Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #5696 Sitting 79 1999-03-23 Oral · Interim From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Elezzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet iċ-ċifra globali, li tinkorpora l-ispejjeż kollha, li ntnefqet biex setgħu jinżammu l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali li saru nhar is-Sibt 13 ta' Marzu, 1999?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-informazzjoni dwar l-ispejjeż li ntefqu biex setgħu jinżammu l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li saru nhar is-Sibt 13 ta' Marzu għada qegħda tinġabar, u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #5697 Sitting 79 1999-03-23 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Pre-retirement

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienu dawk il-ħaddiema fis-Servizz Pubbliku li bdew jibbenefikaw mill-iskema tal-pre-retirement leave sal-lum? Jista' l-Prim Ministru jgħid kif jinħadem dan il-pre-retirement leave u min huwa intitolat u meta biex japplika għalih?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-iskema tal-pre-retirement leave ġiet introdotta b'effett mill-1 ta' Jannar 1999. Din tingħata mill-kapijiet tad- Dipartimenti rispettivi, u għalhekk dwar kemm kienu dawk li bbenefikaw minn dan il-leave, nistieden l-Onorevoli Interpellant biex jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministri rispettivi. Fl-Uffiċċju tiegħi hemm ħames uffiċjali pubbliċi li applikaw għall-pre-retirement leave. Dwar it-tieni domanda, kull uffiċjal pubbliku f'kwalunkwe grad li jirtira bl-eta jista jieħu massimu ta' tlett xhur kalendarji leave bi ħlas bħala pre-retirement leave li jridu jittieħdu fuq bażi kontinwa u mmedjatament qabel ma jirtiraw. Dawn it-tlett xhur jinħadmu fuq sick leave b'paga sħiħa li l-uffiċjal ma jkunx utilizza. L-uffiċjal jista jġorr għal dan l-iskop mhux aktar min ħmistax il- ġurnata pre-retirement leave għal kull sena kalendarja, fuq il-bażi ta' ġurnata pre-retirement leave għal kull jumejn sick leave bi ħlas sħiħ. Waqt il-pre-retirement leave jirċievi l-paga sħiħa tas-salarju sostantiv tiegħu. L- uffiċjal pubbliku huwa mitlub japplika fi żmien raġonevoli biex il-kap tad-dipartiment jagħmel l-arranġamenti tiegħu: normalment japplika xahar qabel ma jkun se jibda il-pre- retirement leave.
Leg 9 PQ #5698 Sitting 79 1999-03-23 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MIA — Blokki ta' deheb

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li fi Frar ta' din is-sena fl-istrong room li hemm fuq l-Apron ta' park 9 fl-Airport tal-Gudja nstabux xi blokki ta' deheb li jiswew eluf kbar ta' liri, minsija w mitluqa ma' l-imbarazz? Kemm kien il-valur tagħhom? Ġew claimed? Jekk fl-affermattiv, ta' min kienu? Jekk fin-negattiv, x'sar minnhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta tingħata f`xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #5699 Sitting 79 1999-03-23 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Monte Carmeli — Drug addicts

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Director General tax risposta għall-ittra li kitbulu l-Malta Union of Midwives and Nurses fit-18 ta' Jannar, 1999 biex ma jibqgħux jiġu admitted drug addicts fis-sala Nru.2 ta' l-irġiel fl-Isptar Monte Carmeli? Jista' l-Ministru jgħid x'kura qed jingħataw dawn il-pazjenti f'din is-sala li ma tistax tingħata f'xi istituzzjoni oħra? Kemm daħlu drug addicts fis-sala Nru.2 mill-24 ta' Diċembru, 1998 sal-lum?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant li pazjenti li għandhom bżonn jiġu dditossifikati jistgħu jingħataw din it-tip ta' kura f'istituzzjonijiet oħra jekk ikun hemm ir-riżorsi meħtieġa. Jekk, pero, mill-banda l-oħra l-pazjent ikollu fl-istess waqt marda mentali li teħtieġ kura ġo sptar mentali, dan ma jkunx jista' jsir ġo istituzzjoni oħra sakemm ma jitpoġġewx ukoll riżorsi għall-kura ta' mard mentali f'dik l-istituzzjoni. Mill-24 ta' Diċembru 1998 sa llum daħlu sitt pazjenti fis-sala Nru. 2. Tlieta li ġew trasferiti mis-sala Nru. 10 ta' l-irġiel meta ingħalqet u tlieta li kienu 'new admissions'.
Leg 9 PQ #5700 Sitting 79 1999-03-23 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Monte Carmeli — Sala Nru. 10

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li bl-għeluq tas-sala Nru. 10 ta' l-irġiel fl-iSptar Monte Carmeli, il-problemi issa ġew trasferiti fis-sala Nru.2, anzi żdiedu u nħolqu problemi oħra minħabba nuqqas ta' ppjanar u xogħol bl-għaġġla? Jaf il-Ministru li l-ispazju li ttieħed biex issir is-Seclusion Unit, ittieħed mis-sala Nru.2 b'konsegwenza li l-pazjenti l-oħra ġew marsusa qishom sardin, tant li kull filgħaxija qed jintbagħtu xi tmien (8) pazjenti biex jorqdu fi swali oħra? Jaf li fis-sala Nru.2 qed jintbagħtu numru mhux ħażin ta' persuni li abbużaw mid-droga b'konsegwenza ta' taħlit ma' pazjenti oħra? Ma jaħsibx li dan mhux il-post adattat għalihom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant li qabel l-24ta' Diċembru 1998 is-sala Nru. 10 kienet tilqa fiha:- a) Pazjenti riferiti mill-Qrati u mill-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin b) Pazjenti b'imġieba aggressiva c) Pazjenti li kien ilhom snin twal fiha u saru kroniċi Mill-24 ta' Diċembru 1998 ġie deċiż li tinżamm miftuħa parti żgħira ħafna minn Sala Nru. 10 u li din tkun riservata biss għal pazjenti riferuti mill-Qrati u mill-Faċilita Korrettiva. Il-pazjenti b'imġieba aggressiva ttieħdu f'Sala Nru. 2 filwaqt li l-pazjenti kroniċi tqiegħdu fis-swali 'long-stay' skond is-diżabilita' rispettiva tagħhom. Biex il-pazjenti b'imġieba aggressiva jkunu jistgħu jiġu ttrattati b'dinjita', ħloqna Seclusion Unit ġdid bil-faċilitajiet kollha. Sakemm dan tlesta kellna faċilitajiet temporanji fis-Sala Nru. 2. Żammejna il-prerogattiva li nużaw dik il-parti ta' Sala Nru. 10 li nżammet miftuħa jekk verament ikun meħtieġ. Dan għidnieh kemm fiċ-Ċirkolari nterna kif ukoll waqt il-Konferenza Stampa li konna għamilna. Illum għandna Seclusion Unit li ma jħammrilniex wiċċna u ninsabu konformi mar-rakkomandazzjonijiet ta' Kumitat għall-prevenzjoni tat-Tortura tal-Kunsill ta' l-Ewropa li kien irrakkomanda li jkunu mifruda il-pazjenti b'imġieba aggressiva minn dawk riferiti mill-Qrati jew mill-Faċilita' Korrettiva. Rigward iffullar f'Sala Nru. 2, ta' min ifakkar li hemm perjodi matul is-sena li fihom in-numru ta' pazjenti ammessi fl-Isptar għal kura akuta aktar jikber b'mod sostanzjali. Dan għandu x'jaqsam man-natura ċiklika ta' xi mard mentali. Ilha prassi għal numru ta' snin li f'ċirkustanzi bħal dawn fejn il-kundizzjoni medika tkun tippermetti li pazjenti minn Sala Nru. 2 jintbagħtu jorqdu fi swali oħra. Mhix l-ewwel darba li persuni bi storja ta' abbuż minn droga ġew ikkurati f'Sala Nru. 2. Il-post addattat għal kura għandu jiddependi mill-kundizzjoni psikjatrika u mhux minn kunsiderazzjonijiet oħra. Fl-istess waqt qed isiru kuntatti ma' Sedqa biex ikun hemm ħidma ko-ordinata fil-kura ta' persuni li jkunu abbużaw minn droga li jkollhom ukoll problemi psikjatriċi.
Leg 9 PQ #5701 Sitting 79 1999-03-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Gazzetta tal-Gvern — Revenue & Expenditure

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Gvern jidher li waqa' lura fl-ippubblikar ta' tagħrif dwar dħul u ħruġ (Revenue & Expenditure) fil-gazzetta tal-gvern?

Response (DALLI, JOHN)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Membru li r-rendikonti kif jesiġi artiklu 65(I) ta` l-Att dwar l-Amministrazzjoni Finanzjarja u l-Verifika (Att ta` l-1962) qed jitħejjew biex jiġu mgħoddija lill-Awditur Ġenerali biex sussegwentement jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra kif titlob l-istess liġi. Tabella Numru 1 ta` dawn ir-rendikonti turi d-dħul u l-ħruġ (Revenue and Expenditure) tal-Fond Konsolidat sa l-aħħar ta` Diċembru 1998. Malli dan id-dokument jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra jkun ukoll ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern, flimkien ma` tabelli oħra li juri l-figuri għall-ewwel xhur ta` l-1999. Għall-informazzjoni tal-Kamra qed nagħti tagħrif dwar id-dati li fihom kienu ippubblikati rendikonti preċedenti fl-aħħar snin: Data tal-pubblikazzjoni Nru. tal-Gazzetti Xhur ippubblikati tal-Gvern 29 ta` April 1994 15935 Diċembru 1993 3 ta` Mejju 1994 15938 Jannar\Frar\Marzu 1994 5 ta` Mejju 1995 16106 Diċembru 1994 16 ta` Mejju 1995 16111 Jannar\Frar 1995 23 ta` Mejju 1995 16113 Marzu 1995 14 ta` Mejju 1996 16277 Diċembru 1995 14 ta` Mejju 1996 16277 Jannar\Frar\Marzu 1996 29 ta` April 1997 16448 Diċembru 1996 29 ta` April 1997 16448 Jannar\Frar\Marzu 1997 15 ta` Mejju 1998 16617 Diċembru 1997 15 ta` Mejju 1998 16617 Jannar\Frar\Marzu\ April 1998
Leg 9 PQ #5711 Sitting 79 1999-03-23 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Tal-Qroqq — Bini ta' sptar

Question

Billi fuq in-NET News ta' nhar il-Ħadd 14 ta' Marzu, 1999 intqal li ntlaħaq ftehim mal-konsorzju Skanska fejn jirrigwarda d-disinji u l-bini ta' l-isptar f'Tal-Qroqq, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dan il-ftehim?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant li s'issa għadu ma ntlaħaq l-ebda ftehim finali.
Leg 9 PQ #5712 Sitting 79 1999-03-23 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Tal-Qroqq — Bini ta' sptar

Question

Minn min hu ffirmat in-New Steering Committee għall-bini ta' l-isptar f'Tal-Qroqq? Xi kwalifiki għandhom? X'inhi l-ID Card No. ta' kull wieħed minnhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-'Project Team' għall bini ta' l-Isptar il-ġdid f'tal-Qroqq huwa ffurmat minn: ISEM I.D. No. ----------------------------------------- Eu r. Ing. Eamnuel Attard 158555(M) C.Eng., B.Eng.(Hons), M.B.A. R.G.N., M.Inst.E., Comm.Dip. ----------------------------------------- Dr. Kenneth Grech 476667(M) MD. MSc(Lond) MBA DLSHTM ----------------------------------------- Eur. Ing. M. Attard Montalto 52661(M) B.Sc.(Hons), C.Eng., M.I.C.E., M.A.S.C.E., A.&C.E. ----------------------------------------- Fuq dan il-'Project Team' ġew appuntati wkoll il-Direttur Ġenerali (Works Department), Direttur tas-Saħħa Pubblika(Diviżjoni tas-Saħħa), u d-Director Nursing Services. Dawn huma appuntati 'on an advisory capacity'.

Luqa — Ċentru tal-Kontroll ta' l-Ajru

Question

Jista' l-Ministru jgħid: 1) meta d-DCA aċċetta s-sistema tar-radar ġdid li kienet ġiet installata fiċ-ċentru l-ġdid tal-kontroll ta' l-ajru f'Ħal Luqa; 2) meta kienet id-data li d-DCA kien ippreparat li jibda juża "in full operation" din is-sistema, qabel ma ħadu l-operat ta' l-ajruport l-MIA; u 3) x'passi ħa d-DCA biex jara għaliex din is-sistema baqgħet ma ntużatx?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s-sistema tar-Radar il-ġdid ġie aċċettat mid-Dipartiment ta` l-Avjazzjoni Ċivili fl-25 ta` Frar 1998. F`din id-data intlaħaq ftehim mal-kuntrattur biex problemi żgħar jiġu solvuti sa l-aħħar ta` April 1998 u wara din id-data jibda t-taħriġ tal-kontrollur ta` l-ajru dwar l-użu ta` sistema. Dan it-taħriġ kien mistenni li jdum madwar tlett xhur. Fl-1 ta` Mejju 1998 Malta International Airport plc ħadet responsabilita ta` l-operat kollu tal-ajruport li jinkludi wkoll l-operat ta` sistema ta` Radar ġdid. Id-Dipartiment ta` l-Avjazzjoni Civili m`għandux tagħrif dwar l-bidu ta` l-operat ta` din is-sistema u lanqas dwar xi diffikultajiet dwar l-użu tagħha.

MIA — Managers

Question

B'riferenza għall-interpellanza numru 4976 tat-23 ta' Frar, 1999, jista' l-Ministru jgħid kienx hemm xi konnessjonijiet bejn l-MIA u l-persuni ndikati fir-risposta bħala 'A' u 'E', bejn l-1 ta' Ottubru, 1991 u d-data li kienu ġew impjegati fulltime mal-MIA? Fejn kienu jaħdmu fulltime waqt dan il-perijodu? Jekk kien hemm konnessjonijiet, fuq liema bażi kienu u x'kumpens kienu jitħallsu? Xi proċeduri ntużaw f'kull każ biex ġew impjegati mal-MIA l-għaxar persuni msemmija fl-interpellanza numru 4976?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta tingħata f`xi seduta oħra.

DCA — Near air misles

Question

Jista' l-Ministru jgħid: 1) kemm ġew irrapportati "near air misles" fl-ispazju ta' l-ajru Malti mill-1 ta' Mejju, 1998 sa l-aħħar ta' Frar, 1999 lir-Regolatur, id-DCA; 2) f'liema dati ġraw dawn l-inċidenti; u 3) x'kien ir-riżultat ta' l-investigazzjonijiet li għamel id-DCA fuq kull każ, jekk saru xi investigazzjonijiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li bejn l-ewwel ta` Mejju 1998 u l-aħħar ta` Frar ta` 1999, id-Dipartiment ta` l-Avjazzjoni Ċivili rċieva rapport wieħed ta` `air miss`. Dan ġara fl-24 ta` Diċembru 1998 u jinsab taħt investigazzjoni.

Tarxien — Sleeping policemen

Question

Wara li f'dawn l-aħħar snin fi Triq Sant'Anna u fi Triq il-Blata f'Ħal Tarxien kienu twaħħlu xi sleeping policemen, peress li dawn kienu żewġ toroq dojoq u spiss jgħaddu minnhom ħafna karozzi, jista' l-Ministru jgħid għaliex dawn is-sleeping policemen inqalgħu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Ninsab infurmat illi l-`humps` tneħħew fuq struzzjonijiet tal-Bord tal-Kontroll tat-Traffiku li aġixxa b`konsultazzjoni mal-Kunsill peress li dawn kienu saru bla awtoriżżazzjoni u lanqas kienu mibnija kif suppost.

Dipartiment tat-Toroq — Karozzi self-drive

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-kuntratturi li tefgħu l-offerta tad-Dipartiment tat-Toroq għall-kiri ta' karozzi self-drive? Kemm kienet l-offerta ta' kull wieħed minnhom? Kemm hu l-ammont ta' karozzi li jridu jinkrew?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ntefgħet offerta waħda minn `Sterling Car Hire`, li kienet tkopri kiri u manutenzjoni ta` disa karozzi, sitta normali u tlieta ta` `standard` aħjar, bil-prezz ta` Lm4.95 u Lm6.50 kuljum rispettivament.

Dipartiment tat-Toroq — Uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk l-uffiċjali tad-Dipartiment tat-Toroq li mill-1 ta' Jannar, 1999 qegħdin jużaw il-karozzi tagħhom biex joħorġu fuq ix-xogħlijiet? X'inhi r-raġuni għaliex dawn l-uffiċjali qegħdin jitħallew jagħmlu hekk? X'tip ta' kumpens qegħdin jingħataw dawn l-uffiċjali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f`xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #5741 Sitting 79 1999-03-23 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bini storiku — Restawr

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5612 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' tista' jekk jogħġbok tpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra tar-rapport ippreparat mill-Works Division dwar restawr ta' bini storiku msemmi fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 4834?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra

Toroq — Xogħlijiet

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 5129, jista' l-Ministru jagħti aktar tagħrif dwar ix-xogħlijiet li se jsiru fis-Salina bħala parti mir-road restoration works matul din is-sena u li għalihom ġiet stmata nefqa ta' Lm2,000,000?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li peress li t-`trials` fis-Salina għadhom kif bdew, il-konsulenti Ġermaniżi għadhom ma għamlux ir-rakomandazzjonijiet tagħhom dwar kif ix-xogħol f`din il-lokalita` għandu jsir. Malli jitlestew dawn it-`trials`, id-Dipartiment ikun f`pożizzjoni li jagħti aktar informazzjoni kif mitluba mill-Onor. Interpellant.
Leg 9 PQ #5774 Sitting 79 1999-03-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tiftix għaż-żejt

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma rapporti li fil-kwestjoni tat-tfittix għaż-żejt, l-aġent direttur fl-Oil Exploration Division ta' l-OPM mexa b'kejl differenti mal-ġurnalisti li talbuh intervisti?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat mid-Direttur, Tiftix għaż-Żejt, fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, li sakemm il-prudenza u l-korrettezza kienu rispettati, hu dejjem mexa bl-istess kejl mal- ġurnalisti li talbuh intervisti. Ninsab infurmat ukoll li matul dawn l-aħħar ġimgħat, hu fil- fatt ta ntervisti lil dawk il-ġurnalisti kollha li talbuh, sakemm hu kien disponibbli, jiġifieri lill-ġurnalisti ta' l- RTK, Il-Ġens, The Times, In-Nazzjon/Il-Mument, l- Orizzont/It-Torċa, PBS u Net TV.
Leg 9 PQ #5778 Sitting 79 1999-03-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali — Ospitalita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus bejn Ottubru 1998 u Marzu 1999 f'dak li għandu x'jaqsam ma' ospitalita' fil-kumpless tal-Pixxina Nazzjonali? Għal min saret din in-nefqa u x'kienet l-okkażjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul il-perjodu li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant intnefqu Lm706.67 f'dak li għandu x'jaqsam ma' ospitalita' fil-kumpless tal-Pixxina Nazzjonali. Din in-nefqa kienet imqassma hekk: Buffet Xmas Lunch - Lm318.92 Staff Lunch - Lm285.15 3 Lunches ma' konsulenti legali - Lm 41.60 Lunch mal-President ta' l-iSquash Association - Lm 19.30 Lunch ma' staff tal-M.E.U. - Lm 22.75 Lunch mad-Direttur taż-Żgħażagħ u Sport - Lm 18.95

Impjiegi — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li ismu qed jintbagħat separatament hux qed jirreġistra filwaqt li qed jaħdem ukoll?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond "records" tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ il-persuna ndikata attwalment qed taħdem ma kumpanija privata. Fl-istess ħin qed tirreġistra wkoll fuq it-Tielet Parti tar-Reġistru. Din il-parti hi riservata għal dawk il-persuni li jkunu qiegħdin haħdmu bi qliegħ u jkunu qiegħdin jfittxu impjieg alternattiv. 22.3.99
Leg 9 PQ #5780 Sitting 79 1999-03-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Żjara tal-Juventus — Promoturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ingħatatx xi forma ta' għajnuna finanzjarja mill-ministeru, dipartiment jew korporazzjoni li jinsabu fid-dekasteru tiegħu, lil promoturi li organizzaw iż-żjara tal-Juventus f'Malta? Jekk iva, minn min u kemm? Kif ittieħdet id-deċiżjoni u fuq liema bażi?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tlett azjendi u cioe` il-Maltacom, il-Mid-Med Bank u l-MIA ikkontribwew bejniethom is-somma ta' Lm25,000 lill-promoturi li organizzaw iż-żjara ta' dan it-tim f'Malta. Min-naħa tagħhom l-Air Malta ikkontribwiet billi pprovdiet is-servizzi. In kontrokambju, l-azjendi msemmija ħadu pubbliċita` fil-filmat dwar Malta li xxandar fl-intervall tal-logħba u reklami fuq il-boards ta' madwar l-istadium. Id-deċiżjoni li dawn l-entitajiet jipparteċipaw ittieħdet fuq il-bażi kummerċjali li l-azjendi msemmija dejjem ikkontribwew f'avvenimenti simili fil-passat.