Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #5802 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Local plan

Question

Jista' l-Ministru jgħidli fuq liema local plan qiegħed taħdem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar fil-preżent? Jista' l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħol (dettalji ta' meta beda x-xogħol u f'liema stadju waslu) li sar s'issa fuq il-local plans?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5148 f'Seduta 77. 22.03.99
Leg 9 PQ #5803 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Airport Fire Services - Membri

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta ż-żewġ persuni, li isimhom qed jintbagħat separatament, se jingħataw il-Long and Efficient Service Medal bħala membri ta' l-Airport Fire Services mal-Forzi Armati ta' Malta?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ż-żewġ persuni li dwarhom saret il-mistoqsija ġew irrakkomandati biex jirċievu l-Midalja għal Servizz Twil u Effiċjenza tal-Forzi Armati ta' Malta. Irrid ngħid li kien fi żmien il-Gvern immexxi minni jiġifieri fl-1992 meta bdew jingħataw il-Midalji għal Servizz Twil u Effiċjenza. Fil-fatt, f'dik is-sena kienu rċevew din il-midalja 248 membru ta' l-Armata, 24 fl-1993, 23 fl-1994, 106 fl-1995 u 26 fl-1996. Għal xi raġuni mhux magħrufa mill-Gvern preżenti, fi żmien il-Gvern preċedenti, din il-midalja ma ngħatatx la fil-1997 u lanqas fil-1998. Per konsegwenza ta' dan, il-membri ta' l-Armata li fil-31 ta' Marzu li ġej ser jirċievi din il- midalja ser ikunu ta' 151, li huwa ogħla mill-medja tas- snin l-oħra.
Leg 9 PQ #5804 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Qormi — Triq il-Proża

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5408 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Intern u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' tista', jekk jogħġbok, tgħid meta hemm il-ħsieb li jingħataw in-numri lil bibien fid-diversi toroq ta' Ħal Qormi, partikolarment Triq il-Proża?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li għal din is-sena l-programm ta' ħidma fid-diversi lokalitajiet huwa diġa' ppjanat u jinsab miexi b'ritmu sodisfaċenti ħafna. Għalhekk hemm il-possibilita li Ħal-Qormi, li huwa wieħed mill-akbar lokalitajiet li għandna fil-pajjiż ikun inkluż fil-programm ta' xogħol għas-sena 2000.

Għajn Tuffieħa — Parking space

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5406 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' tista', jekk jogħġbok, tikkonsidra b'mod spedit il-pożizzjoni ta' parking ta' karozzi fl-inħawi ta' Għajn Tuffieħa 'il fuq mill-bajja? Tikkonsidra li bi ftit landscaping jista' jinħoloq numru konsiderevoli ta' parking f'post hekk frekwentat mill-poplu Malti, partikolarment fil-Ħdud? Tikkonsidra li dan ix-xogħol jibda mill-aktar fis possibbli ħalli għax-xhur tas-sajf ma jkunx hemm dik il-konfużjoni ta' traffiku f'bajja hekk popolari?

Response (GALEA, ĊENSU)

Għaddejt is-suġġeriment lid-Dipartiment tat-Toroq biex jagħmel spezzjoni fil-lokalita` u jara jagħmilx xi pjan kif issuġġerit mill-Onor. Interpellant.
Leg 9 PQ #5807 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Saċerdoti reliġjużi — Abbużi sesswali

Question

Wara li l-Monsinjur Arċisqof Ġużeppi Mercieca ħareġ policy u proċedura fuq pariri ta' diversi djoċesi, jista' l-Ministru jgħid kemm u f'liema snin ġew irrapportati każi li f'dawn l-aħħar 15-il sena kien hemm saċerdoti, reliġjużi, persuni kkonsagrati jew lajċi mpenjati, kemm dawk impjegati kif ukoll dawk voluntiera, li kienu rrapportati b'xi forma ta' allegazzjoni ta' abbuż sesswali waqt il-ħidma pastorali tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika dwar l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellanti. 22.03.99
Leg 9 PQ #5808 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Perit Mintoff — Proprjeta' "Ta' l-Għarix"

Question

B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5600, jista' l-Ministru jispjega kif il-Gvern Nazzjonalista ħallas Lm128,000 bħala kumpens lil Perit Mintoff jekk, fi kliem il-Ministru stess, għad irid isir ftehim finali dwar din il-kwestjoni?

Response (BORG, TONIO)

Is-somma ndikata tħallset mill-Ministeru tal-Finanzi, wara deċiżjoni tal-Kabinett, sabiex tiġi solvuta parti mill-kwestjoni ġenerali tal-kumpens, u sabiex ma jiżdiedx l-ammont ta' imgħax/danni li eventwalment il-Gvern ikollu jħallas xorta waħda. Din hija l-istess somma ndikata fil-'letter of intent' tat-22 ta' Mejju, 1998. Sadanittant il-Gvern għadu ma ħallasx il-kumpens proprju għall-esproprjazzjoni 'de facto' tal-proprjeta' in kwestjoni, u lanqas għalhekk ma ġiet trasferita lilu formalment l-istess proprjeta'. 22.03.99
Leg 9 PQ #5809 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru għall-Ambjent

Perit Mintoff — Proprjeta' "Ta' l-Għarix"

Question

Billi li skond risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5600 għad irid isir ftehim finali dwar din il-kwestjoni mal-Perit Mintoff (kumpens għal "Ta' l-Għarix"), kif jispjega l-Ministru l-fatt li qabel isir dan il-ftehim finali l-Gvern Nazzjonalista ħallas Lm128,000 lil Perit Mintoff?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 5808 fis-seduta ta' llum.
Leg 9 PQ #5811 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Pilots

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu jżomm li jimla' l-vacancies bħala piloti fl-Air Squadron fil-Forzi Armati ta' Malta, meta żgur li hemm erba' nieqsa u dan kif hemm indikat fil-White Paper dwar l-Armata li din tgħid li għandu jkun hemm 12 bħala compliment?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-Forzi Armati bħalissa mhumiex f'pożizzjoni li jħarrġu iżjed bdoti fuq l-ajruplani tagħhom. Dan peress li hemm pjanijiet sabiex fi żmien ta' madwar sena jinbiegħu l-ajruplani tat-tip Birddog u minflokom jinxtraw oħrajn. Hemm il-ħsieb li meta jinxtraw dawn l-ajruplani, tinħareġ sejħa għall-applikazzjonijiet għal bdoti ġodda.
Leg 9 PQ #5812 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru tas-Saħħa

Bormla — Poliklinika - Extractor

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex studjat l-impatt ambjentali qabel twaħħal l-extractor fuq il-bejt tal-poliklinika l-ġdida ta' Bormla peress li l-extractor huwa ta' kobor mhux inqas minn 5 piedi b'5 piedi u 'l bogħod 12-il pied minn djar tar-residenti? Jista' l-Ministru jgħid ta' min kienet id-deċiżjoni għal dan ix-xogħol? Kien hemm il-permessi kollha qabel twaħħal? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kopja tal-permess mill-Planning Authority?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Intepellant li l-apparat li hemm fuq il-bejt taċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Bormla mhux 'extractor' imma 'chiller' tas-sistema ta' l-arja kondizzjonata ċentrali taċ-Ċentru tas-Saħħa. Ma sar l-ebda studju speċifiku dwar l-impatt ambjentali minħabba illi skond l-opinjoni tat-tekniċi nkarigati mill-proġett jekk jirriżulta għar-resindenti tal-madwar xi nkonvenjent dwar xi ħsejjes, dan jista' jiġi rrimedjat billi jsirlu 'acoustic enclosure'. L-arja sħuna li toħroġ tintrema il-fuq. Il-proġett kollu li sar fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Bormla kien taħt id-direzzjoni ta' uffiċjali tekniċi, periti u inġiniera privati inkarigati mid-Dipartiment għal dan il-proġett. Il-bini huwa kopert mill-permess tal-Planning Authority numru PA 3230/96 li kopja tiegħu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #5814 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja — Kodiċi ta' etika

Question

Skond l-Att IX ta' l-1994 waħda mill-funzjonijiet tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja hi li din il-kummissjoni "tifformola kodiċi jew kodiċijiet ta'etika li jirregolaw l-imġieba tal-membri tal-ġudikatura", jista' l-Prim MInistru jagħti indikazzjoni ta' f'liema fażi wasal it-tfassil ta' din il-kodiċi, ħames snin wara t-twaqqif tal-kummissjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal- Ġustizzja ikkunsidrat il-mod kif jiġi abbozzat Kodiċi ta' l- Etika għall-Ġudikanti u rreferit lill-Ġudikanti varjanti tal-Kodiċi għall-kummenti tagħhom.
Leg 9 PQ #5815 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja — Ilmenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm daħlu lmenti dwar avukati għand il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, sena b'sena minn mindu twaqqfet il-kummissjoni fl-1994?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal- Ġustizzja rreferiet lill-Kumitat għall-Avukati fi ħdanha 75 lment fil-konfront ta` Avukati mill-1994 'l hawn. Minn dawn 53 ġew deċiżi u 22 għadhom pendenti.

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jaf il-Ministru li l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament qatt ma kellha fejn tirrisjedi u llum għadha tgħix ma' missierha flimkien mar-raġel u t-tifel tagħha? Jaf il-Ministru li għalkemm ilha tapplika ħames snin u indikat diversi indirizzi xorta baqgħat ma ngħatatx akkomodazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni qegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra. 22.3.99
Leg 9 PQ #5833 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru għall-Ambjent

Drenaġġ — Żbroff ta' drenaġġ

Question

Jaf il-Ministru li hemm il-katusi ħdejn ir-residenza tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament bil-ħsara u li minħabba f'dan qed ifur id-drenaġġ għal ġewwa l-kantina ta' din il-persuna? Peress li l-persuna kkonċernata ilha tikkorrispondi mad-dipartiment konċernat 22 sena u għalkemm kienet ħarġet anke tender xorta ma sar xejn, jistgħu jittieħdu passi biex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Dan il-każ qiegħed jiġi investigat.
Leg 9 PQ #5839 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Intern

PA — PA 1084/98

Question

B'riferenza għall-permess PA 1084/98, Comp Nru. 18, dwar żvilupp fi Triq Antonio Schembri, Attard, jista' l-Ministru jispjega għaliex dan l-iżvilupp qed jitħalla jsir bi 32 filata 'l fuq mill-art fuq in-naħa ta' wara, mingħajr l-ispazju ta' għallanqas għaxar (10) piedi li tirrekjedi l-liġi għal bejn il-bini? Jaf il-Ministru li minħabba f'hekk, id-djar numri 3 u 5 fi Triq ir-Rand li għandhom ġonna ta' għaxar piedi fond, se jkunu kompletament magħluqa? Jaf li l-familji li joqogħdu f'dawn l-indirizzi qatt ma ġew informati bid-deċiżjoni tad-DCC u b'hekk ma setgħux lanqas jikkonsidraw li jikkontestaw id-deċiżjoni quddiem il-Planning Appeals Board?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-permess ta' l-iżvilupp PA 1084/98 biex jinbena ħanut bi 'store' taħtu u uffiċini fl-ewwel u t-tieni sular fi Triq Antonio Schembri - Ħ'Attard ġiet sottomessa minn Med Design Consultants Ltd għan-nom ta' Melbourne Garage, Attard, fis-27 ta' Frar 1998 u ġiet approvata mill-Kummissjoni għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp fit-28 ta' Ottubru 1998. Jien infurmat li hija l-prattika tal-General Services Board li postijiet kummerċjali ta' inqas minn 40 pied jistgħu jingħataw permess għal bini mingħajr bitħa sakemm il-post huwa arjuż u mdawwal. F'dan il-każ il-btieħi ta' għaxar piedi li għandhom il-ġirien jissodisfaw ir-regolamenti sanitarji. Il-familji li joqgħodu f'numri 2 u 3 (mhux 3 u 5 kif jidher fil-mistoqsija) fit-Triq ir-Rand ġew avżati bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp permezz ta' ittra li nbagħtet fit-13 ta' Novembru 1998 lill-perit tagħhom li għan-nom tagħhom għamel l-oġġezzjoni. L-ittra ntbagħtet reġistrata bil-pink card u ġiet riċevuta fit-18 ta' Novembru 1998. Skond l-Att ta' l-1992 dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp, il-ġirien kellhom 30 jum biex jikkontestaw id-deċiżjoni quddiem il-Bord ta' l-Appell. 22.03.99

Segretarjat privat — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni mpjegati fis-segretarjat privat tiegħu? X'inhuma l-karigi, kwalifiki, esperjenza u x'inhu r-rwol ta' kull wieħed minnhom fis-Segretarjat Privat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Nru. 3451 Minn dak iż-żmien 'hawn, kien hemm żewġ persuni oħra li ġew ingaġġati b' kuntratt fis-Segretarjat Privat tiegħi. Dawn huma: (i) Is-Sur Alan Camilleri, li kien "Counselor" ma' l-Aġenzija SEDQA u li nħatar fil-pożizzjoni ta' "Communications Co-ordinator"; (ii) Is-Sur Ugo Callus li kien uffiċċjal pubbliku fil-grad ta' "Assistant Principal u li nħatar fil-pożizzjoni ta' "Office Co-ordinator". L-Onor. Interpellant jista' jsib aktar dettalji dwar r-rwol ta' dawn il-pożizzjonijiet kif ukoll ta' pożizzjonijiet oħra fis-Segretarjati Privati fid-dokument dwar 'l-ngaġġ ta' Mpjegati fis-Segretarjati Privati' li kien tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. 22.3.99
Leg 9 PQ #5841 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru t'Għawdex — Direct orders

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ingħataw direct orders mill-ministeru tagħha? Għal-liema xogħlijiet ingħataw dawn id-direct orders? Kemm kienu jammontaw kull direct order u lil min ingħataw? Fuq liema kriterju ingħataw dawn id-direct orders?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija numru 5116.
Leg 9 PQ #5842 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għal Għawdex

Xewkija — Servizz ta' drenaġġ

Question

Taf il-Ministru li Triq Gorġun, fix-Xewkija, Għawdex m'għandhiex is-servizz tad-drenaġġ minkejja li hemm bosta familji jgħixu fiha? Tista' l-Ministru tieħu l-passi kollha meħtieġa biex is-servizz tant bżonnjuż jitwassal anke f'din it-triq?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jekk l-Onorevoli Interpellant qigħed jirreferi għal Triq it-Torri Gorġun, jiena nfurmata li x-xogħolijiet meħtieġa iridu jsiru bħala parti mill-programm ta' xogħolijiet ta' drenaġġ f'Għawdex.
Leg 9 PQ #5843 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għal Għawdex

Xewkija — Manutenzjoni ta' triq

Question

Taf il-Ministru li Triq Girġor, fix-Xewkija tenħtieġ manutenzjoni peress li fiha ħsarat konsiderevoli? Tista' l-Ministru tieħu l-passi meħtieġa biex l-imsemmija triq tiġi rranġata?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jekk l-Onorevoli Interpellant qigħed jirreferi għal TRiq it-Torri Gorġun, jiena nfurmata li l-manutenzjoni ta' din it-triq hija responsabilita' tal-Kunsill Lokali tax-Xewkija.
Leg 9 PQ #5844 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għal Għawdex

Għajnsielem — Manutenzjoni ta' triq

Question

Taf il-Ministru li Triq il-Ġnien f'Għajnsielem tinsab fi stat ħażin u tenħtieġ resurfacing? Tista' l-Ministru tieħu l-passi kollha meħtieġa biex din it-triq tiġi resurfaced?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li Triq il-Ġnien f'Għajnsielem hija miksija bit-tarmac u m'għandhiex bżonn resurfacing. Jekk hemm xi ħtieġa ta' manutenzjoni din taqa' taħt ir-responsabilita' tal-Kunsill Lokali ta' Għajnsielem.

Valletta — Uffiċċju tal-MAM

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5225 u r-risposta tal-Ministru, peress li jiena nformat li r-risposta m'hijiex kompleta, jista' l-Ministru jara li dan il-każ jiġi nvestigat biex f'każ li jirriżulta li kien hemm użu ħażin tal-poter jittieħdu l-passi neċessarji?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika għaliex ir-risposta mhix kompleta, biex inkun nista` ninvestiga l-ilment ta` l-Onor. Interpellant.