Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir il-ħatra ta' assistant heads wara li saru l-interviews meħtieġa u ħarġu l-placings ta' l-applikanti? Qed nirriferi għas-sejħa għall-applikazzjonijiet li saru taħt l-amministrazzjoni l-oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li saru interviews separati għall-ħatra ta' Assistent Kap ta' Skola fl-iskejjel Primarji, l-iskejjel Sekondarji u l-iskejjel tas-Snajja'.
Id-Diviżjoni resqet in-nominazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku biex timla l-vakanzi fis-settur Sekondarju u dak tas-Snajja'.
Sfortunatament, ir-riżultat tas-selezzjoni ta' l-Assistenti Kapijiet ta' l-Iskejjel Primarji ġie annullat mill-PSC u l-intervisti ser isiru mill-ġdid minn Bord ġdid tal-PSC.
Jista' l-Ministru jgħid meta mistennija ssir l-operazzjoni fl-Isptar San Luqa fuq il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament dwar każ ta' artrite akut li ilu pendenti ġimgħat sħaħ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija tpoġġiet fuq il-'waiting list' għal-operazzjoni ta' 'total hip replacement' fit-22 ta' Settembru 1998.
Fl-istorja hemm imniżżel li jekk is-sitwazzjoni tiggrava kellha tattendi qabel. Il-persuna m'attendietx.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern Malti għandux xi ħsieb li jwaqqaf private finance unit, simili għall-PFI tat-Teżor Ingliż, bil-għan li jiġu nkoraġġuti public/private partnerships?
Response (DALLI, JOHN)
Is-suġġeriment tal-Onorevoli Interpellant jiġi kkonsidrat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlulha proġetti ta' investiment ġdid, xahar b'xahar mill-elezzjoni ġenerali sal-lum, l-MDC? Kemm minnhom kienu proġetti ġodda? Kemm minnhom kienu extensions ta' proġetti eżistenti? Kemm mistennija jħaddmu nies?
Response (BONNICI, JOSEF)
Mill-Elezzjoni Ġenerali ta' Settembru 1998 sa llum, l-MDC irċeviet 45 proposta ta' investiment imqassmin kif ġej:-
XAHAR ĠODDA ESPANSJONIJIET
Settembru 1998 2 -
Ottubru 1998 5 1
Novembru 1998 2 1
Diċembru 1998 4 2
Jannar 1999 3 1
Frar 1999 5 4
Marzu 1999 3 6
April 1999 2 4
Total 26 19
Jekk dawn il-proġetti jiġu approvati u jibdew joperaw, hu mistenni li fi żmien tlett snin iħaddmu 844 persuna.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-residenti ta' Sqaq Tar-Rumi, f'Wied il-Għajn hux possibbli li jinbidlilhom il-main ta' l-ilma kif sar f'partijiet oħra ta' dan l-isqaq forsi fl-aħħar ikollhom il-provvista ta' l-ilma?
Billi kulma fadal jinbidel hu madwar 300 pied meta hu bi ħsiebu li jsir dan ix-xogħol għax dawn ir-residenti ilhom żmien bla ilma?
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu pirated CDs u Videos bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Diċembru 1998? Kemm kien hemm individwi li nstabu ħatja fl-istess sena fil-Qorti Kriminali u kemm kien hemm rapporti uffiċjali lill-pulizija fuq materjal pirated fl-istess żmien?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-1998 il-Pulizija qabdet 1,039 C.D.'s u 599 video cassettes u kien hemm tlettax il-persuna li nstabu ħatja mill-Qorti dwar reati li għandhom x'jaqsmu ma' ksur tal-liġijiet dwar frodi kummerċjali u tal-copyright. Matul l-istess perijodu kien hemm 26 rapport uffiċjali lill-Pulizija dwar dan l-abbuż.
26.04.99
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu n-negozjati u meta se jibda x-xogħol ta' estensjoni tal-Poliklinika ta' Raħal Ġdid? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti dwar dan ix-xogħol?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li meta id-Dipartiment fil-1995 sar jaf li s-sular ta' fuq iċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Raħal Ġdid ser jiġi vakat, beda proċeduri mal-Lands Department biex is-sular battal jintuża bħala estensjoni taċ-Ċentru tas-Saħħa.
Il-pjanti għadhom qed jiġu ffinalizzati u huwa ppjanat li jinbeda xi xogħol lejn tmiem din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn anzjani li ma jieħdu l-ebda tip ta' pensjoni mil-Gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt il-liġi tas-Sigurta' Soċjali ta' Malta, persuna jista' jkollha dritt kemm għal pensjoni Kontributorja jew Mhux Kontributorja. Fost kundizzjonijiet oħra, mhux bilfors li persuna jkollha cittadinanza Maltija jew tgħix Malta biex tikkwalifika għal pensjoni Kontributorja u l-anqas li tkun reġistrata fuq ir-reġistru elettorali ta' Malta.
F'dawn iċ-ċirkostanzi jkun diffiċli li wieħed iżomm l-istatistika kif qed jitlob l-Onor. Membru.
29.3.99
Persuni nieqsa mid-dawl — Sussidju fuq it-telephone
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li persuni li huma nieqsa mid-dawl (għomja) jieħdu sussidju fuq it-telephone?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Naħseb li l-possibilta' ta' dan it-tip ta' benefiċċju għandha tiġi kkunsidrata fuq il-bażi tal-bżonn u mhux fuq il-kawża tad-diżabilita'.
Jien infurmat li, fil-passat, il-Korporazzjoni Telemalta u l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' kienu waqqfu Kumitat Konġunt sabiex jiddiskuti flimkien kif jistgħ joffru dejjem aktar opportunitajiet indaqs lill-persuni b'diżabilita'. Dan il-Kumitat ma kienx baqa' jiltaqa' u l-Kummissjoni għandha talba pendenti lill-Maltacom Ltd. sabiex dan il-Kumitat jerġa' jibda jopera.
29.3.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm żdied il-qgħad mil-5 ta' Settembru sal-lum? Jista' jagħti l-etajiet ta' dawn il-persuni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mill-aħħar ta' Awissu 1998 sa l-aħħar ta' Ottubru 1998 il-qgħad żdied b'177 persuna. L-etajiet tal-persuni fejn kien hemm żieda huma kif ġejjin:
Taħt it-18 26
bejn it-18 u d-19 77
l-25 u d-29 20
it-30 u l-34 19
il-35 u d-39 32
l-40 u l-44 40
l-50 u l-54 2
u
l-55 u d-59 sena 1
29.3.99
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuwa l-ħsieb tal-Gvern dwar il-futur tal-pensjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif tħabbar fid-Diskors tal-Budget għas-sena kurrenti, il-Gvern jirrikonoxxi l-fatt li fi żmien għoxrin sena l-pajjiż ser jiffaċċja problema fil-qasam tal-pensjonijiet minħabba li ser jkollna numru akbar ta' anzjani sostnuti minn numru iżgħar ta' ħaddiemajikkontribwixxu fl-iskema nazzjonali tas-sigurta' soċjali. Din il-problema rridu niffaċċjawha bis-serjeta'. Għalhekk kif tħabbar mill-Onor. Ministru tal-Finanzi il-Gvern beħsiebu jwaqqaf kummissjoni nazzjonali li preferibilment tkun magħmula minn membri mill-partiti kollha politiċi, korpi kostitwiti, rappreżentanti tal-pensjonanti, u rappreżentanti ta' l-assoċċjazzjoni ta' l-assikurazzjoni. L-għan ta' din il-kummissjoni jkun biex tiġi riveduta s-sistema tal-pensjoni u biex isiru rakkomandazzjonijiet għal-liġi ġdida aktar sempliċi, ekwa u sostenibbli.
29.3.99
Jaf il-Ministru jew le li l-esperti Norveġiżi li suppost qed imexxu l-bini tal-vapuri tal-Gozo Channel u li qed jitħallsu eluf ta' liri, apparti l-karozzi lussużi li qed jużaw, fil-fatt m'hu qed jagħtu l-ebda pariri jew konsulenzi lil MSCL, anzi l-każ huwa l-kontra u cioe' li huma l-managers u l-foremen ta' l-MSCL li qed jagħtu pariri lis-suppost esperti Norveġiżi?
Jista' l-Ministru jinvestiga dan kollu u jieħu passi biex ma jibqgħux jintnefqu flus għalxejn u li eventwalment qed jispiċċaw down the drain?
Response (BONNICI, JOSEF)
Mhux korrett li wieħed jgħid li l-konsulenti Norveġiżi ngaġġati mill-Kumpanija Gozo Channel mhumiex jagħtu servizz ta' konsulenza u pariri. Dawn fil-fatt għadhom qed jagħmlu l-istess xogħol li kienu qed jagħmlu fl-aħħar sentejn u nofs.
Barra minn hekk il-Management tal-Malta Shipbuilding qed jeżamina kif dawn il-konsulenti jistgħu jkunu ta' servizz aħjar biex iħarrġu lill-ħaddiema tat-Tarzna tal-Marsa. Meta l-bżonn ta' dawn il-konsulenti jonqos, isiru l-arranġamenti meħtieġa biex in-numru tagħhom jonqos.
Jista' l-Ministru jgħid min ħa d-deċiżjoni u x'inhi r-raġuni biex fil-kuntratt tal-bini tal-vapuri ta' Għawdex saret klawsola li torbot lil MSCL li kull meta jkun hemm bżonn il-vireg tal-welding u żebgħa, l-aktar żewġ materji importanti f'vapur, għal 30 sena sħaħ jinxtraw bilfors mingħand kumpannija Norveġiża? Jidhirlu l-Ministru li kummerċjalment klawsola bħal din hija ta' żvantaġġ ekonomiku għal MSCL? Jista' l-Ministru jgħid ukoll min ħa d-deċiżjoni li l-pipes fuq il-vapuri ta' Għawdex ma jkunux galvanizzati b'konsegwenza li wara ftit ta' snin dawn ikunu jridu jerġgħu jinqalgħu bi spiża enormi u fuq kollox żejda? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kif bi spiża ta' miljuni kbar ta' liri għall-bini ta' dawn it-tliet vapur mhux se tiġi nstallata sistema ta' arja kondizzjonata?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li t-tarzna tal-Marsa m'għandha l-ebda rabta li tixtri vireg tal-welding u żebgħa mingħand xi kumpanija partikolari Norveġiża għal dawn it-tletin sena li ġejjin.
Fuq parir tat-tekniċi, il-kumpanija Gozo Channel iddeċidiet li l-pipes li ntużaw fuq il-vapuri, flok jiġu ggalvanizzati, ikunu ta' ħxuna aktar min-normal u li jifilħu aktar għall-corrosion. Kuntrarjament għal dak li ingħad fil-mistoqsija, it-tlett vapuri ġodda ser ikunu mgħammra b'sistema ta' arja kundizzjonata.
Jista' l-Ministru jgħid jekk wara diversi stqarrijiet pubbliċi mill-ħaddiem direttur tal-MSCL dwar problemi li jeżistu fid-drawings u fil-wasla tal-materjal għal bini tal-vapuri ta' Għawdex, u eventwalment dwar id-dewmien tal-bini ta' dawn il-vapuri, sarx jew hux qiegħed isir xi ħaġa serja u konkreta mill-ministeru biex din il-problema li 'l quddiem tista' tiswa lill-pajjiż miljuni ta' liri tiġi solvuta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Id-disinji tal-vapuri issa tista' tgħid li tlestew. Il-listi tal-materjal u l-inġenji meħtieġa għall-bini ta' dawn il-vapuri tlestew ukoll. Nuqqas ta' koordinazzjoni bejn id-disinjaturi u l-kumpaniji li pprovdew il-materjal wasslet biex l-ispecifications li kienu nklużi fid-disinji xi drabi ma' qablux ma' l-ispecifications tal-materjal. Dan il-fatt ikkawża ċertu dewmien u xogħol ħażin fil-bini matul dawn l-aħħar xhur.
Issa, li ġiet identifikata l-kawża tal-problema, qed jittieħdu passi biex id-disinji jerġgħu jiġu ċċekkjati biex ikun żgurat li dawn jaqblu ma' l-ispecifications tal-materjal u l-inġenji li ser jintużaw.
Peress li kif jaf il-Ministru malli l-MSCL tlesti l-vapuri ta' Għawdex m'għandhomx ordnijiet ta' xogħol ieħor li jiggarantixxi x-xogħol lill-ħaddiema ta' l-azjenda u biex ma jiġrix bħalma ġara lill-ħaddiema tal-Kalaxlokk, jista' l-Ministru jgħid x'qed isir mill-Gvern biex jinġieb xogħol għal MSCL biex jiġu assigurati l-impjiegi tal-ħaddiema u l-għajxien tal-familji tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Management tal-Malta Shipbuiliding, minbarra li jgħin fir-riorganizzazzjoni tal-Kumpanija, jrid jistabbilixxi marketing department biex din l-azjenda tkun tista' tattira xogħol ġdid wara li jitlestew il-vapuri t'Għawdex.
Biex dan isir b'suċċess trid titjieb il-produttivita' f'din il-Kumpanija li bħalissa hi pjuttost baxxa biex tattira xi xogħol ġdid. Irid isir kull sforz possibbli biex din is-sitwazzjoni tinbidel biex l-azjenda tkun tista' tikkompeti fis-swieq tal-bini tal-vapuri fuq bażi kemm jista' jkun kummerċjali.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti proposti u l-parametri proposti ta' sit tal-White Rocks Holiday Complex kif propost li jingħata lil privat mill-gvern? Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' konsultazzjoni saret mal-Kunsill Lokali ta' Pembroke dwar dak propost fil-proġett imsemmi? Jaf jew le l-Ministru li l-White Rocks Holiday Complex jagħmel parti mill-konfini tal-Kunsill Lokali ta' Pembroke?
Response (REFALO, MICHAEL)
Kif żgur jaf l-Onor. Membru d-'Development Brief' dwar il-'White Rocks Holiday Complex' jinsab għall-bejgħ mill-Ministeru u ma jidhirlix li jkun xieraq li jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, għalhekk aċċessibbli mingħajr ħlas, waqt li ħaddieħor ikun ħallas qabel ma jagħlaq iż-żmien stabbilit għar-reġistrazzjoni ta' interess fil-proġett.
Naħseb li l-Onor. Membru jaf ukoll li din mhijiex l-ewwel darba li tnieda dan il-proġett u nikkonferma li peress li mill-'foot print' oriġinali, kif suġġerit mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar, ma nbidel xejn mill-1995 sallum, il-Kunsill Lokali ta' Pembroke ma ġiex konsultat qabel is-sejħa li saret riċentement. Inżid ngħid li sallum la fil-Ministeru u l-anqas fid-Dipartiment tat-Turiżmu ma waslu kummenti ta' ebda xorta mill-Kunsill ta' Pembroke.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 3298?
Response (BONNICI, JOSEF)
Bħalma hija l-prattika, fl-okkażjoni tal-festi tal-Milied 1998 u l-Ewwel tas-sena 1999, saru żewġ riċevimenti. Dawn saru f`isem il-Ministeru u kienu jikkomprendu liż-żewġ Segretarjati Parlamentari.
L-ewwel riċeviment inżamm fit-23 ta` Diċembru 1998 u t-tieni wieħed fil-31 ta` Diċembru 1998. Iż-żewġ riċevimenti saru fil-bini tal-Ministeru, cioe` fil-Berġa ta` Aragona, u l-ikel u xorb ġie pprovdut mid-ditta Arrigo Caterers. L-ispiża totali ta` dawn ir-riċevimenti kienet tammonta għal Lm2179.70c. Inġabru kwotazzjonijit mingħand erba` stabbilimenti li jipprovdu dan it-tip ta` servizz. Dawn huma Percius Caterers, Moulin D`or Caterers, Arrigo Caterers u The Hilltop Co. Ltd.
Kif soltu jsir f`okkażjonijiet bħal dawn, għar-riċevimenti msemmija, kienu mistiedna Ministri u Segretarji Parlamentari, membri tal-korp diplomatiku, kapijiet ta` dipartimenti, ażjendi u korporazzjonijiet, membri tal-korpi kostitwiti, uffiċjali tat-trade unions u persuni oħra li n-natura ta` l-operat tagħhom ikollha kuntatt frekwenti mal-Ministeru.
Mill-bidu tas-sena skolastika s'issa kemm kien hemm studenti: 1) fl-iskejjel primarji; 2) fl-iskejjel sekondarji (inkluż ex-opportunity centres and trade schools) li s'issa għadhom qatt m'attendew skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Ministeru qed jagħti attenzjoni partikolari biex jevalwa u jitratta l-problema ta' l-assenteiżmu ta' studenti fl-eta' obbligatorja għall-edukazzjoni. Każi ta' assenteiżmu jaqgħu fis-sezzjoni tal-Welfare għax il-parti l-kbira ta' l-informazzjoni tikkonċerna każijiet soċjali li jirrikjedu intervent ta' natura soċjali. Tlabt li jsir eżerċizzju fl-iskejjel u rriżulta li n-numru ta' tfal li ma narrux skola din is-sena skolastika jew li attendew ftit ferm hu kif ser ngħid:
Isem tal-Iskola Qatt ma Qatt ma Qatt ma Total
attendew attendew b' attendew u
ċertifikat ġieli
mediku ppreżentaw
ċertifikat
mediku
Maria Assumpta 29 6 1 36
Bormla Girl's
Secondary 32 4 4 40
New CEntre Girls
Ħamrun 22 2 24
BNIET (Total) 83 12 5 100
Boys' School
Floriana 11 11
Boys' School
Naxxar 10 5 15
Trade School
Naxxar 12 13 7 32
SUBIEN (Total) 33 18 7 58
TOTAL 116 30 12 158
Diġa' qed isir xogħol fil-Ministeru biex nassiguraw li l-istrutturi meħtieġa jissaħħu, u jaħdmu f'koordinament ħafna akbar ma' taqsimiet oħra f'Ministeri oħra.
Jista' l-Ministru jgħid minn Ottubru 1998 sa Frar 1999 x'kienet ir-rata ta' assenteiżmu ta' l-istudenti fl-iskejjel sekondarji statali tal-bniet u s-subien ta' Malta u Għawdex skola b'skola (inkluż ex-opportunity centres u trade schools)?
Jista' jpoġġi kopja ta' l-istatistika fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Kopja ta' l-istatistika mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.