiegħed fuq il- mejda tal-kamra kopja ta` dan ir-rapport. Dwar it-tieni parti tad-domanda għad fadal iktar xogħol x`isir qabel ma jiġi deċiż liema partijiet ser jiġu addattati u meta, għalkemm il-parti dwar il-kwalita tax-xogħol u kontroll tiegħu diġa qed tiġi applikata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intuża petrol għall-karozza Nru. DBB 702 tad-Dipartiment tas-Saħħa bejn Ottubru 1998 u l-aħħar ta' Frar, 1999?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta' petrol li ntuża għall-karozza Nru. DBB 702 bejn Ottubru 1998 u Frar 1999 kien jammonta għal 596.40 litri, li jlaħħaq is-somma ta' Lm214.48.
Peress li fi żmien gvern preċedenti kienu bdew diskussjonijiet bejn il-gvern u l-knisja biex isir użu minn proprjeta'li hi tal-knisja f'post ċentrali f'Malta ħalli jintuża bħala tarġa oħra biex pazjenti b'mard mentali jiġu riabilitati u ntegrati lura fis-soċjeta', jista' l-Ministru jgħid fiex waslu dawn id-diskussjonijiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlestew 'Policy paper' u pjan t'azzjoni maqbula bejn rappreżentanti tal-Gvern u tal-Knisja. Qabel ma wieħed jimxi għall-implimentazzjoni qed nistennew li l-awtoritajiet rispettivi japprovaw il-'Policy Paper' u l-pjan t'azzjoni biex nimxu lejn time table t'implimentazzjoni.
Billi qed jinħass il-bżonn li tinfetaħ fi żmien kemm jista' jkun qasir l-acute integrated admission ward maġemb il-FW6 ħalli jittaffew il-problemi ta' l-Admission Ward 2 (irġiel) li għandha numru aktar milli suppost ta' pazjenti, jista' l-Ministru jgħid meta mistennija li tinfetaħ l-Acute Integrated Admission Ward?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlestiet il-Medical Brief ta' Unit integrat akut u bħalissa qed isiru diskussjonijiet biex jiġu determinati l-'options' dwar disinji. Għadu għalhekk ftit prematur li wieħed jikkommetti ruħu dwar dati.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li biex wieħed japplika għal course ta' local wardens organizzat mill-ETC intalab il-ħlas ta' Lm50?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ qed titlob ħlas ta' Lm50 mingħand l-applikanti għall-kors ta' local wardens biex tkun tista' tiffinanzja parti mill-ispejjeż li daħlet għalihom biex torganiżża dan il-kors. Meta wieħed iqis il-kontenut tal-kors, il-kapaċitajiet ta' l-għalliema u s-sigħat involuti, wieħed jirrealizza li l-ħlas huwa baxx. Persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol ma ntalbux iħallsu l-Lm50.
15.3.99