B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 4469, jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti dettalji nkluż l-isem, ta' kull impjegat li jgawdi minn din it-tip ta' allowance nkluż id-degree jew diploma relattiva u x-xogħol li qiegħed iwettaq bħalissa dan l-impjegat?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda li tagħti l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Membru. Kull persuna ndikata f'din l-iskeda qed tagħti servizz, f'qasam jew f'ieħor, fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin.
Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk l-eluf ta' familji li bħalissa qegħdin igawdu mill-iskema ta' sussidju fuq ħlas ta' kontijiet ta' dawl u l-ilma humiex se jkompli jgawdu minn din l-iskema?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ir-rati tad-dawl u ta' l-ilma kif aġġustati mill-amministrazzjoni preżenti fihom infushom huma bażikament skema ta' sussidju. Kulħadd jaf li dawn ir-rati ġodda huma aktar vantaġġjużi mill-iskema li kien għamel il-gvern ta' qabel. Madankollu l-familji li għalihom qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant xorta waħda ser jibqgħu igawdu mill-iskema ta' sussidju fuq ħlas ta' kontijiet ta' dawl u ilma.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-iskop tat-tender WSC/T/8/99 "Geocoding of around 20,000 premises and the development of a related software application tool"?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-iskop huwa mniżżel ċar fl-ispeċifikazzjonijiet tat-tender WSC/T/8/99, fejn jinstabu aktar spjegazzjonijiet u dettalji dwar il-proġett.
L-iskop tat-tender WSC/T/8/99 huwa bħala pilot project, fejn 20,000 account f'Għawdex ser jiġu marbuta ma link fuq GIS basemap. L-iżvilupp ta' programm ta' software ser jagħti lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma il-faċilita` li tanalizza dettalji dwar il-konsum ta' dawn l-accounts b'relazzjoni mal-lokalitajiet ta' fejn joqgħodu u b'hekk tgħin f'analiżi ta' unaccounted for water, għal tiftix ta' telf u għal sistema aħjar ta' billing u metering. Dan il-proġett, flimkien mal-proġetti oħra ta' telemetry u xi forma ta' automated meter reading jfisser qabża ta' kwalita fix-xogħol tal-Korproazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma f'dan il-qasam.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intraw karozzi ġodda għal ministri minn Diċembru 1998 'il quddiem? Għal liema ministri kienu? Kemm swiet kull waħda?
Response (DALLI, JOHN)
Fil-perjodu msemmi nxtraw karozza għall-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi u oħra għall-Ministru ta` l-Agrikoltura u Sajd għall-prezz ta` Lm11,600 kull waħda.
Jista' l-Ministru jgħid ma' min iltaqgħu l-uffiċjali ta' Moody's Investors Service? Jikkonferma l-Ministru li kien hawn ukoll delegazzjoni ta' Standard & Poors? Jekk iva, x'laqgħat kellhom?
Response (DALLI, JOHN)
1. L-uffiċċjali ta` Moody`s Investors services kellhom laqgħat fuq jumejn
ta` taħdidiet ma` dawn li ġejjin:
a. Il-Ministru tal-Finanzi
b. Il-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi
c. Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali
d. L-Ambaxxatur għall-Unjoni Ewropeja f`Malta, Dr. G. Boggio
e. Uffiċċjali għolja mill-Ministru tal-Finanzi u mill-Bank Ċentrali
f. Iċ-Chairman tal-Mid-Med Bank
g. Uffiċċjali għolja min-National Tourism Organisation of Malta
h. Uffiċċjali għolja mill-General Workers
i. Il-Professur Lino Briguglio tal-Fondazzjoni għall-iStudji
Internazzjonali
2. Ma kien hawn l-ebda delegazzjoni f`Malta mill-aġenzija Standard and
Poor`s.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma d-dati li fihom se żżur Malta delegazzjoni tal-Fond Monetarju Internazzjonali?
Response (DALLI, JOHN)
Id-delegazzjoni tal-Fond Monetarju Internazzjonali qegħda f`Malta u bdiet il-programm ta` laqgħat tagħha nhar it-Tlieta 16 ta` Marzu. Dawn il-laqgħat jintemmu l-Ġimgħa 26 ta` Marzu.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-membri tal-Bord tad-Diretturi attwali tal-MITTS? Kemm u liema minnhom ġew appuntati minn gvern Laburista?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-membri tal-Bord tad-Diretturi tal-MITTS Ltd fil-preżent
huma:
Chairman - Is-Sur Joseph R Grima
Membri - Prof Juanito Camilleri
Is-Sur Anthony Diacono
Is-Sur Joseph Izzo
Is-Sinjura Anna McKenna
Is-Sur Norman Mifsud
Fi żmien l-Amministrazzjoni preċedenti, is-Sur Joseph R
Grima ukoll kien Chairman tal-kumpanija (sal-10 ta' Ġunju
1998), filwaqt li s-Sur Joseph Izzo u s-Sinjura Anna
McKenna servew bħala membri tal-Bord.
Jista' l-Ministru jgħid xi studji saru mill-Planning Authority dwar l-impatt fuq l-ambjent Malti u dak Għawdxi li tista' iġġib magħha sejba taż-żejt fi kwantitajiet kummerċjali? Liema għandu l-anqas impatt negattiv, tħaffir fuq l-art jew dak offshore? Jista' l-Ministru jippubblika dawn l-istudji jew għall-inqas executive summary tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ma għamlet l-ebda studju dwar l-impatt minn tħaffir għaż-żejt.
Jekk l-Awtorita' ikollha applikazzjoni għal tħaffir u produzzjoni għaż-żejt, din l-applikazzjoni tkun suġġetta għal Environmental Impact Assessment skond it-termini tal-proċeduri tal-EIA's f'Malta.
22.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba għandu quddiemu d-Dipartiment ta' l-Artijiet minn NGO's Maltin u Għawdxin biex jiksbu artijiet/premises tal-gvern? Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-NGO's? X'qed isir biex il-gvern jgħaddi l-artijiet/premises lill-NGO's?
Response (BORG, TONIO)
Kull meta ssir talba għal bini minn għaqda volontarja, din it-talba tintbagħat lid-Dipartiment tal-Gvern sabiex japprovaha. Jekk din tiġi approvata, u ma hemm l-ebda bżonn tal-bini għal xi użu pubbliku ieħor, id-Dipartiment tal-Artijiet jeżamina t-talba. Naturalment kull trasferiment isir skond il-Att li jirregola it-Trasferiment tal-Artijiet tal-Gvern.
Peress li ma tinżammx statistika separata dwar dawn it-talbiet, tlabt lid-Dipartiment konċernat biex jeżamina l-'files' tiegħu, sabiex jekk jista' jkun, din l-informazzjoni tingħata f'xi seduta oħra.
22.03.99
Jista' l-Ministru jikkonferma li ħaddiema fil-Maltacom plc qed jiġu offruti somma ta' flus biex jiġi terminat l-impjieg tagħhom mill-korporazzjoni? Fuq liema kriterji qed jinħadmu ċ-ċifri li qed jiġu offruti lill-ħaddiem? Kien hemm xi ħaddiema li diġa' aċċettaw li jispiċċaw minn mal-korporazzjoni? Fuq liema kriterji l-Maltacom plc iddeċidiet li tniedi din l-iskema?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fil-Ftehim Kollettiv bejn il-Korproazzjoni Telemalta, illum Maltacom, u t-Taqsima Parastatali tal-GWU, li kien ikopri l-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 1996 u l-31 ta' Diċembru 1998, kien intlaħaq qbil li 'il-Korporazzjoni, meta jkun iż-żmien opportun, tikkunsidra l-introduzzjoni ta' skema ta' 'Phased Retirement' fuq bażi volontarja. Il-Union tiġi konsultata dwar din l-iskema.
Il-kriterji li fuqhom inħadmu ċ-ċifri offruti lill-ħaddiema li jgħażlu li jibbenifikaw minn din l-iskema saru bi ftehim bejn il-Kumpanija u l-Union. il-kriterji wżati huma dawn:
1. F'Mejju 1998 saret l-offerta għal dawk li għalqu l-55 sena. Dawn ġew
offruti 15-il ġimgħa paga għal kull sena servizz li l-impjegat ikun fadallu sa l-eta` tal-pensjoni.
2. F'Novembru 1998 ħarġet l-offerta għal dawk il-ħaddiema li għandhom
bejn 50 u 55 sena. Dawm ġew offruti 13-il ġimgħa paga għal kull sena servizz li l-impjegat ikun fadallu sa l-eta` tal-pensjoni.
3. F'Jannar 1999 ħarġu żewġ skemi oħra:
(a) waħda għal dawk ta' eta` bejn il-45 u l-50 sena. Dawn ġew offruti
ġimgħat paga għal kull sena servizz li l-impjegat ikun fadallu sa l-eta` tal-pensjoni
(b) oħra għal dawk ta' bejn l-40 u l-45 sena li ġew offruti 10 ġimgħat
paga għal kull sena servizz li l-impjegat ikun fadallu sa l-eta`
tal-pensjoni sa massimu ta' Lm15,000.
S'issa applikaw 130 ħaddiem biex jirtiraw qabel iż-żmien u minn dawn 67 diġa ħallew il-Kumpanija.
Il-Maltacom iddeċidiet li tniedi din l-iskema fid-dawl tal-pjan tagħha biex tirriorganizza l-Kumpanija.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-PBS se jwaqqaf fl-aħħar ta' Marzu 1999, diversi programmi popolari fosthom Xarabank, Pjazza 3, Basta mhux Weekend u Ħadd ieħor? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kif il-PBS wasal għal din id-deċiżjoni meta kulħadd jaf kemm dawn il-programmi televiżivi huma segwiti mill-poplu Malti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-PBS approvat it-tkomplija fl-iskeda ta' TVM għal April, Mejju u Ġunju 1999 tal-programmi "Pjazza 3" u "Xarabank".
Fil-każ ta' "Xarabank", iżda, t-tim li jipproduċih għażel li bħas-sena l-oħra, jtemm l-impenji tiegħu fl-aħħar ta' Marzu.
Dwar "Basta Mhux Weekend" u "Ħaddieħor" il-PBS ma dehrilhiex li għandha żżommhom fl-iskeda billi ma kienux qed jiġġeneraw introjtu biżżejjed.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Public Broadcasting Services se jnaqqas salarji jew overtime lill-ħaddiema? Jekk fl-affermattiv, kif se jsir dan it-tnaqqis?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-PBS naqqset il-budget tagħha tas-sahra għal din is-sena bi tmintax fil-mija (Lm50,000).
Din il-miżura hija maħsuba biex tolqot b'mod ugwali d-dipartimenti kollha fil-kumpanija u b'hekk issaħħaħ il-ħidma preżenti tal-PBS biex tirrazzjonalizza l-impenn finanzjarju tagħha.
M'hemm kontemplat ebda tnaqqis fis-salarji.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew jintbagħtu r-returns ta' l-income tax liċ-ċittadini għas-sena bażi 1998?
Response (DALLI, JOHN)
Hu mistenni li l-ewwel returns tal-Income Tax għall-1998 joħorġu x-xahar id-dieħel.
Bħalma jaf l-Onorevoli Interpellant din is-sena se jkun introdott il-kunċett tas-Self Assessment u għalhekk se jkun hemm bżonn xi emendi għall-liġi tat-taxxa fuq id-dħul.
Jista' l-Ministru jgħid x'attivitajiet u ċelebrazzjonijiet saru mill-ministeru u d-dipartiment konċernat f'Jum il-Mara nhar it-8 ta' Marzu, 1999? Kemm intnefqu finanzi pubbliċi f'PR., reklamar, attivitajiet eċċ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Makkinarju għat-twettiq tal-Politika tal-Gvern dwar in-Nisa fis-Soċjeta' hija l-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara flimkien mad-Dipartiment dwar in-Nisa fis-Soċjeta'. Huwa dan il-makkinarju li huwa responsabbli mill-organizzar taċ-ċelebrazzjonijiet ta' Jum il-Mara.
Din is-sena il-Ministeru ħass li għandu jippjana kampanja ta' edukazzjoni sabiex titqajjem kuxjenza favur parteċipazzjoni akbar u aktar sħiħa tan-nisa f'oqsma differenti tal-ħajja. Għalhekk l-attivitajiet u ċ-ċelebrazzjonijiet ma' sarux biss f'jum il-mara imma bdew minn xahar qabel, mat-twaqqif tal-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara. Matul dan ix-xahar saru diversi interventi fuq stazzjonijiet televizivi u tar-radju kemm minni bħala Ministru responsabbli mill-qasam dwar in-nisa fis-soċjeta', kif wkoll miċ-Ċhairperson tal-Kummissjoni u mid-Direttur tad-Dipartiment dwar in-Nisa fis-Soċjeta. Saru wkoll interventi varji permezz ta' konferenzi stampa, parteċipazzjoni f'konferenzi ta' studju u fil-gazzetti. Ġiet wkoll mtella kampanja televiziva biex teduka u tħeġġeg aktar nisa' għal parteċipazzjoni akbar u aktar sħiħa fil-livelli kollha tas-soċjeta'. Huwa ppjanat li din il-kampanja tiġi mxandra perjodikament.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iskeda tal-attivitajiet li saru in konnessjoni ma' Jum il-Mara 1999, flimkien ma' l-ispejjes konċernati.
22.3.99
Taf il-Ministru li dawk il-ħaddiema/passiġġieri li jkunu se jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer m'għandhomx il-faċilita' ta' waiting room fil-port ta' l-Imġarr?
Taf il-Ministru li dan qiegħed joħloq inkonvenjent għal passiġġieri kemm fix-xhur tas-sajf kif ukoll matul ix-xitwa?
Meta se jittieħdu l-passi meħtieġa biex tiġi pprovduta xi forma ta' waiting area?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li faċilitajiet xierqa għall-passiġġieri ser ikunu pprovduti sew fl-Imġarr kif ukoll fiċ-Ċirkewwa fil-proġett li qiegħed jitħejja għal dawn iż-żewġ portijiet. Hija ħasra li fis-sentejn ta' Gvern Laburista ma saru l-ebda xogħolijiet fil-port ta' l-Imġarr biex ta' l-inqas tittaffa l-problema li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant.
Taf il-Ministru li Triq Santa Marija, Marsalforn, Għawdex tinsab fi stat diżastruż? Tista' tgħid x'inhi r-raġuni li din it-triq tħalliet f'dan l-istat? Meta beħsiebhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex din it-triq tiġi rranġata?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li Triq Santa Marija, Marsalforn kienet qiegħda fi stat ħażin ħafna minħabba xogħol ta' trinka li saret fiha. Dan ix-xogħol huwa lest u t-triq ġiet irranġata.
Jaf il-Ministru li l-prassi hi li dawk il-ħaddiema li jagħmlu 15-il sena jaħdmu bħala Hospital Auxiliary group B (ekwivalenti għal grad 18) fl-iSptar Ġenerali t'Għawdex, dawn awtomatikament jieħdu group D?
Jaf il-Ministru li f'dan l-isptar hemm ħaddiema li minkejja li skorrew iż-żmien stipulat jaħdmu x-xogħol fuq imsemmi, dawn baqgħu ma ħadux il-grad ta' group B?
X'passi se jittieħdu biex dawn it-talin jieħdu l-grad mistħoqq?
Kemm hemm ħaddiema ta' dan it-tip jaħdmu fl-isptar fuq imsemmi li huma ntitolati għal grad ta' group B u għadhom ma ħaduhx?
Kemm hu n-numru ta' dawk il-persuni li kienu ntitolati għal dan il-grad ta' group B u baqgħu ma ħaduhx anke li llum spiċċaw l-impjieg tagħhom bl-eta'?
X'se jiġri minn dawn l-ex-ħaddiema u kif se jiġu rrimedjati dawn in-nuqqasijiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Interpellant jindirizza l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw persuni għall-post ta' Head of Institutional Operations mal-FMS? Saru l-interviews? Jekk fl-affermattiv, minn min saru u min intgħażel (isem u ID card)? Jekk fl-affermattiv, x'inhuma l-kundizzjonijiet ta'mpjieg li l-persuna magħżula daħlet bihom?
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dawn il-kundizzjonijiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-applikazzjonijiet għadhom qed jiġi pproċessati.