Peress li għal mistoqsija parlamentari numru 5904 il-Ministru ta' l-Ambjent qal li meta l-ground li se jsir f'parti mill-proġett ta' Pjazza S. Margerita, Bormla, se jgħaddi f'idejn il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, jista' l-Ministru jikkonsidra li t-tmexxija ta' dan il-ground tgħaddi f'idejn it-team ta' St Georges Football Club?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa t-team ta' St George's Football Club qiegħed jagħmel użu mill-ground ta' l-Iskola Verdala li f'April 1998 ġie rranġat mill-Gvern għal dan l-iskop ukoll bi spiża ta' Lm7,900.
Hekk kif il-ground f'Santa Margerita jsir skond kif imfassal fil-proġett sħiħ ta' Pjazza S. Margerita, dan mistenni jgħaddi f'idejn il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni kif indikat fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5904. Kull talba għall-amministrazzjoni ta' dan il-ground trid issir l-ewwelnett minn St George's F.C. innifsu u din tiġi kkunsidrata fuq il-meriti tagħha mill-awtoritajiet kompetenti.
Tajjeb li f'dan l-istadju l-Onor. Interpellant ikun infurmat li l-imsemmi ground jagħmel parti integrali mill-iskola primarja ta' Bormla li taħtha taqa' kull responsabbilta' ta' amministrazzjoni. Sa ftit żmien ilu, dan il-ground kien jintuża kemm mit-tfal ta' l-istess skola waqt il-ħinijiet normali ta' l-iskola, kif ukoll minn amateur football club lokali wara l-ħinijiet ta' l-iskola għab-bażi ta' konċessjoni mill-iskola. Bħalissa, fuq is-sit ta' l-imsemmi ground qiegħed isir xogħol ta' kostruzzjoni għall-bini ta' reservoir bħala parti mill-proġett tar-riabilitazzjoni ta' Pjazza S. Margerita.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-reazzjoni tad-dipartment konċernat dwar l-istqarrija maħruġa mill-Kumitat t'Azzjoni tat-Toroq San Gwann u l-Iskola, fil-Fgura? Kopja ta' din l-istqarrija qed tintbagħat separatament.
Response (GALEA, ĊENSU)
Ix-xogħol f`kull triq f`Malta jrid isir skond pjan li qed jiġi mfassal. Għalhekk, f`dan l-istadju, għalkemm l-istqarrija msemmija ttieħdet inkonsiderazzjoni, ix-xogħol ikun jista` jsir skond dan il-pjan.
Peress li fi żmien il-Gvern Laburista kien hemm il-ħsieb li jitkompla l-asfaltar ta' Triq Lia, Ħaż-Żabbar fil-parti li tmiss ma' Triq il-Karmnu, jista' l-Ministru jgħid meta fil-fatt se jsir dan l-asfaltar?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-reazzjoni tad-dipartiment konċernat dwar l-istqarrija maħruġa mill-Kumitat ta' Azzjoni tat-toroq San Gwann u l-Iskola fil-Fgura? Kopja ta' din l-istqarrija qed tintbagħat separatament.
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposti li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari numru 1912 u 6080.
Peress li kienet inbdiet central strip fil-Bypass ta' Ħaż-Żabbar għal Wied il-Għajn ftit metri bogħod mill-bidu tal-bypass, in-naħa ta' Ħaż-Żabbar fil-parti l-wiesgħa ħafna, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li titkompla din is-central strip għaliex hemm il-ħtieġa li jsir xi ħaġa peress li hemm periklu għan-nies biex jaqsmu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-istrip imsemmija mill-Onor. Interpellant kienet saret xi għaxar snin ilu biex tissepara s-service road mill-bypass. Minħabba ċ-ċirkostanzi li qed isemmi l-Onor. Interpellant, għaddejt is-suġġeriment lid-Dipartiment tat-Toroq biex jara x`jista` jsir.
Jista' l-Ministru jara li l-pazjent bl-ID card No., li qed jintbagħat separatament, jingħata l-mediċina ordnata mill-ispeċjalista tal-gvern ARICEPT?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-mediċina Aricept hija wżata għal marda tad-dementia li mhix inkluża fil-lista ta' Schedule V. Din il-mediċina tista' tiġi kkunsidrata biss għal pazjenti li għandhom il kartuna r-roża u dan f'każ li jkun hemm evidenza ċara li l-mediċina hi effettiva. Dan għaliex il-mediċina Aricept hija waħda ġdida.
Dan li ġej huwa parti mid-'drug insert' li tipprovdi l-kumpanija li tipproduċi din il-mediċina:
"L-użu tal-mediċina Aricept huwa assoċjat ma titjib modest fil-memorja u l-kapaċita' li wieħed jitgħallem. Il-mediċina Aricept ma tfejjaqx il-marda ta' l-Alzheimer, ma tnaqqasx il-progress tal-marda u lanqas ma tipproduċi titjib sostanzjali fil-funzjoni tal-pazjent".
Jista' l-Ministru jara li l-pazjent bl-ID card No., li qed jintbagħat separatament, jingħata l-mediċina ordnata mill-ispeċjalista tal-gvern Finasteside?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li peress li 'benign prostatic hypertrophy' mhix waħda mill-mardiet taħt 'Schedule V', il-pazjent imsemmi ma jistax jingħata din il-mediċina b'xejn taħt 'Schedule V'.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li vannijiet bil-pjanċa "K" jibqgħu jintużaw wkoll għal ġarr ta' passiġġieri?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-vannijiet bil-pjanċa `K` mhux suppost li jintużaw għal ġarr ta` passiġġieri kif jista` jsir b`vetturi bil-pjanċa `Y`.
Fil-fatt, il-liġi tgħid li `vettura bil-mutur `self-drive` tfisser vettura bil-mutur li tkun liċenzjata u jew reġistrata biex tinkera minn garaxx ta` servizz pubbliku għall-iskop li tiġi misjuqa minn min jikriha. Iżda tista` tiġi misjuqa minn sid il-garaxx, jew minn xi persuna fl-impjieg regolari tagħha li jkollha liċenzja speċjali tas-sewqan, biex jittieħdu passiġġieri b`kiri, b`dan illi kull passiġġier li jikriha jagħti l-kunsens tiegħu għall-użu ta` dik il-vettura bil-mutur `self-drive` minflok vettura bil-mutur għall-kiri.`
Jista' l-Gvern jirrikonoxxi l-isforz li sar mill-għaqda Vilhena Band Club meta ġie organizzat kunċert f'forma ta' kompetizzjoni ta' marċi ta' l-ogħla livell f'Jannar li għadda billi tintlaqa' t-talba tagħha għal għajnuna/għotja finanzjarja bex tagħmel tajjeb għal parti mill-ispejjeż li daħlet għalihom?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab infurmat li dan il-Każin bagħat ittra bid-data tas-26 ta' Jannar 1999 iżda li waslet id-Dipartiment fil-25 ta' Frar 1999 jitlob għajnuna finanzjarja għal Konkors tal-Marċi li din il-banda organizzat fit-23 ta' Jannar 1999. Din it-talba, flimkien ma' diversi oħra, minn baned oħra u minn kemm organizzazzjonijiet u individwi oħra, tinsab lesta biex tiġi kunsidrata mill-Bord li mistenni jitwaqqaf.
Jista' l-Ministru jieħu passi sabiex fi Triq Sant'Anna l-Furjana mill-11.00 a.m. sat-3.00 p.m. ikun permess loading/unloading ta' merkanzija għal ġol-ħwienet ta' l-imsemmija triq u għalhekk isir ukoll ċaqlieq ta' bus stops fuq in-naħa ħiereġ mill-Belt minn fejn qegħdin għal Triq Sant'Anna kantuniera ma' Triq Vilhena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku ma taqbilx li għandhom jiċċaqilqu minn posthom l-`bus stops` li hemm tul Triq Sant Anna, il-Furjana għax jinħolqu ħafna problemi fir-rigward tat-trasport pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi żviluppi dwar l-asfaltar/l-għoti ta' tarmac f'dawn it-toroq fil-Ħamrun: - (i) W. Attard; (ii) G. Bajada; (iii) Dun J. Camilleri; (iv) Pjazza 7 ta' Ġunju, u (v) E. Attard?
Response (GALEA, ĊENSU)
Għalissa m`hemm xejn x`inżid fuq ir-risposta mgħotija għad-domanda parlamentari numru 705 ta` 1998.
Jikkonsidra l-Ministru, in vista tar-risposta għad-domanda parlamentari numru 5981, li l-biċċa art kollha ħamrija li hemm fil-kantuniera bejn Triq Kaħwila u Triq Katerina Vitale f'Santa Luċija, ssir parking space sabiex il-mini vans tat-tfal tal-Junior Lyceum ta' Margaret Mortiner f'Santa Luċija jkollhom fejn jipparkjaw? Jista' jsir l-istess bil-biċċa art mhux mibnija, proprjeta' tal-gvern li hemm bejn Triq Kaħwila u Triq l-Istefanotis ġewwa Santa Luċija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-biċċa art li hemm fil-kantuniera bejn Triq il-Kaħwiela u Triq Katerina Vitale f'Santa Luċija li reċentement ġiet imħammla u mqatta' l-blat tagħha sejra tintuża biex fuqha jinbnew maisonettes ta' l-Awtorita' tad-Djar peress li l-art issejjaħ lill-istess Awtorita'.
Fir-rigward tal-biċċa art mhux mibnija li hemm bejn Triq il-Kaħwiela u Triq l-Istefanotis ninsab infurmat li din ma tappartjenix lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Pero` wieħed irid iżid jgħid li għall-iskop ta' parking space għall-mini vans kif issottolineja l-Onor. Interpellant fid-domanda tiegħu, l-istess disinn ta' dan il-Liċeo tal-Bniet ħaseb għalih peress li madwar l-iskola teżisti "ring road" fl-istess preċint tagħha li la darba tkun żviluppata kollha toffri l-ispazju msemmi.
Jista' l-Ministru jillumina lill-Kamra dwar x'jinvolvi l-proċess ta' "slurry blasting" li t-Tarzna għadha kif bdiet topera minflok "grit blasting"? Jista' jikkonferma li l-i"slurry blasting" hija aktar "environment friendly" mill-"grit blasting"? Jekk dan hu minnu, jista' jiġi ddikjarat li l-"grit blasting" mhux se jibqa' jintuża?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fil-proċess tas-slurry blasting, flimkien mas-solid abrasive grit li qed jintuża bħalissa, jiġi sprejjat l-ilma minn nozzle speċjali. Permezz ta' din is-sistema, il-grit li joħroġ fl-arja bi pressa konsiderevoli, jinkesa bl-ilma sprejjat u b'hekk l-għabra li toħroġ fl-arja tiġi eliminata.
Meta jkun meħtieġ xogħol ta' blasting, mhijiex it-Tarzna waħedha li tiddeċiedi jekk jintużax jew le is-slurry blasting, iżda jkun meħtieġ ukoll il-kunsens kemm tas-sidien tal-vapur kif ukoll tal-manifatturi taż-żebgħa.
Jista' l-Ministru jgħid: a) x'inhi l-pożizzjoni tal-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, fl-International Oceans Commission; b) kemm-il ġurnata jew kemm il-ġimgħa xogħol tirrikjedi din il-pożizzjoni; c) x'inhu s-salarju, honorarium jew introjtu ieħor li qiegħed jingħata mill-IOC; d) jekk il-post huwiex kompatibbli ma' dak ta' Ambaxxatur?
Response (BORG, JOE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, minn informazzjoni li għandi, l-International Oceans Commission ma teżistix.
Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-Intergovernmental Oceanographic Commission (IOC) li taqa taħt l-awspiċi tal-UNESCO, allura il-persuna indikata qatt ma kellha x`taqsam ma din il-Kummissjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk skond il-conditions of service overseas, diplomatiku jikkwalifikax għal rimbors ta' spejjeż mediċi tal-mara tiegħu jekk it-tnejn ikunu separati u din ma' tkunx qiegħda takkumpanjah?
Response (BORG, JOE)
Ir-risposta hija fin-negattiv fil-każijiet kemm jekk il-mara tad-diplomatiku Malti tkun dahlet għal spejjeż mediċi waqt li qiegħda f'Malta, kif ukoll jekk hija separata minnu legalment u mhux tgħix miegħu anki fil-pajjiż fejn ikun qed iservi.
Jista' l-Ministru: a) jikkonferma li l-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, jirċievi pensjoni mill-UNESCO bħala ex-impjegat ta' din l-Organizzazzjoni; u b) jgħid x'inhuma r-relazzjonijiet kollha li għandha bħalissa din il-persuna mal-UNESCO u in parikolarti jekk għandhiex xi relazzjonijiet kuntrattwali?
Response (BORG, JOE)
It tweġiba għall-ewwel parti tal-mistoqsija hija fin-negattiv.
Dwar it-tieni parti, jien infurmat ukoll li din il-persuna ma għandha l-ebda relazzjonijiet kontrattwali mal-UNESCO.
Jista' l-Ministru jgħid: a) għall-perjodu bejn l-1.9.98 u l-31.12.98 u bejn l-1.1.99 u l-31.3.99 kemm qala' consultancy fees il-persuna, li isimha qed jintbagħat separtament mill-UNCESCO f'ismu direttament; b) fl-istess perjodu kemm qala' consultancy fees indirettament f'isem għaqdiet jew assoċjazzjonijiet jew fondazzjonijiet li fihom għandu interess; c) kemm-il vjaġġ ħallset il-UNESCO lil din il-persuna?
Response (BORG, JOE)
It-tweġiba għat-tlett partijiet ta` din il-mistoqsija hija fin-negattiv.
Jista' l-Ministru jgħid minn meta l-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, beda jieħu s-salarju u l-personal emoluments ta' Ambaxxatur? Kemm-il darba ġie Malta, għal kemm-il ġurnata u għal liema skopijiet minn dik id-data sal-lum? Minn dawn id-dati, kemm-il darba l-ħlas sar minn fondi pubbliċi? Minn dawn id-drabi, kemm-il darba ġie a spejjeż tal-ministeru ta' l-affarijiet barranin?
Response (BORG, JOE)
Il-persuna bdiet tirċievi s-salarju u l-global emoluments, jiġifieri s-salarju u allowances, mit-22 ta` Jannar 1999, id-data tal-ħatra tiegħu bħala Ambaxxatur. Il-persuna ġiet Malta tlett darbiet kif qed jingħad, mill-1 sa l-5 ta` Marzu 1999 u mill- 5 sa d-9 ta` April 1999 fuq xogħol uffiċjali u mis-27 sat-30 ta` Jannar 1999 fuq żjara privata. S`issa l-ebda spiża ma saret għal dawn il-vjaġġi minn fondi pubbliċi, lanqas għall-istess vjaġġ uffiċjali biex jieħu l-Kariga.