Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #6225 Sitting 84 1999-04-27 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru tal-Finanzi

St Andrews — Bini ta' skola - tenders

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex tenders għall-bini ta' skola f'St Andrews infetħu fil-pubbliku, pero' l-ammont ta' kull tender ma ġiex iddikjarat pubblikament fil-mument tal-ftuh tagħhom imma ġie ppubblikat aktar tard? Jista' l-Ministru jgħid jekk din hijiex il-prassi ta' kif jinfetħu t-tenders fil-pubbliku jew quddiem min ikun interessat?

Response (DALLI, JOHN)

Nixtieq niġbed l-attenzjoni ta` l-Onorevoli Interpellant li minħabba li ma tax indikazzjoni ċara għal-liema tender qed jirreferi (e.g.) in-numru ta` l-avviż tat-tender) ma nistax inwieġbu fuq il-każ partikolari. Għar-rigward tal-prassi segwita fil-ftuħ ta` l-offerti mill-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti ninfurmah li din ilha tiġi segwita s-snin u qatt ma kien hemm tgergir. Il-proċedura fil-qosor hija hekk: L-offerti jinħarġu mill-kaxxa minn membri tal-Kumitat tal-Kuntratti fil-presenza tal-pubbliku u, wara li l-istess kaxxa titwarrab, jinfetħu l-offerti nfushom. Hawnhekk tiġi maħduma l-iskeda ta` l-offerti mitfugħa u meta din titlesta tiġi eżaminata miċ-Chairman tal-Kumitat biex jiżgura li l-prezzijiet murija fuq l-iskeda huma korretti, cioe li l-iċċekkjar l-iskda titwaħħal fin-Notice Board tad-Dipartiment tal-Kuntratti. Nenfasizza li dan il-proċess kollu jsir fil-presenza tal-pubbliku jekk dan huwa li ried ifisser l-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #6227 Sitting 84 1999-04-27 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy li tadotta l-Maltacom fir-rigward ta' xogħlijiet ta' trenching works u laying of pipes?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-Maltacom tistalla il-cables ta' aktar minn mitt par kollha ġewwa katusi taħt l-art. F'xogħolijiet fuq proġetti ġodda, fejn hu teknikament possibli, il-cables kollha jiġu stallati minn taħt l-art. Estensjonijiet ta' cables minn 100 par 'l isfel fuq stallazzjonijiet eżistenti li mhumiex taħt l-art isiru bl-istess mod. Meta l-Gvern Ċentrali jew il-Kunsill Lokali jagħmlu xogħlijiet ta' upgrading ta' toroq jew bankini, Maltacom tinstalla l-katusi skond il-pjani tagħha sabiex tevita li terġa tiġi maqlugħa l-art.
Leg 9 PQ #6255 Sitting 84 1999-04-27 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Zabbar — Triq il-Kappuċċini - Tneħħija ta' arblu

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Enemalta tneħħi arblu tad-dawl imsaddad li qed joħloq periklu serju lir-residenti u lit-traffiku li jgħaddi minn Triq il-Kappuċċini, Zabbar?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li għalkemm l-arblu in kwistjoni mhux qed joħloq xi periklu serju, xorta waħda ser jittieħdu l-passi biex jinbidel f'qasir żmien.
Leg 9 PQ #6256 Sitting 84 1999-04-27 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru għall-Ambjent

Żejtun — Sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara li s-sistema tad-drenaġġ li tinstab bejn Triq Falkunier u l-inħawi ta' San Klement, iż-Żejtun li kontinwament tfur għaliex fiha l-ħsara u ma tlaħħaqx mal-volum li għandu jgħaddi minnha, ma tibqax tfur kontinwament ġewwa l-għelieqi b'dannu għas-saħħa ta' min jidħol f'dawn l-għelieqi u min jikkonsma l-uċuħ imkabbra f'dawn l-oqsma?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li s-sewer main in kwestjoni huwa għal ta' Triq il-Wied , Żejtun. Dan huwa bil-ħsara u jrid jinbidel. Mistennija toħroġ tender dalwaqt.

Sigurta' Soċjali — Kartuna roża

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn bħalissa persuni fuq il-kartuna roża awtorizzata mid-dipartiment tas-sigurta' soċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-karta r-roża għall-mediċini b'xejn tingħata wara li ssir dikjarazzjoni finanzjarja. Jekk persuna tissodisfa t-test tal-mezzi tingħata l-karta roża li tkun valida għal sitt xhur, u f'każ ta' pensjonanti u familji fuq l-Għajnuna Soċjali tkun valida għal sena. Għaldaqstant ma tinħassx il-ħtieġa li tinżamm statistika li turi kemm hu n-numru ta' dikjarazzjonijiet validi f'xi żmien partikolari. B'danakollu tinżamm statistika dwar in-numru ta' talbiet li jkunu saru ġodda kull sena. Matul is-sena 1998 saru 5,018 talba għall-karta roża li minnhom 4,822 ġew aċċettati filwaqt li 196 ġew miċħuda. 26.4.99
Leg 9 PQ #3987 Sitting 83 1999-04-26 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Pilloli out of stock

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pilloli out of stock bħalissa fl-ispiżeriji tal-gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-pilloli li kienu 'out of stock' fil-25 ta' Jannar fl-ispiżeriji tal-Gvern huma dawn: 1. Pilloli li qegħdin jiġu diskussi mid-'DrugsandTherapeutics Committee (DTC)' biex jiġu maqtugħa minn fuq il-formularju Stilboestrol 1mg tablets 2. Pilloli li s-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern għandu problema biex jixtrihom. Hydroxychloroquine 200mg tablets Methylergometrine tablets Pancreatin high dose tablets Stilboestrol 5mg tablets 3. Pilloli li għalkemm ma jinstabux fl-imħażen tas-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern ikun fadal stokk minnhom f'xi spiżeriji tal-Gvern. Methylcellulose tablets Sucralfate 1G tablets Hyoscine butylbromide 10mg tablets Senna tablets Quinidine sulphate tablets Prothionamide tablets

Saħħa — Servizzi ta' inkontinenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqdew persuni ġodda mis-servizz ta' inkontinenza mil-5 ta' Settembru sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Persuni ġodda li qed jagħmlu użu mis-servizz ta' l-inkontinenza, f'Malta u Għawdex, mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-25 ta' Jannar, 1999 jammontaw għal 204. 26.4.99

Anzjani — Sigurta' fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Ministru jieħu azzjoni biex fit-toroq jkun hawn aktar sigurta' f'dak li għandhom x'jaqsmu l-anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Ministeru tal-Politika Soċjali permezz tad-Dipartiment għall-Anzjani qiegħed f'konsultazzjoni ma diversi dipartimenti u organizzazzjonijiet oħra biex ikun hemm aktar sigurta' fit-toroq speċjalment fejn għandhom x'jaqsmu l-anzjani. 26.4.99

San Ġiljan — Triq il-Kuċċard - Bozza

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex bozza maqtugħa li tinsab fuq fond Nru. 6, Triq il-Kuċċard, San Ġiljan u ilha maqtugħa għal xhur sħaħ isirilha l-manutenzjoni meħtieġa?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-manutenzjoni meħtieġa fuq il-bozza msemmija saret fit-2 ta' Frar 1999.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Riċevimenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 3304?

Response (BORG, JOE)

Ir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 3304 hija s-segwenti. Bħala premessa, irrid ngħid illi l-okkażjonijiet li nżammu matul il-perjodu ta' festi tal-Milied 1998 u ta' l-Ewwel tas-Sena ma nżammux separatament mill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u mis-Segretarju Parlamentari iżda ġew organiżżati flimkien. L-okkażjonijiet kienu dawn: 21 ta' Diċembru 1998 Riceviment għall-Media lokali 22 ta' Diċembru 1998 Riceviment għall-istaff kollu tal-Ministeru 6 ta' Jannar 1999 Bibita għall-Konsli onorarji f' Malta 7 ta' Jannar 1999 Bibita għall-Ambaxxaturi akkreditati għal Malta, kemm residenti hawnhekk kif ukoll barra minn Malta L-Ispiża totali biex ġew organiżżati dawn l-okkażjonijiet laħqet Lm 2,415. Fl-okkażjonijiet kollha, is-servizzi ingħataw mill-kumpannija Neriku Catering Ltd bl-għajnuna ta' uffiċċjali mill-Ministeru. Mhix il-prassi, u l-anqas mhu meħtieġ, li f'dawn l-okkażjonijiet jinġabru kwotazzjonijiet. Madanakollu, il-Ministeru tiegħi jippprova kemm jista' jkun li, f'dan it-tip ta' okkażjonijiet, l-appalt jingħata lil kumpaniji differenti sakemm dawn ikunu jgawdu reputazzjoni ta' servizz effikaċi u spedizzjuz.

Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd — Riċevimenti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3296, jista' l-Ministru jwieġeb il-parti dwar il-kwotazzjonijiet?

Response (ZAMMIT, NINU)

Kwotazzjonijiet inġabru wkoll minn għand Osborne Caterers u Santa Luċia Confectioners.
Leg 9 PQ #4454 Sitting 83 1999-04-26 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tas-Saħħa

Ministeru tas-Saħħa — Riċevimenti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3294, jista' l-Ministru jpoġġi l-irċevuti konnessi fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Peress li l-informazzjoni mitluba, inkluż in-nefqiet li saru għar-riċevimenti jew ikliet diġa ngħatat, ma narax l-iskop li wieħed joqgħod jipproduċi rċevuti ta' kull ma tħallas kif qiegħed jitlob l-Onor. Interpellant.
Leg 9 PQ #4455 Sitting 83 1999-04-26 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Ministeru ta' l-Intern — Riċevimenti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3297, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti konnessi?

Response (BORG, TONIO)

Peress li l-informazzjoni mitluba, inkluż in-nefqa dwar ir-reċiviment in kwistjoni ngħatat diġa', ma narax l-iskop li wieħed joqgħod jipproduċi rċevuti ta' kull ma tħallas kif qiegħed jitlob l-Onorevoli Interpellant. 26.04.99

Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd — Riċevimenti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3296, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti konnessi?

Response (ZAMMIT, NINU)

Peress li l-informazzjoni mitluba, inkluz in-nefqiet dwar ir-riċevimenti jew ikliet in kwistjoni ngħatat diġa, ma narax l-iskop li wieħed joqgħod jipproduċi rċevuti ta' kull ma tħallas kif qiegħed jitlob l-onorevoli interpellant.
Leg 9 PQ #5142 Sitting 83 1999-04-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Luqa - Skola primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir mill-iskola primarja ta' Ħal-Luqa? Se jsir l-iżvilupp meħtieġ peress li din l-iskola tħalliet is-snin taqa' lura u żgur li hemm bżonn titkabbar u tiġi rranġata sew? Is-sena d-dieħla se jkollha fejn takkomoda lit-tfal li se jibdew il-ħajja skolastika tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni mhux qed tara li ser ikun hemm problemi biex takkomoda lit-tfal li ser jibdew il-ħajja skolastika tagħhom is-sena d-dieħla. Barra minn hekk ser jibdew diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali dwar kif u meta ser jiġi mplimentat l-iżvilupp meħtieġ.
Leg 9 PQ #5192 Sitting 83 1999-04-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Sir Adrian Dingli

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-programm ta' xogħol fuq il-bini tal-Junior Lyceum tal-Bniet Sir Adrian Dingli? Kif sejjer ix-xogħol skond il-pjan? X'se jkun lest din is-sena u kemm hu maħsub li jintnefaq? X'se jkun ippjanat li jsir f'din l-iskola fis-snin 2000 u 2001?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-preżent qiegħed isir xogħol ta' kostruzzjoni ta' l-awditorju filwaqt li xogħlijiet strutturali u ta' "first and second fix" għar-rigward ta' servizzi elettriċi fis-"Central Core" tlestew. Sadanittant fil-preżent hemm ippubblikata offerta għal xogħlijiet ta' finitura għall-istess Awditorju u Central Core. S'issa x-xogħol huwa miexi skond il-pjan. Informat ukoll li fl-aħħar ta' din is-sena hu antiċipat li jkunu lesti l-ewwel u t-tieni sular tas-Central Core minn kollox biex jibdew jintużaw f'Jannar 2000. B'kollox hu maħsub li jkunu ntefqu madwar Lm350,000 fuq dan il-proġett tul din is-sena. Fis-snin 2000 u 2001 hu antiċipat li jitlestew xogħlijiet fuq it-triq fi ħdan din l-iskola kif ukoll il-bini ta' boundary wall madwarha filwaqt li żewġ blokki minn erbgħa jkunu kompletament riabilitati filwaqt li jkun ingħata bidu għar-riabilitazzjoni taż-żewġ blokki l-oħra kif ukoll għal dawk li huma xogħlijiet ta' landscaping.
Leg 9 PQ #5193 Sitting 83 1999-04-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti post-sekondarji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti post-sekondarji i) tfajliet u ii) ġuvintur li bħalissa qed jattendu kors f'dawn l-istituzzjonijiet: a) Istitut Tekniku MA Sapiano, b) Istitut Tekniku Għawdex, c) Fellenberg, d) Skola Segretarjali, e) Kulleġġ tal-Biedja, f) Kulleġġ Arti u Disinn, g) Prevocational, h) Hairdressing u i) Healthcare M. Theresa, Msida?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti maqsumin bejn nisa u rġiel li qegħdin isegwi kors fl-istituzzjonijiet imsemmija hu kif ġej: ISTITUZZJONIJIET NISA IRĠIEL TOTAL Istitut Tekniku M.A. Sapiano 12 617 629 Istitut Tekniku Għawdex 0 44 44 Fellenberg 4 144 148 Skola Segretarjali 120 0 129 Skola Segretarjali (Għawdex) 28 9 37 Kulleġġ tal-Biedja 6 26 32 Kulleġġ Arti u Disinn 32 39 71 Prevocational (Għawdex) 18 17 35 Hairdressing 164 12 176 Pre School Education 58 0 58 Healthcare, M. Theresa, Msida* 141 69 210 TOTAL 583 986 1569 *Prevocational (Malta) F'Ottubru li għadda kien hemm total ta' 8033 student (3791 nisa u 4242 raġel) li qegħdin isegwu kors f'istituzzjonijiet ta' l-istudji Ogħla jew Edukazzjoni Vokazzjonali.

Levies — Eżenzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu t-total ta' eżenzjonijiet mil-levies li qed jistennew l-awtorizzazzjoni tal-Ministru? Kemm akkumulaw minn dawn it-talbiet għall-eżenzjoni tul Settembru, Ottubru, Novembru u Diċembru, 1998 u Jannar u Frar 1999? F'liema oqsma qed isiru t-talbiet?

Response (BONNICI, JOSEF)

Fil-preżent hemm 13-il applikazzjoni li qed jistennew l-eżenzjoni msemmija. Mija u tmien (108) applikazzjoni oħra bħalissa qed jiġu pproċesssati mid-Dipartiment ta' l-Industrija. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fit-tieni u t-tielet parti tal-mistoqsija.