Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-iktar kopji riċenti ta' sejħiet għal mili ta' vakanzi għal clerk I, Executive Officer, Assistant Principal, Customer Service Assistant u Customer Service Officer fil-Maltacom plc?
Response (BONNICI, JOSEF)
Din il-mistoqsija diġa` tajt tweġiba għaliha meta rrispondejt il-mistoqsija parlamentari numru 4661 magħmula mill-istess Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-compliment għal grad ta' Assistant Head of Customer Service fil-Customer Care Unit fi ħdan il-Maltacom huwa ta' tnejn? Jista' l-Ministru jikkonferma wkoll li bħalissa hemm Assistant Head of Customer Service min-naħa tat-telegrafija u fergħat nieqes? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk il-Maltacom għandhiex il-ħsieb li timla' din il-vakanza u jekk fil-pożittiv, meta u x'inhuma r-rekwiżiti biex impjegat ikun jista' japplika?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-compliment għal grad ta' Assistant Head of Customer Service huwa ta' tnejn. Bħalissa hemm vakanza waħda f'dan il-grad u s-sejħa interna għall-mili ta' din il-vakanza diġa ħarġet.
Jista' l-Ministru jgħid meta kienet l-aħħar darba li kull X-ray machine li hemm l-Isptar San Luqa ġiet maintained? Jista' l-Ministru jgħid liema minn dawn l-X-ray machines m'humiex qed joħorġu X-rays ċari biżżejjed biex it-tobba jistgħu jaqdu dmirhom kif suppost?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Sptar San Luqa — Customer Care Services - Complaints
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru complaints, xahar b'xahar minn Settembru 'il hawn, lill-Customer Care Services ġewwa l-Isptar San Luqa? X'tip ta' complaints kienu u tista' tingħata breakdown skond il-kategorija?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-complaints li kellhom bżonn xi azzjoni xahar b'xahar minn Settembru 1998 sa llum, mill-Customer Care Unit ta' San Luqa kienu kif ġej:
XAHAR COMPLAINTS
---------------------------
Settembru 1998 96
Ottubru 1998 114
Novembru 1998 75
Diċembru 1998 87
Jannar 1999 97
Frar 1999 62
---------------------------
Il-complaints kienu jirrigwardaw:-
Complaints Numru ta' Perċentwali
complaints
------------------------------------------------ -------
1. Talbiet għal informazzjoni 175 33%
2. Spiżerija/Mediċini 159 30%
3. Appuntamenti 94 18%
4. Files/X-Rays mhux misjuba 73 14%
5. Swali 23 4%
6. Oħrajn 7 1%
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kotba bil-lingwa Ingliża inxtraw tul dawn l-aħħar ħames snin għal-libreriji pubbliċi u kemm minn dawn intbagħtu lil-librerija pubblika ta' l-Auberge D'Anglettere ġewwa l-Birgu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul dawn l-aħħar ħames snin, il-libreriji pubbliċi xtraw tmienja u erbgħin elf, ħames mija u tlieta u sittin (48,563) ktieb bl-ilsien Ingliż u minnhom intbagħtu, elf, ħames mija u ħdax (1511) fil-lbirerija pubblika ta'l-Auberge D'Angleterre ġewwa l-Birgu.
Sena Kotba mixtrija Kotba mibgħuta
bl-ilsien Ingliż l-Librerija tal-Birgu
1994 10,995 299
1995 11,087 340
1996 9,869 355
1997 9,734 253
1998 6,878 264
Totali 48,563 1,511
Jista' l-Ministru jgħid u jinforma l-Kamra kemm hemm preżentement għalliema rġiel fl-iskejjel primarji u sekondarji li għandhom l-eta' ta' ħamsa u erbgħin (45) sena iżda ma jaqbżux l-ħamsin sena (50) u kemm hemm li għandhom ħamsin sena (50) u kemm hemm li għandhom ħamsin sena (50) iżda li ma qabżux is-sitta u ħamsin sena (56)?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' għalliema maskili fi skejjel primarji bejn l-etajiet ta' ħamsa u erbgħin (45) sena u ħamsin (50) sena jammonta għal sitta u għoxrin (26).
In-numru ta' għalliema maskili fi skejjel primarji bejn l-etajiet ta' ħamsin (50) sena u sitta u ħamsin (56) sena jammona għal mija u sittax (116).
In-numru ta' għalliema maskili fi skejjel sekondarji bejn l-etajiet ta' ħamsa u erbgħin (45) sena u ħamsin (50) sena jammonta għal mija wieħed u sittin (161).
In-numru ta' għalliema maskili fi skejjel sekondarji bejn l-etajiet ta' ħamsin (50) sena u sitta u ħamsin (56) sena jammonta għal mitejn disa' u erbgħin (249).
Jista' l-Ministru jikkonsidra li jsir programm ta' xogħlijiet ta' manutenzjoni fuq il-bjut, il-bini, il-komun, eċċ. tal-mużewijiet tar-Rabat, Malta? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fi snin reċenti sar xogħol estensiv biex jipproteġi s-saqaf tal-Villa Rumana mill-ilma. Matul is-sajf li għadda reġa' sar xogħol ta' manutenzjoni esterna fuq l-istruttura ta' dan il-mużew. Twettaq ukoll xogħol ta' manutenzjoni fuq il-kmamar li jiproteġu l-intrati tal-katakombi ta' San Pawl.
Rigward l-ispazji miftuħa li hemm madwar dawn is-siti kif ukoll fis-Saqqajja, dawn qegħdin jitnaddfu regolarment waqt li jinbexxu b'erbiċidi li ma jagħmlux ħsara lill-fdalijiet.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra liema huma dawk is-siti ta' natura storika li għaddew f'idejn il-gvern meta nxtrat il-proprjeta' tal-Knisja mill-istess gvern? Jista' l-Ministru jgħid x'policy għandu l-gvern dwar dawn iz-zoni partikolari?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 3540 u Nru. 4343.
16.03.99
B'riferenza għal mijiet ta' liġijiet u eluf ta' regolamenti li jridu josservaw il-bdiewa, ir-raħħala, is-sajjieda u proċessuri u produtturi oħrajn, jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra liema huma dawk ir-riservi li se jressaq il-gvern Malti sabiex jassigura li ma jkunx hemm impatt negattiv fuq dawn is-setturi fil-gżejjer tagħna? Min huma l-persuni li qed iwettqu dan l-istħarriġ u/jew iħejju dawn il-proposti?
Response (MARCO, GUIDO DE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Membru qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm huwa t-tunnellaġġ tal-laħam tal-Beef Intervention Scheme li qed jinħażen fil-cold rooms tal-Biċċerija? X'kienu r-raġunijiet li qed jinħażen dan il-laħam u xi prezz kien qed iġib dan il-laħam taċ-ċanga qabel il-5 ta' Settembru?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi:
1. Il-piż tal-laħam tal-Beef Intervention Scheme maħżun fil-Cold Rooms tal-biċċerija huwa ta' 67,537kg li minnu 21,837 huwa mibjugħ. Filwaqt illi 45,700kg ma huwiex.
2. Ir-raġuni għaliex dan il-laħam ma mbieħx hija illi t-tender li ħarġet is-sena l-oħra għalqet u għal din is-sena għalkemm ħarġu żewġ sejħiet għall-offerti, ma offra ħadd.
3. Il-prezz ta' l-offerta tas-sena l-oħra kien ta' 78c5 kull kilo.
Pero ninforma lill-Onor. Interpellant li qed jiġu mistħarġa ċertu possibilitajiet li permezz dan il-laħam jinbiegħ bi prezz raġjonevoli.
Peress li x-xogħlijiet meħtieġa fuq l-għalqa Ta' Kola fir-Rabat, Malta għadhom pendenti u peress li għadda żmien ġmielu mindu l-Prim Ministru wieġeb fil-ħin tal-mistoqsijiet tal-Kamra għal domanda supplimentari tiegħi li se jara x'inhuma l-problemi kawżati peress li hemm talba quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar li ilha pendenti mill-1995, jista' l-Prim Ministru jinformani bl-iżviluppi tal-każ?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għadha qed
issib xi oġġezzjonjiet għal xi partijiet tal-pjanta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' pjanti arbuxelli, siġar, naħal, eċċ tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura li nqerdu bil-maltemp matul is-snin 1995, 1996, 1997 u 1998? Liema kienu dawk is-snin li ftit li xejn seta' jsir tħawwil ta' siġar minħabba l-maltemp matul il-perjodu hawn fuq imsemmi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Matul is-sena 1995 minħabba x-xita kontinwa ma ġew irraportati l-ebda problemi fit-tħawwil ta' pjanti, arbuxxelli u siġar, pero fil-mixtla ta' Wied Inċita kien hemm rapport li mietu 7 frieħ ta' naħal.
Matul is-sena 1996 ukoll ma kien hemm ebda rapport li nqerdu pjanti, arbuxxelli w siġar u l-anqas frieħ tan-naħal minħabba l-maltemp.
Matul is-sena 1997 ukoll ma kellna l-ebda rapporti ta' qerda ta' pjanti, arbuxxelli w siġar u l-anqas frieħ tan-naħal.
Matul is-sena 1998 kellna dawn ir-rapporti:
Fil-mixtla ta' Wied Inċita intilfu 72,186 ta' xitel li kienu 3,866 Argyanthemum, 3,741 Ariplex, 1,639 Geranium, 3,987 pjanti li jagħmlu l-fjuri, 187 Latania, 1,833 Ċupressus, 203 Olea, 2,365 Pinus, 467 Sapindus, u 3,898 Thuya u kif ukoll 50,000 xitel żgħar li tkaxxkru bil-maltemp. F'Wied Inċita wkoll fl-istess sena nqerdu ħames kaxxi tan-naħal. Barra min hekk, fl-istess sena wkoll il-kanal li minnu jgħaddi l-ilma tax-xita, tat-triq tar-Rabat instad u l-ilma beda dieħel għal ġo Wied Inċita Nursery, għadda min ġol mixbħa u baqqa sejjer għal ġol wied. Miegħu kaxkar kemm felaħ kaxxi kemm bin-naħal kif ukoll vojta. Frieħ tan-naħal mietu erbatax. Dawn ma kienus propjeta tal-Gvern biss iżda fosthom kien hemm ta' terzi persuni. Fl-istess sena wkoll saru xi ħsarat minima fil-mixbħa tar-Rabat u f'dik tal-Mellieħa.
Fl-1997 u fl-1998 il-maltemp fixkel il-programm ta' taħwil.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija d-daily allowance globali allokata għall-overtime għall-ħaddiema kollha ta' San Vinċenz de Paule/Ħas-Serħ? Kemm hi fil-preżent u kemm kienet qabel il-5 ta' Settembru, 1998? Kemm kienu jitħallew kokijiet bl-overtime fil-kċina ta' Ħas-Serħ qabel il-5 ta' Settembru 1998, u kemm qed jitħallew issa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-allowances globali ta' l-overtime allokata għall-ħaddiema kollha tar-Residenza San Vinċenz de Paule għall-1999 hija l-istess kif kienet fl-1998 iġifieri ta' madwar Lm400,000 fis-sena.
Fil-kċina, jiddaħħlu koki għall-overtime skond il-bżonn tal-ġurnata, ħafna drabi sabiex jissostitwixxi min ikun bil-leave jew sick.
16.3.99
Jista' l-Ministru jippublika il-figuri tad-dħul mill-VAT u mill-Income Tax għall-ewwel xahrejn ta' din is-sena? Id-dħul mill-income tax kif jipparaguna ma' dak ta' l-istess żmien tas-sena l-oħra?
Response (DALLI, JOHN)
Fl-ewwel xahrejn ta` din is-sena, id-dħul mill-VAT (taħt l-Att ta` 1998), kien ta` Lm7.99 miljuni li minnhom Lm7.5 miljuni daħlu bħala VAT fuq importazzjoni, mid-Dwana). Dan jista` jitqabbel ma Lm4.4 miljuni li kien daħal mill-istess għejjun fl-1998. Minn dan l-ammont, Lm1.6 miljuni tpoġġa fit-Treasury Clearance Fund bħala parti mir-riserva li minnha jridu jitħallsu ir-refunds fuq l-istocks. Ta` min jgħid li l-ewwel returns li juru d-dħul ta` tlett xhur ta` VAT jaslu fid-Dipartiment fil-15 ta` Mejju 1999.
Rigward l-Income Tax, għall-istess perijodu fl-1998 u l-1999, id-dħul kien hekk:
1998 1999
Lm Lm
PAYE 5.8m 6.4m
Provisional Tax 2.0m 1.9m
Settlement Tax (Arrears) 2.2m 1.4m
Capital Gains Tax 0.8m 0.8m
15% Final Withholding Tax 2.1m 0.9m
12.9m 11.4m
Ta` minn jinnota li miljun lira ta` Final Withholding Tax (15 fil-mija ta` l-imgħaxijiet fuq depożiti fil-banek), li soltu jidħol f`Jannar abbażi ta` Diċembru, din id-darba wasal għand il-Gvern u ġie kkuntjat f`Diċembru 1998.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-liġi ta' l-Awtorita' Marittima tipprovdix għall-ħolqien ta' post ta' chief executive? Fil-fatt hemm persuna f'din il-kariga bħalissa u jekk iva, għal liema terminu ta' żmien inħatret u x'remunerazzjoni għandha apparti minn benefiċċji oħra?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari Nru. 5525.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li l-Gvern jilleġisla dwar l-użura? Jekk iva, meta u jekk le, għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Il-Gvern bħalissa qed jiżen l-argumenti favur u kontra li l-użura isir reat kriminali. Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-użura mhix aċċettata mill-Kodiċi Ċivili u tista' ssir azzjoni għall-ħlas lura tal-interessi mħallsa oltre l-massimu stabbilit mill-liġi.
16.03.99
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar it-taħdidiet li Malta flimkien ma' Cayman Islands u Gibilita' qed ikollha dwar miżuri kontra l-ħasil ta' flus maħmuġin ma' l-U.N. Global Programme Against Money Laundering? Kien hemm żviluppi ma' OECD dwar l-istess suġġett?
Response (DALLI, JOHN)
Kif jidher f`artikolu fil-Financial Times tal-5 ta` Marzu 1999 il-U.N. Global programme Against Money Laundering nieda inizjattiva sabiex jistabbilixxi dawk iċ-ċentri finanzjari li huma kredibbli fil-ġlieda tagħhom kontra il-ħasil ta` flus. Permezz ta` kuntatti li l-Bank Ċentrali għandu f`din l-Organizzazzjoni qabel ma tnidiet din l-inizjattiva tkompli tissaħħaħ il-kredibilita` ta` Malta bħala ċentru finanzjarju, il-Bank qabel ma` din l-inizjattiva. Naturalment ix-xogħol f`dan ir-rigward jitlob il-parteċipazzjoni ko-ordinata ta` kwartieri oħra fil-qasam regolatorju u leġislattiv lokali. Għad ma kienx hemm aktar diskussjonijiet u l-ebda laqgħat.
Din it-tip ta` parteċipazzjoni diġa rajniha fl-evalwazzjoni ta` Malta li għamel il-Kunsill ta` l-Ewropa f`Settembru li għadda dwar il-miżuri lokali kontra il-ħasil tal-flus.
Fir-rigward ta` Cayman Islands u Ġibilta`, wieħed jassumi li dawn kellhom l-istess tip ta` diskussjonijiet mal-U.N.
Ma kien hemm l-ebda diskussjonijiet simili ma` l-OECD.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-ftehim proġettat ma' l-Accord li jieħdu f'idejhom l-MCC li kien nieda Gvern Laburista biex din tieqaf finanzjarjament fuq saqajha?
Kemm hemm ħaddiema bħalissa mal-MCC? X'inhuma l-pjanijiet dwar dawn il-ħaddiema? Kemm kien it-telf/profitt tal-MCC sena b'sena mill-1994 sal-1998 (it-tnejn inklużi)?
Response (REFALO, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor Membru jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni bħala l-Ministru responsabbli mill-'Mediterranean Conference Centre'.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu n-negozjati dwar il-ħaddiema tal-Kalaxlokk li qegħdin fl-istat li jirċievu l-paga mingħajr ma qed jingħataw xogħol?
Jaħseb il-Ministru li din is-sitwazzjoni issa twalet wisq mingħajr ma l-gvern ħareġ b'soluzzjoni aċċettabbli għal partijiet kollha kkonċernati u li mhux sew li l-ħaddiema jibqgħu f'din l-inċertezza dwar il-futur tagħhom?
Kemm ilhom issa għaddejjin it-trattattivi? Dawn jinsabu weqfin? Il-gvern kif se jżomm il-wegħda pre-elettorali tiegħu lil dawn il-ħaddiema li jassiguralhom l-impjieg?
Response (BONNICI, JOSEF)
In-negozjati dwar il-ħaddiema tal-Kalaxlokk għadhom għaddejin. Id-diskussjonijiet mal-partijiet kollha interessati bdew f'Ottubru 1998 u matul id-diskussjonijiet ġew esplorati diversi alternattivi.
Waqt id-diskussjonijiet saru diversi tentattivi biex il-Kumpanija tieħu xi xogħolijet, pero` sfortunatament qed issibha diffiċli tikkompeti.
Naturalment negozjati ta' dan it-tip, fejn l-għan ewlieni huwa li tinstab soluzzjoni aċċettabbli għall-partijiet kollha konċernati jieħdu ż-żmien.
L-amministrazzjoni preżenti hija mpenjata li twettaq il-wegħdi elettorali kollha li huma nklużi fil-programm elettorali, inkluż li jkun hemm responsabbilta fil-finanzi pubbliċi.