B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3663, jista' l-Ministru jgħid kif il-bord ta' l-intervisti wasal biex ta l-marki lill-kandidati fil-kriterji ta' l-abilita' u mertu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4662 li hija identika għal din magħmula mill-istess Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid meta d-Dipartiment tat-Toroq se jagħti attenzjoni bis-serjeta' lill-istat diżastruż li jinsabu fih dawn it-toroq - Triq il-Ġunġlien, Triq il-Ħabbież, Triq Amleto Spiteri, Triq Ġużeppi Ciappara, Triq it-Tensiela u Triq Dun Mario, f'Ħal Qormi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li dawn it-toroq huma diġa asfaltati u x-xogħol tal-manutenzjoni jew resurfacing isir mill-Kunsill.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilhom li ġew maħtura l-membri l-ġodda tal-bord ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Liema kienu l-applikazzjonijiet għal xi tip ta' żvilupp li ġew ippreżentati għall-konsiderazzjoni ta' din l-Awtorita', sew min-naħa tal-Kummissjoni għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp kif ukoll minn sorsi oħra? F'liema data rispettivament kull waħda minn dawn l-applikazzjonijiet ġiet imressqa quddiem l-istess bord u liema minn dawn, każ b'każ rispettivament, għadhom pendenti għal xi raġuni jew oħra? Jekk jirriżulta li hemm każi pendenti, kif jista' jiġi jew qed jiġi ġġustifkat dan id-dewmien f'kull każ rispettivament?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-Bord ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, kif inhu kompost illum, inħatar fl-1 ta' Novembru, 1998.
Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
15.03.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4184, jista' l-Ministru jwieġeb il-parti tal-mistoqsija relevanti għall-Ministeru tiegħu kif indikat mill-Prim Ministru u cioe' f'liema dipartimenti jew korporazzjonijiet hemm impressed drivers u x'vetturi għandhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
It-Tweġiba li pprovda l-Prim Ministru għall-Mistoqsija Nru. 4184 fil-fatt tipprovdi wkoll informazzjoni dwar liema Dipartimenti u Korporazzjonijiet qed jaħdmu fihom l-"impressed drivers". Li ma tipprovdix hija nformazzjoni dwar it-tip ta' vettura li qed tinkera.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tipprovdi din l-informazzjoni f'dak li għandhom x'jaqsmu d-Dipartimenti u l-organiżżazzjonijiet l-oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
Irrid niċċara li fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Nru. 4184, in-numru (8) ta' "impressed drivers" li jidhru taħt "Social Security" issa qed nurihom taħt żewġ Dipartimenti (Servizzi Korporattivi u Sigurta' Soċjali) waqt li dawk (6) li jidhru taħt "Social and Family Affairs" issa wkoll qed nurihom taħt żewġ Dipartimenti (Kura ta' l-Anzjanii u Ħarsien tal-Familja).
15.3.99
Jista' l-Ministru, in vista tad-domanda parlamentari numru 4051, jinforma lill-Kamra jekk tistax issir manutenzjoni tal-Kappella ta' Santa Luċija li qiegħda fit-triq minn ħdejn tal-Barrani għar-raħal tal-Gudja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kappella ta' Sana Luċija m'hijiex responsabilta' tad-Dipartiment tal-Mużewijiet iżda tal-Kapitlu tal-Katidral.
Jista' l-Ministru, in vista tad-domanda parlamentari numru 4050, jinforma lill-Kamra jekk id-dipartiment konċernat ħax ħsieb li ssir il-manutenzjoni neċessarja għall-bieb u l-intern tal-Kappella tal-Ħarba lejn l-Eġittu f'Pinto Wharf?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din hija materja tal-Valletta Rehabilitation Committee u għalkemm ma nsibx diffikulta' li ngħaddi l-Mistoqsija għall-attenzjoni tagħhom, ikun aħjar jekk l-Onor. Ħabib tiegħi jirrivolġi ruħu għall-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru, in vista tad-domanda parlamentari numru 4025, jgħid u jinforma lill-Kamra dwar liema xogħol ta' restawr għandu jsir fuq il-Palazz tal-Gran Mastri fl-Imdina fejn hemm il-Mużew ta' l-iStorja Naturali tul din is-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mill-mistoqsija parlamentari numru 4025 'l hawn, diġa' beda xi xogħol ta' tindif fuq is-swar tan-naħa tal-lvant tal-Palazz Vilhena. Meta dan jitlesta għandu jingħata konkos biex titnaqqas il-possibilita' illi s-swar ta' dik in-naħa jiġrilhom aktar ħsara.
Minn naħa l-oħra din is-sena għandu jibda wkoll ix-xogħol ta' restawr fuq il-faċċata prinċipali ta' dan il-Palazz, speċjalment fuq il-lavur tal-kolonni, statwi, dekorazzjonijiet, u twieqi li ħafna mill-ġebel tagħhom tmermer u huma ta' periklu. Dan ix-xogħol huwa proġettat u ffinanzjat mis-sezzjoni tar-restawr fi ħdan il-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Biss l-armar meħtieġ biex isir ix-xogħol se jiġi fornut mid-Dipartiment tal-Mużewijiet.
Huwa maħsub ukoll illi din is-sena jitbajjdu l-kurituri prinċipali li jiċċirkondaw il-bitħa interna u wkoll jitbiddlu xi travi ta' l-injam fis-sala li kienet tintuża bħala kappella fiż-żmien meta l-Mużew kien sptar. Dan ix-xogħol se jiġi esegwit mill-ħaddiema ta' l-iskola tal-bini li qegħda fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u l-materjal se jkun fornit mid-Dipartiment tal-Mużewijiet.
Jista' l-Ministru, in vista tad-domanda parlamentari numru 3773, jinforma lill-Kamra dwar jekk kemm-il darba hemmx il-ħsieb li jsiru żviluppi fuq ir-rapport ippreżentat mill-mibki Perit Joseph Huntingford rigward l-istat ta' l-imtieħen ġewwa Malta u Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li m'għandniex kopja ta' dan ir-rapport billi qatt ma ġie ppreżentat lid-Dipartiment tal-Mużewijiet. Ser inkompli nindaga dwar il-materja.
Jista' l-Ministru, in vista tad-domanda parlamentari numru 3686, jinforma lill-Kamra b'kemm hemm ħaddiema fid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tat-tieni distrett?
Response (ZAMMIT, NINU)
Id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura għandu tlettax il-ħaddiem jaħdmu full-time f'dan id-distrett. Hemm ukoll 'team' ta' wieħed u għoxrin ħaddiem li jagħmel parti mix-xogħol f'parti mit-tieni distrett. Min-naħa l-oħra x-xogħol ta' żabra jitwettaq minn parti ta' sezzjoni ta' għoxrin persuna li tieħu ħsieb Malta kollha.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra b'kemm hemm kirjiet u ċnus mogħtija mil-Lands Department lill-pubbliku in ġenerali li huma 'l fuq minn ħames mitt lira (Lm500) iżda li ma jaqbżux l-elfejn lira (Lm2000) bħala ħlas fis-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' kirjiet u ċnus mogħtija mill-Lands Department lill-pubbliku in ġenerali li huma l'fuq minn Lm500 iżda li ma jaqbżux l-Lm2,000 hu ta' 586.
15.03.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra liema kienu l-kunsilli lokali ta' Malta li talbu lill-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku sabiex testendi servizz ġdid tat-trasport fil-lokalitajiet rispettivi matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena? Liema rotot ġodda ġew approvati? Fuq liema kriterji l-awtorita' ma kkonsidratx dawn it-talbiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li matul l-aħħar sentejn l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku naqsulha diversi impjegati amministrattivi mingħajr ma ddaħħal ħaddiehor flokhom u billi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant jirrikjedi ħin twil ħafna u riżorsi biex jinġabar peress li dan l-eżerċizzju jfisser li trid tara kull `file` ta` kull Kunsill Lokali, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jekk jixtieq it-tagħrif mitlub dwar xi Kunsill jew Kunsilli Lokali partikolari, jinformani.
Jista' l-Ministru issa jirrispondi l-mistoqsija parlamentaru numru 4667?
Response (BONNICI, JOSEF)
Sa l-aħħar ta' Mejju l-Enemalta pprogrammat li fl-Imġar jitwaħħlu 19-il lampa ġdida u fil-Mellieħa 8; filwaqt li minħabba vultaġġ baxx ser jinbidlu 42 arblu fir-Rabat, 15 fl-Imġarr u 2 f'San Pawl il-Baħar.
Jista' l-Ministru issa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 4668 li saret fis-Seduta Nru. 68?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li visitaturi/turisti li huma rapportati li daħlu jżuru l-mużewijiet nazzjonali li għandna fil-gżejjer tagħna matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena flimkien ma' dħul finanzjarju għal kull sena hi kif se nsemmi:
Sena Visitaturi/Turisti Dħul finanzjarju
1994 1,174,020 Lm659,555.80
1995 1,018,042 Lm609,704.70
1996 974,486 Lm633,975.02
1997 1,045,849 Lm666,875.54
1998 1,246,995 Lm918,260.00
Peress li laqgħat mal-Kunsill Lokali tar-Rabat u l-awtoritajiet konċernati sabiex Triq G. Borg Olivier, Rabat Malta ssir one-way ilhom snin għaddejjin, ma jħossx il-Ministru li jkun aktar rispettabbli għar-residenti jekk mill-aktar fis possibbli jsir pjan ta' xahar ħalli wara tkun tista' tiġi evalwata s-sitwazzjoni? Ma jħossx il-Ministru li jekk ma jsirx dan ma jkunux qed jiġu rispettati r-residenti ta' din it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari Nru. 4281.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru kuntratti ta' bejgħ ta' residenzi mill-Awtorita' tad-Djar lill-inkwilini bejn l-1 ta' Ġunju, 1987 u l-31 ta' Ottubru, 1996?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bejn l-1 ta' Ġunju 1987 u l-31 ta' Ottubru 1996, l-Awtorita' tad-Djar għamlet 691 l-att ta' bejgħ favur inkwilini li joqgħodu f'residenzi tal-Gvern.
15.3.99
Jista' l-Ministru jgħidilna jekk ingħatawx kuntratti għax-xogħol ta' ġonna pubbliċi fil-Housing Estates? Jekk iva, jista' l-Ministru jelenka liema huma l-ġonna pubbliċi u lil min ingħataw il-kuntratti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
15.3.99
Jista' l-Ministru jgħid xahar b'xahar minn Settembru 'l hawn kemm kien hemm nies li kienu jaħdmu għal rashom u bdew jirreġistraw għax-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dawn taħt huma n-nies li kienu jaħdmu għal rashom u bdew jirreġistraw għax-xogħol, minn Settembru 1998 sa Jannar 1999 xahar b'xahar:
Settembru 1998 - 78
Ottubru 1998 - 68
Novembru 1998 - 63
Diċembru 1998 - 67
Jannar 1999 - 63
15.3.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni 'l fuq minn 61 li kienu għadhom jaħdmu fl-aħħar ta' Jannar 1999; kemm minn dawn kienu self-employed; u kemm minnhom kienu fuq bażi part-time jew fulltime?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fl-aħħar ta' Jannar 1999 kien hemm 4,780 persuna (Full time u part time) li kellhom 'il fuq minn 61 sena u li kienu għadhom jaħdmu. Minn dawn kien hemm:
* 1,276 persuna li kienu "self-employed" ("full-time")
* 2,227 fuq bażi "part-time" (jinkludu wkoll is-"self-employed") u
* 2,553 fuq bażi "full-time" (jinkludu wkoll is-"self-employed").
15.3.99
Għall-perijodu mill-5 ta' Settembru sal-lum, jista' l-Ministru jgħid kemm-il tender ta' valur akbar minn Lm10,000 ġie approvat mill-ministeru tiegħek; il-valur ta' kull tender; lil min ġie awarded; u n-natura (provvista, xogħol, servizz) ta' kull tender?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
15.3.99