Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #4915 Sitting 77 1999-03-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Federazzjoni Internazzjoni tat-Trasport — Skola Nawtika

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattiva se jieħu fid-dawl tad-dikjarazzjoni li reġa' għamel Jean Yves Legouas f'laqgħa mal-Ministru Ċensu Galea li l-Federazzjoni Internazzjonali tat-Trasport lesta tgħin biex tingħata ħajja ġdida lill-iskola Nawtika? Bi ħsiebu l-Ministru jkompli fuq ix-xogħol mibdi fl-1997 u 1998 bejn il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u l-Awtorita' Marittima f'dan il-qasam?

Response (GALEA, LOUIS)

Iva, dak li qed jissuġġerixxi l-Onor. Kollega qed isir, issa fid-dawl tal-ħidma għat-twaqqif tal-Kulleġġ ta' l-Arti, Teknoloġija u Xjenzi Applikati.
Leg 9 PQ #4916 Sitting 77 1999-03-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

RSC — Ilmenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jara x'jista' jsir biex jiġu kkonsidrati l-ilmenti ta' dawk li jaħdmu mar-Revenue Security Corps (RSC) li jsostnu li t-tmexxija ta' dan il-Korp qed issir b'mod erratiku u spiss jinbidlu sistemi ta' xiftijiet u ħinijiet ta' xogħol b'detriment għall-membri tar-RSC u tax-xogħol innifsu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li matul dawn l-aħħar xhur kien hemm ilment wieħed biss li tressaq bil-miktub minn membru tar-Revenue Security Corps (RSC) rigward talba għal tibdil fir-roster ta' l-għassa. Dan l-ilment instab li ma kienx ġustifikat. Ninsab infurmat ukoll li bħalissa qiegħed isir studju bir- reqqa biex jiġu riveduti r-rwoli ta' l-RSC u f'dan l- istudju qegħdin jittieħdu l-konsiderazzjonijiet kollha dwar struttura, dmirijiet u sistemi ta' xogħol l-aktar addattati.
Leg 9 PQ #4917 Sitting 77 1999-03-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Qbid ta' żrinġijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi sforzi edukattivi qed isiru mit-tfal fl-iskejjel primarji u sekondarji biex ibiddlu d-drawwiet tagħhom u ma jibqgħux jaqbdu marżebb u żrinġijiet minn postijiet bħall-Buskett u ċ-Chadwick Lakes li skond diversi għaqdiet favur l-ambjent qed iwassal għall-qerda ta' l-unika anfibju li jeżisti fil-gżejjer tagħna?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni torganizza ħarġiet (fieldtrips) għal Villa Psaigon, kemm għat-tfal fl-iskejjel primarji u sekondarji. L-għanijiet ewlenija huma: * tkabbir ta' l-għerf dwar l-ambjent naturali * tgawdija ta' l-ambjent naturali * trawwim u/jew tiġdid ta' kuxjenza favur l-ambjent F'dan il-kuntest, l-għalliema koordinaturi ta' dawn il-fieldtrips flimkien ma' l-għalliema tal-klassijiet rispettivi, jorganizzaw ħarġiet f'inħawi oħra - biex b'hekk jitnaqqsu d-drawwiet negattivi - fosthom dik tal-qbid tal-marżebb u żrinġijiet. Fl-iskejjel Sekondarji qed isiru sforzi kbar biex l-Edukazzjoni Ambjentali tidħol parti mis-suġġetti kollha. Għalkemm dan l-isforz għadu mhux qed jagħti l-frott mixtieq, żgur li l-istudenti qed jitrawmu f'Edukazzjoni Ambjentali f'suġġetti bħal: Home Economics, Studji Soċjali, Ġografija, Storja u b'mod speċjali fis-suġġetti xjentifiċi. Bħal parti mis-Sillabu ta' dawn is-suġġetti, b'mod speċjali tal-Bijoloġija, l-istudenti jmorru jagħmlu studju fuq il-post. Hemm l-għalliema kollha jagħmluha ċara li l-ħlejjaq dejjem nistudjawhom fl-ambjent naturali tagħhom. Jekk ikun hemm bżonn iċaqilquhom, dawn jaraw li ma jagħmlulhomx ħsara, u wara li jlestu minnhom, jerġgħu jpoġġuhom fl-ambjent li kuenu. L-istudenti jingħataw raġuni għal dan. L-għalliema jispjegaw sewwa l-importanza ta' kull maħluq fl-ambjent tiegħu, u l-effetti li jista' jkun hemm fl-ambjent jekk xi speċi ta' maħluq tiġi meqruda. Dan kollu jiġi emfasizzat, u ssir emfasi speċjali jekk il-ħlejqa li jkunu qed jistudjaw tkun rari bħal ma huma l-anfibji f'Malta. Kif l-Onor. Membru jista' jimmaġina għaddejtlu t-tagħrif kollu mgħoddi lili mill-uffiċċjali konċernati. Jidher ċar li anke ħaġa bħal din tinħtieġ ħidma koordinata bejn dipartimenti differenti, għaqdiet ambjentali mhux governattivi u l-media. Jidhirli li jkun tajjeb li d-Dipartiment ta' l-Ambjent jikkoordina din il-ħidma u beħsiebni ngħaddi din il-Mistoqsija u Tweġiba għall-konsiderazzjoni tagħhom.
Leg 9 PQ #4918 Sitting 77 1999-03-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bord tal-Matsec — Suġġett ta' l-accounts

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Bord tal-Matsec ta' l-Accounts fil-livell avvanzat qabad u nforma lill-istudenti li se jiġu eżaminati fuq il-VAT bla ma ġew ippreparati għal dan fl-aħħar sentejn u bla ma ġie mlaqqa' u kkonsultat il-panel tas-sillabu ta' dan is-suġġett? Jidhirlu l-Ministru li huwa ġust li disa' ġimgħat qabel l-eżami ssir bidla hekk drastika fis-sillabu ta' l-accounts?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-Sillabu ta' l-Accounting fil-Livell Avvanzat ippubblikat sentejn ilu jgħid li jkun hemm mistoqsijiet fuq: "Accounting for Value and Excise Tax" (p.2) Kap ta' skola staqsa jekk din il-parti tirreferix għall-VAT/CET. It-tweġiba li l-MATSEC Board ħa mingħand il-panel ta' l-Eżaminaturi, li kienu wkoll membri tal-panel tas-sillabu, kienet li jekk ikun hemm mistoqsijiet fuq din il-parti, jistgħu jitwieġbu billi l-istudenti jużaw jew CET accounting inkella VAT accounting. Din it-tweġiba ngħatat ukoll lill-media biex kulħadd ikun mgħarraf.

Maltacom — Vakanzi ta' Customer Service Officer

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed kopja tar-riżultat bil-marki li ngħata kull kandidat skond kull kriterju li qagħdu għall-intervista għall-vakanzi ta' Customer Service Officer fil-Maltacom plc, dak iż-żmien Telemalta, skond is-sejħa 4/94?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Ta' min jgħid li fejn hemm alterazzjoni tal-marki din saret wara deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appelli (Promozzjonijet).

Maltacom — Impjegati

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3664, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kwalifiki (bħal 'O' levels) u xi kredenzjali fl-użu tal-Microsoft Package (Word u Excel) għandhom, jekk għandhom, l-erba' ħaddiema in kwestjoni?

Response (BONNICI, JOSEF)

Is-sejħa relattiva għall-grad ta' Custoemr Service Officer ma kienitx tesiġi li l-applikanti, ikollhom kwalifiki fil-livell ordinarju jew xi kredenzjali fl-użu tal-Microsoft Package (Word u Excel) iżda li 'jkunu lesti li jitgħallmu u jużaw il-Girafe Computer Package u Microsoft Package (Word and Excel) applications'. Għaldaqstant ma nħossx li għandi nagħti d-dettalji mitluba dwar l-erba' ħaddiema in kwistjoni.

Skejjel — Għalliema nisa

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jinforma l-Kamra kemm hemm preżentement għalliema nisa fl-iskejjel primarji u sekondarji li għandhom l-eta' ta' ħamsa u erbgħin (45) sena iżda ma jaqbżux il-ħamsin sena (50) u kemm hemm li għandhom ħamsin sena (50) iżda li ma qabżux is-sitta u ħamsin sena (56)?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' għalliema femminilil fi skejjel primarji bejn l-etajiet ta' ħamsa u erbgħin (45) sena u ħamsin (50) sena jammonta għal tlett mija disa' u tletin (339). In-numru ta' għalliema femminili fi skejjel primarji bejn l-etajiet ta' ħamsin (50) sena u sitta u ħamsin (56) sena jammonta għal tlett mija tmienja u tmenin (388). In-numru ta' għalliema femminili fi skejjel sekondarji bejn l-etajiet ta' ħamsa u erbgħin (45) sena u ħamsin (50) sena jammonta għal mija u tmenin (180). In-numru ta' għalliema femminili fi skejjel sekondarji bejn l-etajiet ta' ħamsin (50) sena u sitta u ħamsin (56) sena jammonta għal mija ħamsa u għoxrin (125).

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra x'inhija l-proċedura attwali segwita mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali u jekk kemm-il darba huwiex possibbli li jiġi studjat mezz aktar veloċi ta' kif wieħed iħallas pensjonanti li ma jirċievux iċ-ċekkijiet tagħhom billi jkunu ntilfu fil-posta minn dak komunement mogħti ta' tliet ġimgħat xahrejn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Rigward ċekkijiet tal-pensjoni li ma jkunux waslu fid-destinazzjoni tagħhom jew ġew mitlufa, il-pensjonant/a jagħmel rapport, billi jimla formola apposta f'wieħed mill-uffiċini distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali. Malli din il-formola tasal fis-sezzjoni tal-Computer, din tiġi ċċekjata u l-għada tintbagħat talba lill-Bank Ċentrali biex dak iċ-ċekk ma jkunx jista' jissarraf. Fi żmien ġimgħa nirċievu risposta li l-Bank ikun avża lill-banek kummerċjali u hekk minn tali data dan iċ-ċekk ma jistax jissarraf. Kull ġimgħa, id-Dipartiment jirċievi ċ-ċekkijiet imsarrfa flimkien mad-diska tat-tqabbil. Din tiġi pproċessata u l-pakketti taċ-ċekkijiet jiġu numerati. Hekk naraw jekk iċ-ċekk ikunx laħaq issarraf qabel ġie nfurmat il-bank. Fil-każ li jidher li baqa' ma ssarrafx sad-data msemmija fl-avviż tal-Bank Ċentrali, allura jinħareġ ċekk ieħor f'isem il-pensjonant/a. Dan il-perjodu kollu jieħu madwar tlett ġimgħat. Fl-opinjoni tiegħi, minħabba sigurta' biex ma jkunx hemm pagamenti doppji, dejjem trid tieħu madwar tlett ġimgħat b'kollox. Minkejja dan kollu, hija l-prassi tad-Direttur tas-Sigurta' Soċjali li fejn dan il-perjodu ta' stennija ser joħloq problemi finanzjarji fuq il-pensjonant, il-ħlas taċ-ċekk mitlub isir qabel iż-żmien stipulat. 17.3.99

Air Malta — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm u kien hemm impjegati mas-soċjeta' Air Malta Co. Ltd u dawn liema gradi kienu jokkupaw tul is-snin 1995, 1996, 1997 u 1998?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba hija kif ġej: 1995 1996 1997 1998 Managerial & Exec. 173 181 181 198 Clerical 679 663 668 642 Industrial 406 397 397 385 Engineering 41 45 45 47 Technical 86 81 81 97 Industrial (eng.) 21 20 20 19 Cockpit Crew 122 133 133 128 Cabin Crew 214 226 226 242 Despatchers 9 9 9 8 Totals 1751 1755 1770 1766
Leg 9 PQ #5148 Sitting 77 1999-03-17 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Local plans

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba l-hekk imsejħa local plans li huma akkarigu tal-Awtorita' ta' l-Ippjanar jinstabux fi stadju avvanzat ta' xogħol jew le u jekk le, liema huma dawk li għadhom lura?

Response (BORG, TONIO)

Malta hija maqsuma f'sebgħa żoni koperti minn Pjan Lokali u ninsab infurmat li l-proċess ta' kull pjan wasal fl-istadju kif ġej : - Għawdex u Kemmuna - Ġbir ta' informazzjoni Pjan għall-Majjistral - Formulazzjoni tal-policies Żona Ċentrali - Pjan għadu ma nbediex Portijiet tat-Tramuntana - Formulazzjoni tal-policies Port il-Kbir - Approvat mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar u ntbagħat lill-Gvern għall-konsiderazzjoni tiegħu Nofsinhar - Pjan għadu ma nbediex Bajja ta' Marsaxlokk - Pjan addottat mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar u mill-Gvern 17.03.99
Leg 9 PQ #5149 Sitting 77 1999-03-17 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Pjan ta' Struttura

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba l-Pjan ta' Struttura li wasal biex jiġi mġedded huwiex isir xogħol fuqu minn ġewwa l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u f'liema stadju dan wasal?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li x-xogħol fuq ir-Reviżjoni tal-Pjan ta' Struttura beda, skond kif meħtieġ fl-Att tal-1992 dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp u l-'Structure Plan Review Project Managment Plan' li ġie approvat mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar f'Novembru ta' l-1997. Bħalissa l-Awtorita' qed tħejji tlettax il-studju fis-setturi prinċipali li huma koperti fil-Pjan ta' Struttura bħala parti mill-proċess ta' reviżjoni. Uħud minn dawn l-istudji waslu fl-istadju ta' l-ewwel abbozz, oħrajn għadhom aktar lura minħabba problemi ta' ġbir ta' informazzjoni. Dawn l-istudji ser iwasslu għal Topic Papers li ser jippreżentaw l-issues għar-reviżjoni fir-rigward tas-setturi speċifiċi u huma mistennija li jinħarġu għal konsultazzjoni pubblika matul din is-sena. Skond il-programm imħejji hu mistenni, li d-Draft Replacement Plan jinħareġ għall-konsultazzjoni pubblika lejn l-aħħar tas-sena 2000 u li jiġi ppreżentat lill-Parlament għan-nofs is-sena 2001. Il-Gvern approva kwart ta' miljun lira għas-sena finanzjarja 1998-1999 ta' l-Awtorita' biex isiru l-istudji neċessarji għar-reviżjoni tal-Pjan ta' Struttura. 17.03.99
Leg 9 PQ #5150 Sitting 77 1999-03-17 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm u kien hemm impjegati ġewwa l-Awtorita' ta' l-Ippjanar li għandhom il-ħatra ta' periti arkitetti fis-snin 1996, 1997, 1998 li (1) għadhom ma qabżux it-30 sena; (2) għadhom ma qabżux il-35 sena; (3) għadhom ma qabżux l-40 sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' periti arkitetti fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar fis-snin 1996, 1997 u 1998 u t-tagħrif ieħor mitlub dwarhom hu kif ġej : - Li ma qabżux l-eta' ta' Fis-sena 30 sena 35 sena 40 sena 1996 9 9 1 1997 6 11 1 1998 9 9 1 17.03.99
Leg 9 PQ #5275 Sitting 77 1999-03-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Operazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 4678? Jista' l-Ministru jinkludi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu fl-1996, fl-1997 u fl-1998?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Minħabba l-volum kbir t'informazzjoni li trid tinġabar, ir-risposta tingħata f'seduta oħra.

UE — Street hawkers

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra x'se tkun il-pożizzjoni ta' l-istreet hawkers ta' l-ikel fil-gżejjer tagħna bi sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Il-posizzjoni ta li street hawkers, hija waħda regolata mill-bżonn in partikolari fil-qasam tal-liġijiet tal-ikel ta l-osservanza tal-igene tal-ikel, u tal-mezzi tat-trasport li jintuża għal dan il-għan, regolamenti li naħseb kullħadd jaqbel magħhom u li huma fl-interess tas-saħħa pubblika.
Leg 9 PQ #5277 Sitting 77 1999-03-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Hawkers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt huwa n-numru ta' street hawkers fil-gżejjer tagħna reġistrati mal-pulizija matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni li kellhom permess ta' hawker fis-snin 1994, 1995, 1996, 1997 u 1998 kien ta' 990, 985, 966, 1,026, u 1,029 rispettivament. 17.03.99
Leg 9 PQ #5292 Sitting 77 1999-03-17 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Qrati — Każi fuq diskrimazzjoni

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4625, ma jidhirlux il-Prim Ministru li wasal iż-żmien li jsiru l-arranġamenti meħtieġa biex tibda tinġabar l-istatistika mitluba bil-għan li jkollna indikazzjonijiet aħjar dwar x'qed jiġri f'dan il-qasam?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat illi qed tiġi eżaminata s-sistema komputerizzata li qed titħaddem fil-Qorti (CORTEX) biex din tkun tista' tiġi wżata għall-ġbir ta' aspetti ta' statistika, li bħalissa għad mhix qed tinġabar.

Djar — Qormi - Ħsarat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed iżomm milli jiġu msewwija l-ħsarat li saru fil-pjan ta' isfel ta' Blk 2 f'Ta' Farsina Housing Estate, Triq id-Deheb Fin, Qormi, mill-Water Services Corporation biex biddlu s-servizz ta' l-ilma? Peress li din il-ħsara fil-madum ta' l-art li hija ta' periklu u ta' inkonvenjent għar-residenti f'dan il-blokk issa ilha xhur u minkejja l-assigurazzjoni li ġew mogħtija mill-Ministeru tiegħek li sa Frar 1999 dan ix-xogħol kellu jitlesta, sal-lum għadu ma sarx, jista' għalhekk il-Ministru jara li l-azzjoni meħtieġa biex dan ix-xogħol isir tittieħed minnufih?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Strettament dan ix-xogħol missu sar mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma. Biss jien infurmat li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar se jagħmel ix-xogħol wara sejħa għall-offerti li se toħroġ fil-gimgħat li ġejjin. 17.3.99

Dipartiment għad-Drittijiet tan-Nisa — Każijiet ta' abbużi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif fil-prattika d-Dipartiment għad-Drittijiet tan-Nisa jiġbed l-attenzjoni ta' l-awtoritajiet dwar każijiet ta' abbużi a bażi ta' sess fil-media, fir-reklami, eċċ? Kemm-il każ ġie rapportat mit-twaqqif ta' dan id-dipartiment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment għad-Drittijiet tan-Nisa jiġbed l-attenzjoni ta' l-awtoritajiet dwar abbużi a bażi ta' sess fil-media, fir-reklami, eċċ kemm b'mod formali kif ukoll informali skond iċ-ċirkostanzi. Dan isir permezz ta'ittri uffiċjali, tqassim u bdil ta' informazzjoni dwar l-"image" tal-mara fil-media, u telefonati lill-persuni konċernati. Ma tinżammx statistika dwar in-numru ta' każijiet li jiġu rappurtati fid-Dipartiment. 17.3.99
Leg 9 PQ #5300 Sitting 77 1999-03-17 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Riċevuti fiskali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'monitoring qiegħed jagħmel id-dipartiment tal-VAT biex jassigura li kull retail outlet, hawker u service provider jagħti riċevuta fiskali lill-konsumatur?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-VAT jagħmel diversi tipi ta` monitoring biex jassigura li kull retail outlet, hawker u service provider jagħti rċevuta fiskali lill-konsumatur. Dawn jinkludu: 1. analiżi kontinwa tan-numru ta` kotba ta` rċevuti fiskali maħruġa bl-idejn li jiġu mogħtija lill-persuni reġistrati u ta` dawk użati li jiġu mgħoddija lura lid-Dipartiment. 2. spezzjonijiet minn spetturi tad-Dipartiment lill-persuni reġistrati fejn jinstab li d-domanda għall-kotba ta`rċevuti fiskali maħruġa bl-idejn hija baxxa. 3. notifikazzjoni permezz ta` ittri lill-persuni reġistrati sabiex jgħaddu lura lid-Dipartiment kotba ta` rċevuti fiskali użati u sabiex jiġbru oħrajn ġodda flokhom. 4. spezzjonijiet għall-għarrieda minn spetturi tad-Dipartment fi stabbilimenti tan-negozju biex jeżaminaw fost affarijiet oħra l-cash registers u l-irċevuti fiskali maħruġa minnhom jekk dawn ikunu konformi mal-liġi, kif ukoll l-journals li jkun hemm fil-cash registers biex jaraw x`irċevuti jkunu nħarġu f`dak il-perjodu. 5. żjarat ta` sorveljanza minn spetturi tad-Dipartiment lill-stabilimenti tan-negozju, speċjalment dawk li jipprovdu servizz, fejn l-istess spetturi għal ħin twil u f`diversi okkażjonijiet josservaw fost oħrajn il-livell ta` bejgħ li jkun għaddej u jżommu record tiegħu bil-għan li l-informazzjoni miġbura tintuża fi ħruġ ta` tax assessments skond il-ħtieġa. 6. stħarriġ dwar rapporti li d-Dipartiment jirċievi direttament mingħand konsumaturi u mingħand id-Dipartment għall-Konsumaturi. Fejn jinstab lijkun qed isir xi abbuż, il-każ jiġi riferut biex jittieħdu passikriminali kontra l-persuni nvoluti. Fejn ma jkunx hemm bażi biżżejjed biex wieħed jieħu passi kriminali, l-każ jiġi riferut għal aktar investigazzjoni aktar `il quddiem. Wieħed għandu japprezza li l-ispetturi tad-Dipartiment ma jistgħux ikunu f`kull stabbiliment il-ħin kollu u għalhekk wieħed jistenna li l-konsumaturi jagħmlu d-dmir tagħhom u jinsistu biex jingħataw l-irċevuta fiskali mingħand min jixtru.
Leg 9 PQ #5364 Sitting 77 1999-03-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd — Xogħlijiet

Question

Peress li fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4683 ma hemmx l-informazzjoni mitluba, jista' l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija oriġinali, cioe' mistoqsija parlamentari numru 4684?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li mir-records tal-Ministeru jidher li x-xogħolijiet li saru fil-bini saru kolla fl-1991. Dawn kienu jlaħħqu s-somma ta' Lm18,232 u tħallsu mill-Vot Kapital XII - Restructuring Fishmarket. Nirreferi wkoll lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari numru 4683.