Jista' l-Ministru jgħid l-isem tal-kuntrattur inkariġat mit-tindif tal-kumpless tal-Pixxina Nazzjonali?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm hu l-ħlas dovut kif ukoll jinkludi t-tender?
F'każ li għal xi raġuni jew oħra dan il-kuntrattur ikun nieqes mix-xogħol, imur xi ħadd minfloku?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kuntrattur inkarigat mit-tindif tal-Pixxina Nazzjonali huwa l-Bad Boy Cleaners Co. Ltd. Dettalji dwar il-ħlas dovut kienu ingħataw fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 1775. Għad qatt ma kien il-każ li l-kuntrattur kien nieqes mix-xogħol.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tender tal-Bar & Restaurant tal-Pixxina Nazzjonali? X'inhuma l-ħinijiet tal-ftuħ ta' l-għeluq u jekk hux qed jinżammu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ħinijiet tal-ftuħ tal-Bar tal-Pixxina Nazzjonali huma:
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa - 08.00 - 14.00 u 16.00 - 18.00
Is-Sibt - 08.00 - 16.00 u 17.30 - 22.30
Il-Ħadd - 08.30 - 16.30
Matul ix-xhur tax-xitwa kien hemm żmien li dawn il-ħinijiet ma nżammux minħabba nuqqas ta' nies li jiffrekwentaw il-Pixxina. Fis-sajf mistenni li l-ħinijiet jerġgħu lura għan-normal.
Kopja tal-kuntratt ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-maġġoranza tal-ħaddiema fil-kumpless tal-Pixxina Nazzjonali qegħdin b'kuntratt li jiġġedded kull xahar?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa qiegħda tkun studjata l-aħjar struttura ta' tmexxija għall-Pixxina Nazzjonali. Il-kuntratti definiti tal-ħaddiema għandhom ikunu studjati fid-dawl ta' dan l-eżerċizzju.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru l-interviews tas-Science Lab Technicians?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm applikaw u kemm hemm vakanzi?
Response (GALEA, LOUIS)
Nassumi li din id-domanda tirreferi għas-sejħa ta' l-applikazzjonijiet għal Laboratory Officers I/II (Biology) tal-5 ta' Novembru 1998.
Informat li l-intervisti jsiru immedjatament meta l-Kunsill ta' l-Universita' jaħtar il-membri fuq il-Bord tas-Selezzjoni.
Kien hemm disgħa applikazzjonijit u hemm tlett vakanzi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna applikat għal post ta' direttur fid-dipartiment: 1) Building & Engineering; 2) Waste Management Strategy Implimentation; 4) Building Construction Industry; 4) Finance & Administration; u 5) Manufacturing & Services? Min kienu l-persuni li applikaw u x'inhu l-grad tagħhom illum?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Billi l-applikazzjonijiet għall-postijiet imsemmija ġew maħruġa mill-Uffiċju tal-Prim Ministru, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindirizza din il-mistoqsija lill-Prim Ministru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna applikat sabiex jimtela' l-post ta' direttur tat-toroq? Min huma l-applikanti u f'liema grad qegħdin ilum?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li applikazzjonijiet bħal din jirċevuhom fl-Uffiċċju tal-Management Personnel Office. Għalhekk din il-mistoqsija għandha ssir lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid liema kuntrattur qiegħed jagħmel ix-xogħol ta' surfacing f'Baħar iċ-Ċagħaq? F'kemm il-fażi jikkonsisti dan is-surfacing u kemm hu l-valur ta' kull fażi? X'differenza hemm fil-valur tax-xogħol kif qiegħed isir issa meta mqabbel ma' surfacing b'mod tradizzjonali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-trials li qed isiru s-Salina qed isiru mir-Roads Group li essenzjalment jinkludi l-maġġorparti tal-kuntratturi li jaħdmu fit-toroq.
Ix-xogħol qed isir taħt kuntratt li jiswa Lm49,000.
Il-fażijiet tal-kostruzzjoni ma jinkludux biss is-surfacing iżda jinkludu ukoll it-tneħħija tal-wiċċ l-antik, ir-recompaction u t-tqegħied tal-base u wearing courses.
L-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-mistoqsija tkun tista` tingħata wara li t-trials jiġu analiżżati f`diskussjonijiet bejn d-Dipartiment tat-Toroq, il-konsulenti Ġermaniżi u l-kuntratturi li jagħmlu dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-periti u technical officers li ippreparaw id-disinji u qegħdin jieħdu ħsieb ix-xogħol ta' Mosta Road, San Pawl il-Baħar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol qiegħed jiġi koordinat mill-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid meta nħarġet l-ewwel letter of intent lill-konsorzju MIDI għall-iżvilupp ta' Manoel Island u Tigne' Point? Jista' l-Ministru jpoġġi kopja ta' dan id-dokument fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim preliminari li kien sar bejn il-Gvern u l-konsorzju, u li jġib id-data tat-22 ta' Diċembru 1993.
Peress li fl-area ta' taħt Sant'Anġlu hemm iċ-ċentru tal-Pollution Control Division, jista' l-Minsitru jgħid jekk dawn humiex se jkollhom jiċċaqilqu minn hemm?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Pollution Control Section fi ħdan id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent sejra tiċċaqlaq u bħalissa għaddej proċess biex jiġi identifikat post alternattiv.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-Baċir Nru. 1 humiex se jidħlu aktar vapuri meta jibda x-xogħol fuq il-marina tal-Kottonera?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jidhirli li għadu kmieni biex wieħed jgħid jekk il-Baċir numru 1 huwiex ser ikollu l-istess funzjoni li għandu llum meta jibda x-xogħol fuq il-proġett, issir konsultazzjoni mal-partijiet kollha interessati.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li meta jkun lest il-proġett ta' Pjazza Sta. Margerita, f'Bormla t-tmexxija tal-ground li se jkun hemm fl-area, jgħaddi f'idejn it-team tas-St. George's?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Meta x-xogħol ikun lest, il-ground jgħaddi f'idejn il-Ministeru responsabbli li jiddisponi minnu skond il-proċeduri stabbiliti u għalhekk nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid minn fejn se jibdew jgħaddu l-purċissjonijiet bħal tal-Kunċizzjoni, l-Ġimgħa l-Kbira u l-Irxoxt, meta mill-pjanti tal-proġett ta' Pjazza Sta. Margerita jidher li t-triq użata bħalissa, quddiem il-Kunsill Lokali ta' Bormla, mhux se tibqa' teżisti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fil-pjanti ġie maħsub illi peress illi dawn il-purċissjonijiet jirrapreżentaw tradizzjoni importanti u sabiħa, dawn jibqgħu jgħaddu mill-istess post li qegħdin jgħaddu minnu bħalissa.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-possibbilta' li l-ground ta' quddiem l-iskola primarja ta' Bormla jikber kemm possibbilment jista'? X'se jkun id-daqs ta' dan il-ground?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi m'hemmx possibilita' li l-ground ta' quddiem l-Iskola Primarja ta' Bormla jikber, iżda sejjer jibqa' kif inhu bħalissa.
Jista' l-Ministru jgħid fil-każ ta' djar li kienu rekwiżizzjonati, min għandu jħallas il-kont tad-dawl u l-ilma għall-perijodu sa kemm kienu rekwiżizzjonati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-kontijiet tad-dawl u ilma ta' postijiet rekwiżizzjonati jitħallsu mill-inkwilini li joqgħodu f'dawk il-postijiet. Id-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali jħallas taż-żmien ta' meta l-postijiet idumu vojta bejn kirja u oħra.
23.3.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk persuni b'diżabilita' u bi blue sticker għandhomx sussidju fuq it-trasport tal-vapur ta' Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Persuni f'diżabilita' li għandhom il-karta tal-identita speċjali maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' jistgħu jivvjaġġaw bejn Malta u Għawdex fuq il-vapuri tal-Kumpanija Gozo Channel mingħajr ħlas.
Ma hemm l-ebda konċessjoni mill-Gozo Channel fuq il-karozzi ta' persuni b'diżabilita'.
23.3.99
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 3038 u ċioe' jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-area ta' Albertown, fil-Marsa tingħata tindifa ġenerali u jsiru l-bankini ġodda?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, Il-Kunsilli Lokali
huma korpi statutorji ta` gvern lokali u fil-qadi tal-
funzjonijiet tagħhom jaġixxu skond il-prijoritajiet
esiġenzi u l-mezzi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi
l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita` billi l-
funzjoni li qed jirreferi għaliha, fil-fatt hija waħda mir-
responsabbiltajiet tal-Kunsilli.