Jista' l-Ministru jispjega kif m'hu qed isir xejn dwar parking illegali ta' karozzi li ma jkollhomx il-blue stickers minkejja diversi rapporti li saru kemm il-darba fuq ir-reserved parking area li jinsab wara l-bieb tal-Knisja ta' l-Isla fi Triq il-Kurċifiss?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma kienx hemm rapporti mal-Pulizija tad-Distrett dwar l-allegat abbuż li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellanti. Pero' l-Pulizija ser tagħmel spezzjonijiet f'dan il-lokal sabiex ikun żgurat li ma jkunx hemm tali abbuż.
26.04.99
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Knisja ta' San Ġakbu fi Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta u l-bini anness magħha huma amministrati mid-Dipartiment ta' l-Artijiet? Kemm ħadet żmien biex ġiet restawrata din il-Knisja mill-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta u x'kienet l-ispiża? Min hu l-kuratur preżenti ta' din il-Knisja? Qatt sar inventarju ta' l-opri li kienu jinsabu f'dan il-bini? Jidhirlu l-Ministru li wara l-ispejjeż kbar li saru għandu jinstab mezz biex il-Knisja u l-opri tagħha jitgawdew mill-Maltin kif ukoll mill-barranin, peress li din illum tinsab magħluqa, għajr għal ftit minuti għall-quddiesa ta' nofs inhar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Knisja ta' San Ġakbu fil-Belt Valletta hi propjeta' tal-Gvern. Dwar id-dar annessa magħha, u dwar il-kuratur tal-Knisja, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindirizza l-mistoqsijiet tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-artijiet. Jien infurmat li inventarji qodma jeżistu iżda dawn ilhom ma jiġu aġġornati. Hemm l-intenzjoni tal-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta jaġġorna l-inventarji.
Għar-rigward ta' l-ispiża tal-proġett ta' restawr jien infurmat li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta nefaq Lm75,183.10 u li dan il-proġett dam sejjer tmien snin. Għad hemm xi materji li għad iridu jsiru.
Naqbel ma' l-Onorevoli Interpellant li huwa ħasra li Knisja hekk importanti u sabiħa ma hix miftuħa għal ħinijiet twal. Se nitlob lill-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta biex jistudja din il-problema.
B'riferenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari numri 4756, 5225 u 5872, jista' l-Ministru jwieġeb inekwivokabilment għal dawn is-segwenti domandi: (1) x'kien ix-xogħol strutturali li sar fl-uffiċċju ta' l-MMA f'Lascaris? (2) Min awtorizza dawn ix-xogħlijiet, setgħax jagħmel dan? (3) Min kienu l-kuntratturi li għamlu dawn ix-xogħlijiet? (4) Saritx sejħa għall-offerti? (5) Kemm ġie jqum dan il-proġett?
Jista' l-Ministru jikkonferma li sal-mistoqsija parlamentari numru 4756 tal-15 ta' Frar, 1999 kien ippjanat li dawn ix-xogħlijiet kellhom isiru ferm akbar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għad-domandi parlamentari Nru 4756 u 5226, jien infurmat li ċ-Chief Executive u l-Executive Directors huma awtoriżżati li japprovaw nefqa ta` mhux aktar minn LM1000 mingħajr ma jinformaw lill-Management Committee. Ix-xogħol sar minn Philip Chircop & Sons Ltd. u ma saret l-ebda sejħa għall-offerti. L-ispiża totali laħqet Lm991.15c.
Jien infurmat ukoll li għalkemm kien ippjanat li x-xogħolijiet kellhom ikunu akbar, kienet ittieħdet deċiżżjoni li ċertu xogħol ma jsirx. Din id-deċiżżjoni ttieħdet qabel ma saret il-mistoqsija parlamentari Nru. 4756.
Jista' l-Ministru jara li l-fond, li t-tagħrif dwaru qed nibgħathom separatament, li huwa kolpit b'Requisition Order Numru 44876 jiġi derequisitioned u dan peress li sidha qed ibati ħafna konsegwenzi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi dak li qed jitlob l-Onor. Interpellant ma jistax isir peress li l-post huwa okkupat.
26.4.99
Jista' l-Ministru jara x'wassal li żewġ acting maġġuri tal-ħabs fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin li kien ilhom acting għal aktar minn sentejn f'din il-kariga issa jitneħħew minn din il-kariga? Xi kriterji ntużaw biex dan l-appointment tneħħa u x'kumpens se jingħatalhom tas-servizz li taw f'dan il-perjodu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li riċentement, wara li l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku ppubblikat ir-riżultat ta' l-eżami għal-ħatra ta' Senior Correctional Officers, 15-il Correctional Officer ġew promossi għal grad ta' Senior Correctional Officer.
Minħabba f'hekk, 5 mill-11 il-uffiċjal li kienu qed jagħmluha ta' Acting Senior Correctional Officers tneħħew minn din il-kariga peress li posthom imtela minn dawk li kisbu l-promozzjoni. Dawk li tneħħew kienu dawk li ġew maħtura l-aħħar u matul il-perijodu li dawn kienu jagħmluha ta' Acting Senior Correctional Officers huma kienu jitħallsu deputising allowance kull xahar.
Gradwalment il-bqija ta' l-Acting Senior Correctional Officers jitneħħew minn din il-kariga, u dan isir meta uffiċjali oħra jkunu ġew imħarġa fix-xogħol li preżentement qed isir minn dawk il-persuni li kisbu l-promozzjoni għal grad ta' Senior Correctional Officers.
26.04.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dawk l-anzjani li għandhoni il-pensjoni tat-Tarzna, ikunu jistgħu jibbenefikaw minn titjib fil-pensjoni kif ġara fil-każ ta' l-ex-servicemen?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miżuri li daħlu fis-seħħ fl-4 ta' Ottubru 1997 rigward pensjonijiet tas-servizz ma kienux ristretti biss għall-pensjonanti tas-servizz Ingliż. Dawn il-miżuri ġew applikati l-istess għal kull każ ta' pensjonanti tas-sigurta' soċjali fejn qed titħallas ukoll pensjoni tas-servizz, inkluż dawk li għandhom pensjoni tat-tarzna.
Fl-aħħar diskors tal-Budget, il-Gvern wera d-determinazzjoni tiegħu biex is-sitwazzjoni tal-pensjonijiet f'pajjiżna tiġi studjata. Aħna nemmnu li wara diskussjoni miftuħa minn dawk kollha kkonċernati, u b'konsensus nazzjonali, ikunu jistgħu jittieħdu dawk il-miżuri li jiżguraw li d-drittijiet tal-pensjonanti tagħna jiġu salvagwardjati bl-aħjar mod fl-interess ta' kulħadd.
26.4.99
Peress li d-dħul lejn Triq Santa Tereża, Bormla issa sar min-naħa waħda, jista' l-Ministru jara li karozzi telgħin lejn il-Birgu jkunu jistgħu jduru lejn il-Knisja ta' Santa Tereża u 'l isfel?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li għal raġunijiet ta` sigurta` karozzi tilgħin lejn il-Birgu ma jkunux jistgħu jaqsmu id-`double white lines` ħdejn il-knisja, iżda jkunu jistgħu jduru mar-`roundabout` ta` ħdejn il-`Bus Terminus` u jerġgħu jinżlu l-isfel fid-direzzjoni tal-knisja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm: a) studenti b'diżabilita' li jattendu regolarment; b) studenti b'diżabilita' li jattendu rregolarment; c) kapijiet u assistenti kapijiet; d) għalliema; e) facilitators; f) kindergarten assistants; g) professjonisti oħrajn; h) skrivana/i; i) purtinara/i; u j) ħaddiema oħra fl-iskejjel speċjali li għandu d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni? Kemm minn dawn il-ħaddiema huma full time jew part-time?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm: a) studenti b'diżabilita' li jattendu regolarment; b) studenti b'diżabilita' li jattendu irregolarment; c) kapijiet u assistenti kapijiet; d) senior careworkers; e) careworkers; f) assistant careworkers; g) professjonisti oħrajn; h) skrivana/i; i) purtinara/i; u j) ħaddiema oħra fiċ-Ċentri ta' Taħriġ għall-Adulti li għandu l-Ministeru għall-Politika Soċjali? Kemm minn dawn il-ħaddiema huma full time jew part-time?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
26.4.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin ngħatatx ordni biex jinqata' l-overtime lill-gwardjani kollha tal-ħabs? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jagħti r-raġunijiet għal din id-deċiżjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ma ngħatat l-ebda ordni fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin biex jinqata' l-overtime lill-gwardjani kollha tal-ħabs. Ninsab infurmat ukoll li sar eżerċizzju biex dan l-overtime jiġi razzjonalizzat mingħajr ma tiġi preġudikata s-sigurta' fil-Faċilita'.
26.04.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk tbiddlux ix-shifts tal-gwardjani tal-ħabs li jaħdmu fid-Dogs Section fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Jekk iva, x'wassal għal din id-deċiżjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-uniku tibdil riċenti fis-sistema tax-xift fit-Taqsima tal-Klieb fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin kien li l-uniku uffiċjal li kien jaħdem b'sistema ta' xift differenti mill-ħames uffiċjali l-oħra f'din it-Taqsima issa qed jaħdem bl-istess xift bħal l-oħrajn. B'hekk ġiet eliminata l-anomalija li kien hemm bejn dawn l-uffiċjali fl-istess Taqsima.
26.04.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li gwardjana tal-ħabs ingħatat il-grad ta' maġġur meta għal dawn l-aħħar xhur kienet trasferita fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin? Jista' l-Ministru jikkonferma li din il-persuna llum qegħda taħdem fl-Uffiċċju tad-Direttur tal-Ħabs? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jispjega x'inhu l-bżonn li jkun hemm maġġura fl-uffiċċju tad-direttur tal-ħabs meta fil-female division jonqos maġġura oħra ma' dik li diġa' hemm biex ikun jista' jitħaddem ix-shift?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5269 f'Seduta Nru. 73.
Rigward il-kumplament tal-Mistoqsija ninsab infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant qegħda taħdem fl-Uffiċċju tad-Direttur minħabba l-fatt li gwardjana li kienet taħdem fl-uffiċċju msemmi, fit-23 ta' Frar, 1999, talbet biex tiġi trasferita fid-Diviżjoni tan-Nisa. Ix-xogħol li qed tagħmel din il-maġġura fl-Uffiċċju tad-Direttur qabel kien isir minn gwardjana u surġent tal-pulizija.
26.04.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm irriżenjaw membri mill-korp tal-pulizija mill-ġurnata meta l-ministru stieden lil dawk il-membri tal-korp li mhux qegħdin jieħdu xogħolhom bis-serjeta' biex jirriżenjaw?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li wara t-23 ta' Marzu, 1999, irriżenjaw tlett membri tal-Korp, li wieħed minnhom laħaq l-eta' ta' sittin sena.
26.04.99
Jista' l-Ministru jara li r-Roads Department jagħmel Triq il-Batterija Taż-Żonqor, f'Wied il-Għajn li minkejja li hi ferm abitata għadha fi stat ħażin ħafna? Possibbli li għallinqas issir il-bankina f'din it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Għaddejt is-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tat-Toroq biex jiġi kkunsidrat. Nixtieq inżid li bħalissa d-Dipartiment qed iħejji pjan nazzjonali għal asfaltar ta` toroq f`żoni residenzjali li qatt ma kienu asfaltati u dawn it-toroq ġew inklużi fil-programm.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern għamilx xi rapport dwar il-privatizzazzjoni tal-Mid-Med Bank plc? Jekk iva, jista' l-Ministru jqiegħed kopja ta' dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, JOHN)
Nixtieq l-Onorevoli Interpellant jispjega x`tip ta` rapport qiegħed jifhem.
Fid-dawl tal-bejgħ tal-Mid-Med Bank plc, jista' l-Ministru jgħid: a) kif dan il-bejgħ se jgħin il-qagħda finanzjarja tal-gvern fl-immedjat u fit-tul? Ir-rikavat mill-bejgħ se jmur għall-ispiża kurrenti u jittiekel f'sena jew se jmur għall-proġetti li jirrendu? b) Dan il-bejgħ kif se jaffettwa lill-konsumaturi, id-debituri tal-bank u lill-ħaddiema u x'se jkun l-impatt soċjali? c) X'se jkun l-effett ekonomiku in ġenerali fuq il-pajjiż bħala riżultat tal-bejgħ tal-Mid-Med Bank?
Response (DALLI, JOHN)
a. Il-bejgħ ta` assi pubbliċi jikkostitwixxi biss element ta` finanzjament għall-parti mill-iżbilanċ bejn id-dħul ul-ħruġ tal-Gvern. Jgħin lil dan l-iżbilanċ billi innaqqas il-ħtieġa ta` self fit-tul akbar u allurajtaffi parti mill-piż annwali tal-isservizzjar tad-dejn pubbliku billi dan jifforma parti mill-ispiża rikurrenti tal-Gvern.
Id-dħul mill-bejgħ ta` assi pubbliċi jiġi kreditat lill-Public Account u allura jgħin il-cash flow tal-Gvern u jinaqqas il-ħtieġa ta` self li fuqu, s`inendi, jkun irid jitħallas l-imgħax.
b. Għas-sena finanzjarja li qegħdin fiha id-deficit rikurrenti, jiġifieri l-iżbilanċ bejn id-dħul u l-ħruġ rikurrenti, hu misteni jilħaq l-Lm43.2 miljuni. Ma` dan l-iżbilanċ rikurrenti hemm żieda ta` Lm91.4 miljun f`nefqa kapitali B`hekk id-deficit fl-Estimi globali hu stmat li se jilħaq Lm134.6 miljun.
Ir-rikavat mill-bejgħ tal-isħma tal-Mid-Med Bank hu mistenni jiffinanzja parti minn dan id-deficit.
c. L-effett ta` dan il-ftehim se jkunu:
i. sigurta lid-depożituri;
ii. servizz aħjar lill-klijenti;
iii. opportunitajiet għall-ħaddiema.
B`avvanz ġenerali fl-ekonomija l-impatt soċjali m`għandex ikun għajn wieħed pożittiv.
d. L-effett ekonomiku fit-tul tal-bejgħ tal-assi tal-Gvern fil-Mid-Med Bank lill-HSBC se joħroġ mill-preżenza f`pajjiżna ta` din l-istituzzjoni bankjarja b`reputazzjoni mondjali f`dan il-qasam li tkun l-ewwel pass tant meħtieġ biex jattira lejn l-ekonomija tagħna investiment barrani sew permezz tal-istess bank kif ukoll ta` investituri oħra f`oqsma oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex infurmat li fl-ITS s'issa għad m'hemmx lecturer tal-Housekeeping? Dawk l-istudenti li għandhom diploma fl-Accomodation Operations Management u li se jispiċċaw il-kors din is-sena, kif se jiġu effetwati?
Response (REFALO, MICHAEL)
L-ITS ħareġ tlett applikazzjonijiet biex jimtela l-post vakant ta' 'Lecturer/Assistant Lecturer' fil-'Housekeeping'. F'kull każ ir-riżultat kien negattiv sew għaliex min applika ma kellux kwalifiki neċessarji kif ukoll għaliex is-salarju offrut ma kienx attrajenti biżżejjed.
Informat li dan l-aħħar instabet persuna bil-kwalifiki neċessarji (Lecturer fl-Universita' ta' Malta) li aċċettat tgħallem fuq bażi 'part-time'. Il-lezzjonijiet skond il-programm ta' studju se jingħataw kollha u b'hekk jidher li l-istudenti mhumiex se jkunu effettwati negattivament.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għad baqalu x'jiġbor fi spejjeż il-gvern dwar il-Crans Montana Conference li kienet inżammet f'pajjiżna żewġ leġislaturi ilu?
Response (DALLI, JOHN)
Il-Gvern ma baqagħlux x`jiġbor aktar fi spejjez mill-Konferenza Crans Montana li nżammet f`Malta żewġ leġislaturi ilu.
Jista' l-Ministru jgħid taħt liema arranġamenti l-Ministeru tal-Finanzi jagħmel użu mis-servizzi tad-ditta tal-PR MAS Communications? Din il-kumpannija għandha xi retainer mill-Ministeru? Kif intgħażlet?
Response (DALLI, JOHN)
Din il-kumpanija m`għandha ebda arranġamenti mill-Ministeru.