Fuq liema kriterji u raġunijiet il-Gvern aċċetta li jneħħi s-sussidju tal-kummisjoni tal-fccs (4.25%) il-koperattiva ċentrali tal-bdiewa, wara s-sħubija ta' Malta fl-UE?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirriferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 38176.
X'se jiġri mill-Kummisjoni ta' 1.7% li tiġi ssussidjata lill-pitkala wara sħubija sħiħa ta' Malta' fl-UE? Se titneħħa u tispiċċa bħas-sussidju ta' nofs il-bolla?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-arranġament li qed jirriferi għalih l-Onor. Interpellant dwar il-kummissjoni ta' 1.75 fil-mija, se jibqa' fis-seħħ sakemm ma jinbidilx f'miżura jew b'għajnuna oħra li jiggarantixxu dħul xieraq u ġust għall-bdiewa Maltin u Għawdxin.
Kemm fil-fatt hija kkalkulata l-ispiża tal-produttur tal-ħalib frisk sabiex jilħaq il-livell ta' 3.5% xaħam fil-ħalib frisk lokali? Kemm fil-fatt hija kkalkulata l-ispiża fuq kull baqra?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li m'għandux ikun hemm żieda fl-ispiża tal-prodottur tal-ħalib frisk biex jintlaħaq il-livell ta' 3.5% xaħam fil-ħalib frisk lokali.
Minn riċerka li saret fl-Għammieri u li ġiet konkluża, deher biċ-ċar li l-baqar lokali jieħdu ġwież u magħlef biżżejjed biex jipproduċu ħalib bit-3.5%. Instab li l-metodu ta' kif jingħata l-għalf irid jinbidel. Infatti dawk il-prodotturi li bidlu s-sistema kellhom riżultati tajbin mhux biss fix-xaham fil-ħalib, imma wkoll żdied l-ammont ta' ħalib li tagħti kull baqra.
Fuq liema kriterji l-Gvern aċċetta li jdaħħal dazji fuq l-ikel proċessat li ma niproduċux lokalment meta jiġi mportat mill-pajjiżi li ma humiex membri ta' l-UE?
Response (DALLI, JOHN)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt fil-mistoqsija parlamentari nru. 38156.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 38112, jista' il-Ministru jinfurmani ma' liema pajjiżi Malta wara sħubija sħiħa fl-UE se tkun eżentata milli tħallas it-tariffi, dazji u/jew il-kwoti fuq l-importazzjoni taz-Zokkor? Kemm fil-fatt hija t-tariffa, dazju u kemm hija l-kwota li se tkun imposta fuq il-poplu u l-industrija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li hekk kif Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, f'pajjiżna jibdew jiġu applikati l-istess tariffi applikati mill-Unjoni Ewropea. Dawn it-tariffi ivarjaw mhux biss skond il-prodott partikulari iżda wkoll skond il-pajjiż minn fejn ikun qed jiġi mpurtat. Għalhekk, wieħed ma jistax jispeċifika tariffa waħda. Fil-fatt jeżistu diversi tariffi, jiddependi mill-pajjiż minn fejn joriġina l-prodott.
L-Unjoni Ewropea għandha ftehim ta' kummerċ ħieles ma' l-fuq minn mitt pajjiż. Xi uħud minn dawn il-ftehim huma fuq bażi reċiproka waqt li oħrajn huma fuq bażi mhux reċiproka. B'riżultat ta' dawn il-ftehim, pajjiż membru ta' l-Unjoni Ewropea jista' jimporta minn dawn il-pajjiżi mingħajr tariffi jew b'tariffi mnaqqsa.
Il-pajjiżi li magħhom l-Unjoni Ewropea għandha ftehim ta' kummerċ ħieles reċiproku huma:
Svizzera (EFTA)
Polonja, Rumanija, Repubblika Ċeka, Slovakkja, Ungerija, Bulgarija, Latvia, Estonia, Lithuania u Slovenja (pajjiżi ta' l-Ewropa tan-Nofs u tal-Lvant li kollha huma kandidati għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea)
Alġerija, Marokk, Tuneżija, Eġittu, Israel, Libanu Ġordan, Awtorita' Palestinjana, Sirja, Ċipru, Turkija (pajjiżi ta' l-Euromed). Il-ftehim mas-Sirja mistenni jkun finalizzat fil-bidu ta' din is-sena
Messiku, l-Afrika t'Isfel, Ċili u Kroazja
Arġentina, Brażil, Paragwaj u Urugwaj (pajjiżi tal-Mercosur li d-diskussjonijiet għal ftehim ta' kummerċ ħieles jinsabu fi stadju avvanzat.)
L-Unjoni Ewropea tinsab f'negozjati avvanzati għal ftehim ta' kummerċ ħieles mas-Saudi Arabja, Kuwajt, Bahrain, Qatar, Emirati Għarab Magħquda u Oman li jiffurmaw parti mill-Gulf Cooperation Council.
L-Unjoni Ewropea għandha ftehim ta' kummerċ ħieles mhux reċiproku ma' 142 pajjiż li qed jiżviluppaw (il-GSP), 48 pajjiż li jiffurmaw parti mill-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku llum magħrufa bħala Cotonou Agreements (qabel Lome') u 49 pajjiż sotto-żviluppat (Everything but Arms).
Jikkonferma il-Ministru li l-pulizija qed tagħmel investigazzjoni dwar parties li qed jiġu organizzati fejn anke qed jitħallew jidħlu tfal taħt l-eta' legali ta' sittax-il sena fejn jinbiegħ l-alkoħol u dan speċifikament f'Baħar iċ-Ċagħaq? Jaf il-Ministru li wieħed minn dawn il-parties ma sarx nhar il-Ġimgħa 24 ta' Jannar għaliex meta marru fil-post imsemmi separatament sabu il-bieb magħluq għaliex qalulhom li beżgħu li kien ser isir rejd tal-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-ġurnata msemmija mill-Onorevoli Interpellant, il-Pulizija kienet diġa` għaddejja bl-investigazzjoni dwar ir-rapport imsemmi, bħal ma diġa` infurmajt lill-Onorevoli Interpellant fit-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 38285. Kien għalhekk illi l-post imsemmi kien ordnat li jinżamm magħluq.
Jista' il-Ministru jgħid kemm jista' jkollha żmien persuna sabiex tagħmilha ta' disc jockey f'post ta' divertiment? Jikkonferma il-Ministru li hemm rapporti li tfal taħt is-sittax-il sena qed jorganizzaw discos u parties f'postijiet tad-divertiment fejn jinbiegħ l-alkoħol? Il-Pulizija qed tagħmel investigazzjoni dwar dan speċjalment fil-post imsemmi separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma hemmx regolamenti dwar l-eta` li jrid ikollhom disc jockeys. Biss kif diġa` kelli l-okkażżjoni nispjega, ir-Regolamenti biex jinżamm il-Bon Ordni f`lokalitajiet ta` divertiment jipprojbixxu li persuni taħt l-eta` ta` sittax-il sena jitħallew jidħlu ġewwa lokalita` ta` divertiment. Infurmat ukoll illi l-Pulizija irċeviet informazzjoni dwar disco minn żagħżagħ taħt is-sittax-il sena fil-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, liema informazzjoni qed tiġi investigata.
Jista' il-Ministru jgħid b'referenza għaċ-ċensiment tal-biedja msemmi fil-budget, kemm kienet l-evalwazzjoni tal-produzzjoni li ttieħdet fuq raba saqwi u bali separatament?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat illi x-xogħol fuq ir-riżultati taċ-Ċensiment ta' l-Agrikoltura għadu ma ngħalaqx. Għaldaqstant, it-tagħrif mitlub mill-Onervoli Interpellant għadu ma jistax jingħata b'mod konklussiv.
B'referenza għaċ-Ċensiment tal-Biedja msemmi fid-diskors tal-budget, jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-evalwazzjoni separatament għal kull prodott f'ċifra ta' flus li kienet kalkulata għaż-żriegħ tal-ħxejjex lokali nkluż il-patata għall-kull tomna?
Response (DALLI, JOHN)
L-Onorevoli Interpellant jaf li ċ-Ċensiment tal-Biedja kien maħdum mill-Uffiċċju Nazzjonali għall-Istatistika. Il-pratika titlob li Ċensiment ta' din ix-xorta jieħu l-formulazzjoni ta' Ċensiment li ma tinkludix ebda valutazzjoni ta' spejjeż prodott bi prodott.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 37401 u cioe' jista' l-Ministru jgħid meta suppost kellu jkun lest ix-xogħol fil-biċċerija u x'kienet ir-raġuni li għadu ma tlestiex, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-kamra kopja tal-programm tax-xogħlijiet fil-biċċerija u cioe' meta bdew u meta għandhom jispiċċaw? Kemm fil-fatt swew s'issa x-xogħlijiet u kemm tħallsu minn dawn l-ispejjeż?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-programm ta’ xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fil-biċċerija huma:
Upgrading taċ-Chillers: dawn ix-xogħlijiet bdew fl-1997 u skond il-kuntratt kellhom jitqassmu fuq perijodu ta’ snin sakemm jitlestew iċ-Chillers kollha. Hu maħsub li l-aħħar chiller jitlesta fl-aħħar ta' l-2003. S'issa tħallset is-somma ta’ Lm226,262.
Upgrading tal-Pig Slaughterhouse: ix-xogħol fil-biċċerija proprja beda f’Ottubru 2002, u mistenni jitlesta fl-aħħar ta’ Marzu, 2003. S’issa thallset is-somma ta’ Lm192,576.
Bdil ta’ madum tal-hajt u ta’ l-art fis-slaughterhouse: ix-xogħol beda f’Awissu 2002 u tlesta f’Dicembru, 2002. L-ammont imħallas hu Lm27,346.
Bini ta’ sular addizzjonali amministrattiv: ix-xogħol beda f’Settembru 2002, u hu mistenni jispiċċa f’Awissu 2003.
S’issa tħallset is-somma ta’ Lm14,970.
Jista' il-Ministru jaġġornani għal mistoqsija parlamentari numru 37599 u cioe' , jista' l-Ministru ġentilment jara li x-xogħlijiet isiru sa l-aħħar tas-sena minħabba li x-xogħol ilu pendenti s-snin?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta' tneħħija tal-linji ta' l-Enemalta diġa' sar iżda għad fadal it-tneħħija tal-brackets, li jkunu jistgħu jitneħħew meta tal-Cable TV ineħħu l-linji tagħhom.
Jista' il-Ministru b'referenza għaċ-ċensiment tal-Biedja msemmi fid-diskors tal-budget mill-Ministru tal-Finanzi, jgħid kemm kienet l-evalwazzjoni separatament għal kull prodott f'ċifra ta' flus li kienet kalkulata għaż-żriegħ tal-ħxejjex lokali nkluż il-patata għal kull tomna?
Response (DALLI, JOHN)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari nru. 38204.
Jista' il-Ministru jara li jsiru aktar bozoz fi Triq it-Tiben ġewwa Marsaskala minħabba li fil-preżent hemm bozza waħda biss li tinsab f'tarf l-istess triq?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li din it-talba qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra bħalha.
Jista' il-Ministru jara li titwaħħal bozza fi Triq iċ-Ċervjola ġewwa Marsaskala kantuniera ma' Triq it-Tiben, minħabba li dik li kien hemm qabel tneħħiet minħabba li kienet ta' periklu minħabba l-arblu li kienet imwaħħla miegħu u ma twaħħlitx oħra minfloka?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li minflok il-bozza li kienet tneħħiet twaħħlet waħda ġdida ma' bini fil-qrib u jirriżulta li hemm dawl adekwat.
Jista' il-Ministru jgħid meta hu maħsub li ssir Triq it-Tiben ġewwa Marsaskala minħabba l-istat ħażin u perikoluż li din tinsab fih?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport għadha kif ħarġet sejħiet għall-offerti biex isiru xogħlijiet fit-toroq San Ġwakkin, Artilieri u Triq l-Immakulata u x-xogħol fit-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant isir iktar 'il quddiem.
Jista' il-Ministru jgħid jekk saritx jew hux qed issir inkjesta dwar il-permess li ngħata sabiex titwaqqa' l-faċċata ta' bini storiku li kien magħruf bħala Villa De Fremaux fi Triq Santa Katarina fiż-Żejtun u dan wara li fis-snin li għaddew kien inqered il-post minn ġewwa? Jista' jpoġġi kopja tal-investigazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma saritx inkjesta mill-MEPA dwar il-ħruġ ta` dan il-permess. Il-MEPA talbet parir legali dwar dan il-każ u irriżulta skond dal-parir li l-Kummissjoni ta` l-Iżvilupp aġixxiet fil-parametri tal-liġi u il-permess li nħareġ huwa wieħed validu.
B'referenza għall-mistoqsija numru 38002, jista' il-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub u cioe' kemm kienet in-nefqa fil-manutenzjoni u f'għamara ġdida f'hekk imsejħa Għassa ta' Marsaskala?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa` spjegajt fit-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 38001, kemm ix-xogħol ta` manutenzjoni kif ukoll l-għamara f`dik li hija l-Għassa tal-Pulizija ta` Wied il-Għajn sar kollu mill-membri stazzjonati fit-Taqsima tat-Trades tal-Korp tal-Pulizija stess. Għalhekk in-nefqa kienet dik tal-materjal użat sabiex inħadmet l-għamara u sabiex saret il-manutenzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid jekk jaqbilx ma' dak li jsostni l-Kunsill Lokali ta' Marsaskala u r-residenti ta' Marsaskala, li l' hekk imsejħa Għassa tal-Pulizija hija waħda antika u mhux tajba għaż-żminijiet tal-lum u mhux aċċessibbli la għall-anzjani u lanqas għall-persuni bi bżonnijiet speċjali? Jaqbel ma dan, jista' jgħid jekk hux qed jittieħdu passi jew hemmx il-ħsieb li jibni Għassa tal-Pulizija ġdida f'post ċentrali f'dan il-lokal?
Response (BORG, TONIO)
Naħseb li l-Onorevoli Interpellant jaqbel miegħi li huwa fatt magħruf li l-bini fejn hemm l-Għassa tal-Pulizija ta` Wied il-Għajn huwa wieħed antik. Għaldaqstant kif diġa` spjegajt fit-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 38001, il-possibilita` illi l-Għassa tal-Pulizija ta` Wied il-Għajn tkun traslokata għal post ieħor għadha qed tkun mistħarrġa, pero` dan jiddependi fuq meta jinstab post li jkun addatat sabiex jaqdi l-ħtiġijiet aħjar mill-Għassa preżenti. Sadanittant qed ikun maħsub kif jista` jitjieb l-aċċess għal din l-Għassa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati jaħdmu fil-Ministeru tiegħu? Xi grad għandhom u x'funzjoni jaqdu? Kemm hemm on loan minn xi dipartiment ieħor? Kemm hemm bil-kuntratt? X'inhu s-salarju tagħhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirriferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ta l-Prim Ministru għall-mistoqsija numru 38415.