Tista' l-Ministru tgħid x'passi ttieħdu s'issa biex jitneħħa l-periklu ta' Triq it-Torri ta' Isopo, fin-Nadur, Għawdex, liema periklu kien imsemmi fil-mistoqsija parlamentari numru 900?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li minn spezzjonijiet li saru jidher li ma jeżistix periklu imminenti fit-triq imsemmija.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-programm ta' xogħlijiet ta' drenaġġ f'Għawdex, li hemm riferenza għalih f'mistoqsija parlamentari numru 5842, huwiex diġa' mfassal? Jekk fl-affermattiv, tista' l-Ministru tpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li jeżisti programm ta' xogħolijiet ta' drenaġġ ġewwa Għawdex. Ma jidhirlix li huwa xieraq li dan il-programm jitqiegħed fuq il-mejda tal-kamra minħabba tibdiliet li jistgħu jsiru kawża ta' xogħolijiet urġenti li jinqalgħu minn żmien għal żmien.
Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xi forma ta' programm ta' resurfacing ta' toroq ġewwa Għawdex? Jekk fl-affermattiv, tista' l-Ministru tpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li jeżisti programm ta' resurfacing ta' toroq ġewwa Għawdex. Ma jidhirlix li huwa xieraq li dan il-programm jitqiegħed fuq il-mejda tal-kamra minħabba tibdiliet li jistgħu jsiru kawża ta' xogħolijiet urġenti li jinqalgħu minn żmien għal żmien.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' l-applikanti li qed jistennew biex jadottaw it-tfal? Hemm minnhom jixtiequ tfal Maltin? Hemm minnhom jixtiequ tfal barranin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fid-Dipartiment Ħarsien tal-Familja hemm 107 applikazzjoni għal adozzjoni.
Fil-maġġoranza tal-każi l-adozzjoni ssir minn pajjiż barrani peress li in-numru ta' adozzjonijiet lokali li jinġiebu a konjizzjoni tad-Dipartiment huwa żgħir ħafna.
26.4.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikanti jistennew biex joħorġilhom il-permess għal hawkers? Hemm minnhom huma bejjiegħa tal-ħaxix? Hemm minnhom għal bejgħ ieħor? Kemm minnhom huma ta' nies li ġejjin minn barra l-pajjiż u m'ilhomx iktar minn ħames snin Malta? Jista' l-Ministru jgħid meta jaħseb li se joħroġ il-permess ta' dawn il-hawkers?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fid-29 ta' Marzu, 1999, in-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għal ħruġ ta' permessi għal hawkers kien ta' 54, li minnhom waħda saret minn persuna barranija, filwaqt li 14 huma għal bejjiegħa tal-ħaxix/frott.
Ninsab infurmat ukoll li fil-preżent għaddej proċess ta' reviżjoni tar-regolamenti li jirregolaw din il-kategorija ta' bejjiegħa.
26.04.99
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir it-tarmac fuq l-ewwel fażi ta' Triq Luigi Pizani u 25th Anniversary, it-tnejn fil-Kalkara? Jista' jgħid jekk dan id-dewmien huwiex minħabba li jrid isir xi maintenance qabel? Jekk iva, x'inhu dan il-maintenance? Jekk le, meta jaħseb il-Ministru li se jibda x-xogħol peress li qed jinħolqu problemi kbar u dan ilu sejjer għal dawn l-aħħar seba' snin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant qed isir mill-Kunsill Lokali u għalhekk nitlob l-Onor. Interpellant tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jara li l-każ fid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali dwar akkomodazzjoni alternattiva, tiġi kemm jista' jkun mogħtija l-attenzjoni mmedjata u dan peress li l-imsemmija applikanta qegħda tgħix f'post verament substandard?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata qed tiġi kkunsidrata flimkien mal-oħrajn kollha li hemm pendenti, u fid-dawl tan-numru limitat ta' postijiet li jkollu d-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
26.4.99
Billi hemm ħafna ilmenti mir-residenti li joqogħdu f'Tal-Papa, Birzebbugia li ajruplani tal-kumpannija Kondor qegħdin jagħmlu ħafna storbju telgħin u neżlin minn fuqhom b'detriment għalihom, jista' l-Ministru jara li jirrimedja din is-sitwazzjoni?
Kemm se jdumu dawn l-eżerċizzji? X'benefiċċji qegħda tieħu l-kumpannija MIA b'dan il-ftehim?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-eżerċizzji ta' taħriġ tal-linja ta' l-ajru Condor saru bejn il-15 u t-23 ta' Marzu 1999. B'dawn it-tip ta' eżerċizzji, l-MIA plc ibbenifikat minn dħul ta' landing fees, parking fees u l-użu tas-sala tal-konferenzi.
Ta' min jirrimarka li minn dan it-tip ta' taħriġ jibbenifikaw ħafna aktar entitajiet konnessi mal-industrija ta' l-avjazzjoni, servizzi ta' catering, handling fees tal-ajruplan, fuel u koordinazzjoni mill-aġenti lokali tal-Condor kif ukoll sitta u tletin kamra f'lukanda 5 star u tmien karozzi tal-kiri tul il-perjodu kollu ta' taħriġ iġġeneraw dħul sostanzjali lill-entitajiet konċernati.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li persuni singles li jakkwistaw jew jibnu darhom bħala dar ta' residenza unika, m'humiex intitolati li jieħdu lura l-VAT li jkunu ħallsu fuq materjal u mano d'opera?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta` l-istess skema, l-iskema li tipprovdi għall-ħlas lura tal-VAT fuq l-akkwist ta` l-ewwel dar ta` abitazzjoni taħt l-Att ta` l-1998 dwar Taxxa fuq il-Valur Miżjud hija maħsuba għall-koppji miżżewġa u koppji għarajjes, u ġenituri waħedhom li għandhom it-tfal jgħixu magħhom, inklużi dawk legalment separati jew romol.
Għalkemm il-liġi tal-VAT ma teskludiex li din l-iskema tiġi estiża jew li jitwaqqfu skemi oħrajn simili, il-prijorita f`dan l-istadju ingħatat lit-twaqqif ta` żewġ skemi oħra li jipprovdu għall-ħlas lura tal-VAT fuq spejjeż imħallsa għall-tiġijiet u fuq spejjeż imħallsa għall-funerali.
Peress li minħabba ċ-ċirkostanzi li żviluppaw fil-Korp tal-Pulizija, il-Korp jidher li tilef ħafna mir-rispett li jixraq lill-korp dixxiplinat għaż-żamma ta' l-ordni, jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jagħmel il-gvern biex jerġa' jistabilixxi l-fiduċja tal-poplu fil-korp?
Response (BORG, TONIO)
Ma naqbilx ma' l-Onor. Interpellant li minħabba ċ-ċirkostanzi riċenti l-Korp tilef ħafna mir-rispett li jixraqlu. Kif għidt f'okkażżjoni riċenti, dawn iċ-ċirkostanzi jindifnu ħdejn il-ħafna tajjeb li hemm fil-Korp tal-Pulizija. Is-suċċessi li kellu dawn l-aħħar ġimgħat il-Korp fil-ġlieda kontra l-kriminalita' huma xhieda ta' dan. Il-ġrajjiet riċenti ser jixprunawna biex inkomplu nirrifurmaw il-Korp biex joħorġu aktar il-kwalitajiet tajba li hemm fih.
26.04.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-korp tal-Pulizija li jinsabu akkużati b'xi reat u kemm minnhom instabu ħatja ta' l-istess reat bejn l-1988 sa l-1998? Meta kienu ngaġġati fil-korp l-istess pulizija hekk akkużati jew misjuba ħatja?
Qatt kellhom akkużi ta' rregolaritajiet fil-qadi ta' dmirijiethom kemm ilhom jaħdmu fil-korp?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
26.04.99
Jista' l-Ministru jgħid meta se titwettaq il-wegħda li kienet saret lill-Kunsill ta' Ħal Luqa u lir-residenti ta' Ħal Farruġ, Luqa li l-lokalita' ta' Ħal Farruġ jitnaddaf u jingħata l-attenzjoni li jixraqlu biex jiġi rranġat kemm jista' jkun malajr?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1758 (Seduta 31).
Jista' l-Ministru jgħid x'għandu ppreparat għal ħaddiema tax-Shipbuilding li issa ilhom weqfin għal ħafna xhur?
Kif jaħseb li se jħaddem lil dawn il-ħaddiema? Meta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Mhux korrett li tgħid li l-ħaddiema tal-Malta Shipbuilding ilhom weqfin għal ħafna xhur. Fil-fatt bħalissa l-ħaddiema ta' din l-azjenda huma okkupati bil-bini tat-tlett vapuri għall-Gozo Channel Co. Ltd. Dan ix-xogħol mistenni jieħu sentejn oħra biex jitlesta.
Sadanittant il-Management huwa mpenjat biex itejjeb il-produttivita tat-tarzna biex meta jitlesta x-xogħol preżenti, jinkiseb xogħol ġdid.
Peress li għadd ta' bdiewa fil-bidni (Wied il-Għajn/Żabbar) mhumiex jingħataw l-ilma għat-tisqija kif meħtieġ, jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jieħu d-dipartiment biex dan l-inkonvenjent jissewwa?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-uffiċjal tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura nkarigat mid-distribuzzjoni ta' l-ilma ta' Sant Antnin għamel diversi kuntatti ma' l-uffiċjali risponsabbli mill-impjant tat-tisfija tad-dranaġġ. Riċentament saret laqgħa oħra bejn uffiċjali għolja ta' diversi dipartimenti risponsabbli mill-produzzjoni u distribuzzjoni ta' l-ilma fil-Ministeru ta' l-Ambjent. Għadhom ukoll kif twaħħlu żewġ pompi ġoddda fil-Pumping Station tal-Marsa, b'hekk seta' jiżdied l-ammont ta' dranaġġ li jiġi ppumpjat għall-impjant. Dan diġa laħaq 400m3/siegħa u jidher li l-problemi fil-lokalita tal-Bidni spiċċaw. Hemm possibilta li dan l-ammont ta' ilma jista' jkompli jiżdied jekk jinħass il-ħtieġa.
Jista' l-Prim Ministru jagħti informazzjoni rigward kemm persuni reġgħu iddaħħlu lura mal-Gvern (mhux minħabba raġuni ta' mard) matul tmexxija Laburista?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet biex jiġu reinstated ħaddiema jew apprendisti-ħaddiema fis-settur pubbliku fit-22 xahar ta' Gvern Laburista?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi matul it-tnejn u għoxrin xahar tal-Gvern preċedenti, reġu daħlu lura mal-Gvern żewġ persuni, mhux minħabba raġuni ta' mard.
Fl-istess perjodu kien hemm għoxrin (20) talba għall-re-instatement.
Peress li jidher li hemm diversi problemi amministrattivi rigward it-tmexxija ta' kif jitqassam l-ilma għat-tisqija mill-impjant ta' Sant'Antnin, jista' l-Ministru jindika min hu finalment responsabbli li l-bdiewa kollha jkunu moqdija kif mixtieq?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li t-tqassim ta' l-ilma mill-impjant ta' Sant'Antnin jista' jinqasam f'żewġ kategoriji.
1. Ir-responsabbilta' li l-ilma joħroġ mill-impjant u jintbagħat fid-diversi ġibjuni hija tal-kuntrattur li bħalissa qed imexxi l-impjant.
2. Ir-responsabbilta' li l-ilma jitqassam minn ġol-ġibjuni għal għand il-bdiewa hija tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura, permezz ta' l-Extension Service, Żabbar.
Ta' min wieħed iżid li ħafna mill-problemi jinqalgħu minħabba s-sistema ħażina ta' kif inhuma mqassmin il-kanali tat-tisqija, kif ukoll l-ammont kbir ta' komunikazzjonijiet illegali li hemm fuq il-mainijiet ta' l-ilma li ħerġin mill-impjant. Dan ta' l-aħħar minbarra li jikkawża telf kbir ta' ilma sakemm dan jasal fil-ġibjuni, jagħmel ukoll ħsara fil-pajpijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jipproduċi ilma l-Impjant ta' Sant'Antnin f'Wied il-Għajn?
Jekk m'hijiex tabilħaqq il-mira, jista' l-Ministru jgħid għaliex u meta hu maħsub li tintlaħaq?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Impjant ta' Sant'Antnin bħalissa qiegħed jitratta u jipproduċi medja ta' 400 metru kubu kull siegħa jew madwar 9500 metru kubu fil-ġurnata. Il-mira hija li l-impjant jitratta 17,000 metru kubu kuljum, iżda dan jiddependi minn dawn il-fatturi:
1. Jekk il-Pumping Station tal-Marsa hiex fil-fatt kapaċi tissuplixxi dan il-volum (jiġifieri 17,000 metru kubu kuljum) lill-Impjant.
2. Li l-Impjant jiġi attrezzat b'relief jew outflow pumping station.
3. Li jinstab użu biżżejjed għal dan l-ilma. (Fil-preżent huwa kkalkulat li 400 metru kubu kull siegħa, jew ftit aktar, jissodisfa d-domanda preżenti fix-xhur li fih jintuża l-aktar l-ilma).
4. Li tiġi mibdula s-sistema preżenti tad-distribuzzjoni ta' l-ilma, jiġifieri minn waħda ta' open channel jew kanali għal waħda ta' pajpijiet jew closed pipe.
Fir-rigward ta' (1) u (2), dawn għandhom jiġu ndirizzati fil-futur qarib wara li jiġu maħtura l-konsulenti li jridu jwettqu l-Masterplan tas-South, waqt li fir-rigward ta' (3) u (4), għaddejjin diskussjonijiet mal-W.S.C. biex tiġi stabbilita r-responsabbilta' ta' min għandu jagħmel dan ix-xogħol u jekk fil-fatt dan hux se jsir.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex bdiewa fil-Bidni (Wied il-Għajn/Żabbar) mhumiex ripetutament jingħataw l-ilma fil-ħin u kemm hemm bżonn minkejja s-sistema l-ġdida mħaddma mit-Taljani?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi n-nuqqas ta' ilma fil-Bidni u żoni oħra fl-inħawi huwa probabbilment dovut min-nuqqas ta' ilma li jidħol fl-impjant mill-Pumping Station tal-Marsa. Qiegħed jiġi studjat x'inhi r-raġuni preċiża ta' dan in-nuqqas, biex is-sitwazzjoni tkun tista' tiġi rranġata.
Jista' l-Ministru jagħti spjega għaliex twaqqaf ix-xogħol fuq il-Bażilika ta' Birkirkara mill-ħaddiema tiegħu u jekk din hijiex waqfa temporanja? Jista' l-Ministru jagħti wkoll żmien meta bejn wieħed u ieħor ix-xogħol se jerġa' jkompli?