Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qormi — Triq il-Ħelsien

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jagħmel id-dipartiment tiegħu biex ir-residenti ta' Triq il-Ġdida fi Triq il-Ħelsien Ħal-Qormi ma jkomplux isofru danni konsiderevoli fil-proprjeta' tagħhom minħabba l-ilmijiet, eċċ. li jinżel fi djar tagħhom, wara li l-Planning Authority irrifjutat l-applikazzjoni (PC39/97) għal ftuh ta' Dragon Street? Id-dipartiment kif se jirrimedja għal dan?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jaqbad il-każ mal-Awtorita` ta` l-Ippjanar biex jiġi stabbilit x`jista jsir f`dan ir-rigward.
Leg 9 PQ #5303 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Applikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ġiet refused l-applikazzjoni bir-riferenza PC39/97 mill-Planning Authority għal ftuħ ta' Triq id-Dragun f'Ħal Qormi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni PC 39/97 ma kienetx biex tinfetaħ Triq id-Dragun f'Ħal Qormi, iżda biex jiġi emendat l-allinjament ma' Triq il-Ħelsien. L-applikazzjoni ġiet rifjutata għax skond deċiżjoni tal-Qorti ta' l-Appell, l-art in kwistjoni hi raba saqwi. 22.03.99

EU — Interessi fuq self

Question

Ma jidhirlux il-Viċi Prim Ministru li Malta tkun qed tkompli titgħabba b'piżijiet kbar ta' interessi fuq self, jekk u meta l-Unjoni Ewropea tagħtina xi self anke jekk ikun b'imgħaxxijiet baxxi?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Nitlob l-Onor Interpellant li tpoġġi din il-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jikkalkula li hemm min qiegħed jabbuża mill-pensjoni, billi fl-aħħar snin tax-xogħol ikun tella' jew tellgħulu s-salarju aktar milli fil-fatt kien? Kemm huwa n-numru ta' pensjonanti u kemm jinvolvu finanzi dawn l-abbużi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jeżisti provvediment fl-Att dwar is-Sigurta' Soċjali li jagħti poter lid-Direttur tas-Sigurta' Soċjali li ma jaċċettax salarji jew dħul ieħor li fl-opinjoni tiegħu ma jkunx bona fide. Infatti kien hemm każi fejn id-Direttur applika dan il-provvediment. Ninforma lill-Onor. Membru li t-Taqsima tal-Pensjonijiet dejjem tagħmel il-verifiki kollha biex tassigura li s-salarji li fuqhom tkun ibbażata r-rata ta' pensjoni, jkunu dawk li fuqhom tħallset il-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali. Fejn instab li salarji ma jkunux ġew iddikjarati kif suppost, jew dawn ma jkunux bona fide fit-termini tal-liġi, t-Taqsima tal-pensjonijiet dejjem ħadet il-passi biex jew ma jsirx ħlas żejjed fil-pensjonijiet, jew jekk sar xi ħlas żejjed jinġabar minnufiħ. Nassigura l-Onor. Interpellant li fejn id-Dipartiment isib li hemm xi abbużi, jittieħdu l-passi meħtieġa. 22.3.99
Leg 9 PQ #5352 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Operazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti r-raġunijiet għaliex operazzjonijiet mill-aktar komuni bħal, per eżempju, dik tal-ġebla, tal-katarretti, eċċ qed jieħdu appuntamenti għal aktar minn sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-'waiting list' għal kull tip ta' operazzjoni (mhux urġenti) fl-għajnejn tvarja bejn erbgħa u sebgħa xhur, filwaqt li dik għal operazzjonijiet ta' ġebel fil-kliewi hija ta' inqas minn tlett xhur. Nerġa nirrepeti li l-'waiting time' ivarja minn konsulent għall-ieħor u li l-'waiting times' tagħna huma bil-bosta aħjar minn dawk li hemm f'pajjiżi aktar żviluppati minna.
Leg 9 PQ #5395 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Wardija — Tħaffir għall-ilma

Question

Peress li fl-inħawi tal-Wardija ntlemħu nġenji ta' Kalaxlokk, liema nġenji jintużaw sabiex isir it-tħaffir ta' l-ilma, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk huwiex se jsir xi tħaffir għall-ilma f'dawk l-inħawi?

Response (BONNICI, JOSEF)

Minn investigazzjonijiet li għamlet il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, jirriżulta li fl-inħawi msemmija sejra ssir 'trial hole' ġewwa post privat u li dan ix-xogħol mhux konness ma tħaffir għall-ilma. Tajjeb wieħed iżid li l-Kumpanija Kalaxlokk m'għandhiex inġenji li jistgħu jintużaw sabiex isir tħaffir għall-ilma.
Leg 9 PQ #5396 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Wardija — Tħaffir għall-ilma

Question

Peress li fl-inħawi tal-Wardija ntlemħu nġenji ta' Kalaxlokk, liema nġenji jintużaw sabiex isir it-tħaffir ta' l-ilma fl-inħawi, jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment għall-Ambjent ġiex ikkonsultat? Jekk iva, meta u għaliex qed issir din it-talba għat-tħaffir ta' l-ilma?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li qiegħed jagħti l-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi numru 5395 ta' din is-seduta.
Leg 9 PQ #5397 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Baħrija — Ġnien Barnuża l-Ħamra

Question

Peress li r-residenti tal-Baħrija qed jilmentaw li Ġnien Barnuża l-Ħamra li hemm fil-pjazza tħalla abbandunat u li l-unika latrina pubblika li hemm qed tinżamm imsakkra minn ġimgħa għall-oħra, jista' Dipartiment tal-Kunsilli Lokali ġentilment jintervjeni sabiex l-ilment tar-residenti tal-Baħrija jiġi rimedjat? Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se jitnaddaf il-ġnien u min se jkun responsabbli miż-żamma tiegħu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant il-Kunsilli huma korpi statutorji ta` gvern lokali u fil-qadi tal-funzjonijiet jaġixxu skond il-prioritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom. Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill konċernat.

Rabat — Għajn Qajjed - Qasam tad-Djar

Question

Peress li r-residenti fil-qasam tad-djar ta' Għajn Qajjed Housing Estate fir-Rabat qed jilmentaw li kiber ħafna ħaxix ħażin fil-madwar tal-Blocks tal-bini, jista' d-dipartiment jikkordina mal-Kunsill Lokali tar-Rabat u d-Dipartiment ta' l-Agrikoltura sabiex isir it-tindif neċessarju? Jista' l-Ministru jinformani fiex waslu d-diskussjonijiet sabiex fil-ġejjieni jsiru l-lifts fil-block tal-flats ta' Għajn Qajjed peress li l-eta' tar-residenti f'dawn l-appartamenti qiegħda dejjem tikber?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif stqarr l-Onor. Interpellant stess, ir-responsabbilta' għat-tindif fiż-żona tal-Housing Estate hija tal-Kunsill Lokali. Madankollu jien infurmat li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar ser jikkordina mal-Kunsill Lokali u mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura biex dan ix-xogħol jista' jsir mill-Kunsill Lokali. Rigward l-istallar ta' lifts, kif ġa ħabbart ftit tal-ġimgħat ilu, għalissa l-iskema ser tkun limitata għal bini tal-Gvern fil-Kottonera. Skond ir-rispons u s-suċċess ta' l-iskema, tiġi estiża għal lokalitajiet oħra f'Malta. 22.3.99
Leg 9 PQ #5445 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Burgers tal-majjal — Importazzjoni

Question

Peress li hawn diversi ilmenti li ġew importati burgers magħmula mill-laħam tal-majjal u ċioe' diġa' kienu qed jinbiegħu f'super markets partikolari, jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-kwantitajiet ta' dawn il-burgers tal-majjal u kemm tħallset levy fuqhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #5446 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Burgers tal-majjal — Importazzjoni

Question

Peress li hawn diversi ilmenti li ġew importati burgers magħmula mill-laħam tal-majjal u fil-fatt diġa' qed jinbiegħu fis-super markets lokali, jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet ta' din l-importazzjoni?

Response (ZAMMIT, NINU)

Kif suppost jaf l-Onor. Interpellant, m'hemm l-ebda projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta' burgers tal-majjal sakemm dawn ikunu ċċertifikati li huma sani għall-konsumatur u titħallas il-levy fuqhom.
Leg 9 PQ #5552 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Persuni jbatu minn cancer

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ġew diagnosed li qed ibatu minn xi forma ta' cancer is-sena l-oħra? Kemm mietu b'din il-marda s-sena l-oħra? X'tip ta' cancer kellhom dawk li ġew diagnosed u dawk li mietu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma l-Onor interpellant li l-informazzjoni mitluba hi skond il-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Spazju ta' l-ajru

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta' vjolazzjoni ta' l-ispazju ta' l-ajru ta' Malta s-sena l-oħra? X'tip ta' ajruplani ġew individwati mill-awtoritajiet Maltin u ta' liema nazzjonalita' kienu? Saru xi protesti diplomatiċi mill-awtoritajiet Maltin fuq xi każi, u jekk iva, ma' liema pajjiżi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li kien hemm erba` każi ta` nuqqas ta` identifikazzjoni ta` ajruplani fil-`Flight Information Region` ta` Malta matul is-sena 1998. Dawn l-inċidenti jikkonsistu li ajruplani għaddew mill-ispazju kkontrollat minn Malta mingħajr ma għamlu kuntatt maċ-Ċentru tal-Kontroll tat-Traffiku ta` l-Ajru ta` Ħal-Luqa. Fit-tliet każi, la n-nazzjonalita` u lanqas t-tip ta` ajruplan m`hu magħruf. Fil-każ l-ieħor ġie identifikat it-tip t`ajruplan (P-3 Orion) iżda n-nazzjonalita` tiegħu ma ġietx identifikata. Minħabba li ma hemmx identifikazzjoni ta` nazzjonalita` mhux il-każ li saru xi protesti diplomatiċi.
Leg 9 PQ #5554 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Persuni Russi/Ukrajni — Residence permit

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni ta' nazzjonalita' Russa jew Ukrajna li għandhom residence permit u work permit illum? X'tip ta' xogħol jagħmlu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bħalissa hawn 196 persuna Russa u 6 persuni Ukrajni (inklużi nisa u tfal) li qegħdin hawn Malta permezz ta' Residence Permit. Infakkar lill-Onor. Interpellant li persuni li qed jgħixu hawn bis-saħħa ta' Residence Permit ma jistgħux jaħdmu f'Malta. Ninsab infurmat ukoll li n-numru ta' persuni Russi u Ukrajni li għandhom liċenzja ta' impjieg biex jaħdmu Malta huwa ta' 101 u 12 rispettivament. Dawn jagħmlu diversi xogħlijiet bħalma huma Diretturi ta' kumpaniji, Managers, Couriers, Interpreti, Chefs u Sportsmen fost oħrajn, kif jidher mill-lista ta' nies barranin li għandhom liċenzja ta' impjieg li tiġi ppublikata kull xahar mid-Dipartiment ta' l-Informazzjoni. 22.03.99
Leg 9 PQ #5555 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Finanzi

Proprjeta' — Xiri minn barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtrat proprjeta' mill-barranin is-sena l-oħra? Kemm kien in-numru ta' persuni li xtraw proprjeta', minn liema pajjiżi kienu u kemm xtraw proprjeta' x-xerrejja minn kull pajjiż involut?

Response (DALLI, JOHN)

In-numru ta` barranin li ngħataw il-permess taħt l-Att ta` 1974 Dwar Akkwist Ta` Proprjeta Immobbli Minn Persuni Mhux Residenti, biex jixtru proprjeta` immobbli f`Malta matul l-1998 kien ta` mija u ħamsin (150). Għar-rigward ta` liema pajjiż kienu dawk li ngħataw l-imsemmi permess għax-xiri matul l-1998, qed tingħata l-informazzjoni meħtieġa fl-annessa tabella markata Dokumenti `A`.

Tarzna ta' Malta — Sussidju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħatat susssidju t-Tarzna s-sena li għaddiet?

Response (BONNICI, JOSEF)

Mill-Fond Konsolidat it-Tarzan ta' Malta matul is-sena li għaddiet irċeviet l-ammont ta' Lm5,527,000 bħala sussidju. Mit-Treasury Clearance Fund l-azjenda irċeviet is-somma ta' Lm11.4 miljuni.

Enemalta/WSC — Sussidju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħatat sussidju l-kumpannija Enemalta u l-Water Services Corporation is-sena l-oħra?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-Korporazzjoni Enemalta ma ngħatat l-ebda sussidju matul is-sena li għaddiet waqt li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma irċeviet is-somma ta' Lm13.5 miljuni bħala sussidju.
Leg 9 PQ #5625 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Proġett tal-Kottonera — Dokumenti

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokumenti li ġew iffirmati maż-żewġ konsorzja għall-iżvilupp tal-proġett tal-Kottonera?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għall-kuntratt propost kif ukoll għal 'Land Drawings' relattivi li kienu inizjalati mill-konsorzja, u li minn mindu saret il-Mistoqsija Parlamentari ta' l-Onorevoli Interpellant ġew ippreżentati lill-Iskrivan tal-Kamra flimkien ma riżoluzzjoni għall-approvazzjoni ta' l-istess kuntratt.
Leg 9 PQ #5626 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Sejħa għal diretturi

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista għas-sejħiet ta' diretturi u assistenti diretturi li saru wara l-5 ta' Settembru, 1998? Jista' l-Prim Ministru jagħti wkoll l-ismijiet tal-persuni li applikaw għal kull sejħa nkluż il-grad ta' kull persuna?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi ħarġu tliet sejħiet għal mili ta' pożizzjonijiet ta' Diretturi u Assistenti Diretturi wara l- 5 ta' Settembru, 1998. Ċirkolari Numru OPM 3/99 kienet għal mili ta' pożizzjonijiet ta' Diretturi u żewġ cirkolarijiet oħra bin- Numru MPO 16/99 u MPO 32/99 kienu għal mili ta' pożizzjonijiet ta' Assistenti Diretturi. Iż-żewġ skedi li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra juru l-pożizzjonijiet li għalihom ħarġu s-sejħiet. Ma nħossx li hija etika li tingħata lista ta' l-applikanti għal dawn il-pożizzjonijiet.
Leg 9 PQ #5627 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Drenaġġ — Servizzi ta' konsulenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-aġġudikazzjoni għas-sejħa ta' servizzi ta' konsulenza għall-upgrading tas-sistema infrastrutturali tad-drenaġġ għan-naħa t'Isfel ta' Malta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tad-Drenaġġ diġa' ħejja rapport fejn għadda r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lid-Dipartiment tal-Kuntratti. B'hekk l-għoti tal-kuntratt li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant mistenni jitħabbar fil-ġimgħat li ġejjin.