Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #6081 Sitting 84 1999-04-27 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Bieb il-Belt — Masterplan

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown tas-somma ta' Lm38 miljun li ssemmiet bħala valur ta' xogħlijiet għall-implimentazzjoni tal-masterplan għal Bieb il-Belt?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-Onorevoli Interpellant huwa mgħarraf illi l-valur tax-xogħlijiet għall-implimentazzjoni tal-'Masterplan' għal Bieb il-Belt huwa mqassam kif jidher hawn taħt: Opera House Site Lm13.5 million Freedom Square Lm10.25 million Valletta Entrance Lm 1.75 million Valletta Ditch Lm 1.5 million Bus Terminus & Traffic related works Lm 9 million Other Works Lm 1.5 million (Including deviation of services & landscaping, surface improvements, Planning fees, Infrastructural fees, EIA and TIS studies), Contingencies Lm 0.5 million ---------------- Lm38 million) ----------------

Tarzna — Supply ships

Question

Fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja preżenti tat-Tarznari f'pajjiżna, hemm xi ħsieb li jibdew jissewwew ukoll supply ships tan-navy Amerikana fit-Tarznari tagħna?

Response (BONNICI, JOSEF)

Fil-preżent ma jeżistu ebda kuntratti għal tiswija ta' bastimenti tan-navy Amerikana.

Enemalta — Ħaddiema b'identification tags

Question

Jista' l-Ministru jassigura lill-Kamra li meta mpjegati ta' l-Enemalta jżuru n-nies fid-djar privati tagħhom sabiex jiċċekkjaw meters tad-dawl, dawn ikunu liebsin l-identification tags u jiddentifikaw rwieħhom ma' dak li jkun? Jista' l-Ministru jagħti spjega għaliex meta riċentement ħaddiema ta' l-Enemalta żaru negozju fi Triq Palma, f'Raħal Ġdid dawn la kienu liebsa l-imsemmija tag u lanqas identifikaw lilhom infushom?

Response (BONNICI, JOSEF)

Meta l-impjegati tal-Korporazzjoni Enemalta jmorru jagħmlu spezzjonijiet, dawn jintroduċu ruħhom bħala impjegati tal-Korporazzjoni u meta jiġu mitluba juru l-'identification tag'. Jiena nfurmat li meta riċentament, u ċioe` fis-27 ta' Marzu, impjegati tal-Korporazzjoni żaru n-negozju imsemmi, dawn introduċew ruħhom bħala mpjegati ta' l-Enemalta, iżda ma ġewx mitluba juru dokument ta' identifikazzjoni.
Leg 9 PQ #6099 Sitting 84 1999-04-27 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Studenti tat-Tielet Eta'

Question

Jista' l-Ministru jindika n-numru ta' studenti li jattendu l-Universita' tat-Tielet Eta'? Kemm hemm minn kull distrett elettorali? X'inhuma l-etajiet tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' persuni li qed jattendu l-Universita` tat-Tielet Eta` matul is-sena akkademika 1998-1999 huwa ta' 852. L-etajiet tal-Membri jvarjaw minn 60-85 sena. Għalkemm il-Membri ġejjin mid-distretti kollha elettorali ma għandniex informazzjoni skond id-distretti elettorali.
Leg 9 PQ #6106 Sitting 84 1999-04-27 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

La Valette SICAV — Statut/Articles of Association

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Istatut jew Articles of Association tal-La Valette SICAV? Jista' jgħid min huma l-membri tal-Bord tad-Diretturi? Kemm huwa l-ħlas lil kull membru? X'salarju/drittijiet/introjtu ieħor għandu ċ-Chairman tal-La Valette SICAV?

Response (BONNICI, JOSEF)

Peress li l-kumpanija li għaliha qed jirreferi l-onorevoli Interpellant hija waħda privata kwotata fil-Borża ta' Malta, mhuwiex il-kompitu ta' dan il-Ministeru li jagħti l-informazzjoni mitluba.

CIHEAM — Stati membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-istati membri tas-CIHEAM? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istatut ta' dan iċ-ċentru? Kemm ħallset Malta f'kontribuzzjonijiet u membership fees għal dan iċ-ċentru għal kull sena minn meta daħlet membru? Kemm jimpjega nies is-CIHEAM u kemm minnhom huma full time? Min kienu s-segretarji ġenerali tas-CIHEAM mill-1990 'il hawn? Minn meta u għal liema tul ta' żmien, l-Ambaxxatur Salvino Busuttil inħatar Segretarju Ġenerali tas-CIHEAM? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-post ta' Segretarju Ġenerali huwiex full time jew le u jekk le, kemm jieħu ġranet jew ġimgħat fis-sena? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-post ta' Segretarju Ġenerali iġibx miegħu l-immunita' diplomatika, jekk il-post huwiex pensjonabbli, x'inhu s-salarju tas-Segretarju Ġenarali u huwiex taxxabbli f'Malta jew fi Franza? X'vantaġġi oħra għandu s-Segretarju Ġenerali? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-post ta' Segretarju Ġenerali tas-CIHEAM iġibx miegħu l-provvediment ta' finished accomodation jew il-ħlas tal-kera, iġibx miegħu coverage għal spejjeż mediċi, karozza bix-xufier, ħlas ta' seftura? Jista' fl-aħħarnett jgħid jekk il-post ta' Segretarju Ġenerali tas-CIHEAM huwiex kompatibbli mal-post ta' Ambaxxatur?

Response (BORG, JOE)

(i) L-istati membri taċ-CIHEAM huma Malta, l-Italja, Franza, il-Portugall, Spanja, l-Albanija, it-Tuniżija, il-Marokk, l-Alġerija, l-Eġittu, il-Greċja u l-Libanu, waqt li l-Unjoni Ewropea, l-OECD u l-Kunsill ta` L-Ewropa huma osservaturi. (ii) L-Istatut taċ-CIHEAM, li hija entita` internazzjonali inter-governattiva, qed jitqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra. (iii) Minn mindu daħlet fiċ-CIHEAM fid-29 ta` Marzu, 1989, Malta ħallset kull sena medja ta` 110,000 FFR. Iċ-CIHEAM għandu Ċentru Amministrattiv f`Pariġi b`aktar minn 25 impjegat full-time. L-erba` Istituti internazzjonali (li jiddependu miċ-Ċentru u li jinsabu fi Spanja, fl-Italja, fil-Greċja u fi Franza) jimpjegaw bejniethom aktar minn mitt ruħ. Malta dejjem irċeviet għajnuna importanti minn dan iċ-Ċentru u l-Istituti tiegħu permezz ta` scholarships, bursaries u għajnuna teknika. (iv) Mill-1990 `l hawn, iċ-CIHEAM kellu żewġ Segretarji Ġenerali, Mr. M. LASRAM, Tuneżin, illum irtirat; u l-attwali Mr. ENZO CHIOCCIOLI, Taljan. (v) Fir-rigward tal-Ambaxxatur Salvinu Busuttil, L-Onorevoli Interpellant huwa żbaljat għaliex, kif għadni kemm għidt, is-Segretarju Ġenerali huwa persuna oħra. L-Ambaxxatur ġie elett President tal-Kunsill Eżekuttiv taċ-Ċentru, kariga li tagħmel unur kbir lil pajjiżna, imma li hi għal kollox onorarja. Il-Kunsill hu kompost minn rappreżentanti diplomatiċi u tekniċi ta` l-Istati membri u jiltaqa` darbtejn fis-sena. Peress li l-kumplament tal-mistoqsija tidher marbuta mal-premessa li l-Ambaxxatur Salvinu Busuttil huwa, jew seta kien, Segretarju Generali taċ-CIHEAM, premessa li għaldaqstant hija żballjata, il-kumplament tal-mistoqsija hija irrilevanti.

Power station — Delimara

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra xi żvilupp huwa maħsub li baqa' jsir fil-power station ta' Delimara? Jista' jagħti jew jindika sena entro il quale ix-xogħol jista' jitqies bħala mitmum u komplut?

Response (BONNICI, JOSEF)

Billi d-domanda għall-eletriku tiżdied aktar ma' jgħaddi żmien; ikun meħtieġ li jsir tkabbir tal-power station ta' Delimara. Dan isir f'diversi fażijiet. Ta' min jgħid li x-xogħol fuq l-ewwel fażi tlsta fl-1992 u x-xogħol tat-tieni fażi mistenni jitlesta aktar tard din is-sena. Rigward fażijiet oħra ta' tkabbir, deċiżjoni tittieħed fil-mument opportun.
Leg 9 PQ #6128 Sitting 84 1999-04-27 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sta. Luċija — Kappella

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta huma l-ġranet ta' ftuħ tal-kappella ta' Sta. Luċija li tinstab inti u dieħel il-Gudja mit-triq Tal-Barrani?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment tal-Mużewijiet m'huwiex bl-ebda mod responsabbli tal-Kappella ta' Santa Luċija. Għaldaqstant din il-mistoqsija għandha tiġi diretta lill-Kunsill Lokali ta' Santa Luċija.
Leg 9 PQ #6129 Sitting 84 1999-04-27 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Tal-Barrani — Oqbra

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'sar mill-oqbra li nstabu taħt it-triq f'Tal-Barrani, limiti ta' Ħal Tarxien liema oqbra kienu ġew distrutti bħala ta' valur storiku? Jaħseb il-Ministru li tali fdalijiet wara li jkun sar l-istudju u l-aċċertamenti neċessarji, għandhom ikunu miftuħa għall-pubbliku?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Onor. Interpellant qed jirreferi għal żewġ oqbra Rumani li nstabu taħt it-Triq tal-Barrani. Informat li dan il-monument arkeoloġiku ġie skavat u studjat mid-Dipartiment tal-Mużewijiet fis-sajf tal-1993. L-istess Dipartiment kien ħejja proġett sabiex is-sit ikollu aċċess għal skopijiet tekniċi biss. Iżda dan il-proġett qatt ma sar minħabba li ma kienx aċċettat mid-Dipartiment tat-Toroq. Illum dan is-sit mgħotti mill-ġdid taħt it-triq tal-Barrani.

Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk l-artiklu 2(ċ) ta' l-Att 28 ta' l-1994 (Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur) fir-rigward ta' dipartimenti governattivi jew korporazzjonijiet parastatali li jaqgħu taħt il-kappa tad-definizzjoni ta' trader ġiex fis-seħħ jew le? Jekk fl-affermattiv, meta? Jekk le, huwiex maħsub li sa ċertu data prospettiva dan jiġi fis-seħħ għall-aħjar ħarsien tal-konsumatur?

Response (BONNICI, JOSEF)

Naħseb li l-Onor. Interpellant ried jirreferi għall-artiklu 2 (b) u r-risposta qed tingħata f'dan is-sens. L-artiklu 2(b) ta' l-Att 28 ta' l-1994 (Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur) ġie fis-seħħ 'in parte' fl-1 ta' Ottubru, 1997 permezz ta' Avviż Legali Nru 109 ta' 1997 fejn il-Prim Ministru stabbilixxa li l-korporazzjonijiet pubbliċi li isimhom jidher hawn taħt, jipprovdu oġġetti jew servizzi lill-konsumatur bi ħlas għandhom jitqiesu bħala kummerċjant għall-finijiet ta' dan l-Att:- Korporazzjoni għall-Iżvilupp ta' Malta Tarzna ta' Malta Korporazzjoni Telemalta Enemalta Port Ħieles Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ Korporazzjoni għas-Servizz ta' l-Ilma.

Lukanda Verdala — Kuntratt

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 5970, jista' l-Ministru jagħti d-data u l-isem tan-nutar li għamel il-kuntratt għat-trasferiment tal-Lukanda Verdala?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-kuntratt li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant ġie ppubblikat min-Nutar Peter Fleri Soler fis-26 ta' Marzu 1997.
Leg 9 PQ #6166 Sitting 84 1999-04-27 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Executive Steering Group

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Executive Steering Group li hemm riferenza għalih fi klawsola 9 fil-letter of intent li ngħatat lill-consortium MIDI huwiex kostitut? Jekk fl-affermattiv, min huma l-membri ta' dan l-iSteering Group?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-Executive Steering Group, jew kif inhu magħruf issa, l-Government Negotiating Team, huwa kostitwit u huwa magħmul mill-Ministru għall-Ambjent, l-Avukat Ġenerali, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ambjent, id-Direttur Ġenerali tat-Taqsima tax-Xogħlijiet, l-Assistent Personali tal-Ministru għall-Ambjent, is-Sur Noel Borg, il-Professur Daniel Darmanin u l-Perit Damian Vella.
Leg 9 PQ #6167 Sitting 84 1999-04-27 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

MIDI — Financial & Marketing Brief

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-MIDI issottomettietx lill-gvern Financial & Marketing Brief skond kif stipulat fi klawsola 6 fil-letter of intent għall-iżviluppi ta' Manoel Island u Tigne' Point? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jpoġġi kopja ta' dan id-dokument fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Financial and Marketing Brief ġie sottomess lill-Gvern. Dan ir-rapport kien suġġett għal xi reviżjonijiet u qiegħed jintuża mill-konsorzju MIDI għan-negozjati tagħhom mal-kredituri tagħhom. Għaldaqstant inħoss li m'huwiex prudenti li dan id-dokument jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f'dan l-istadju minħabba l-informazzjoni sensittiva mil-lat kummerċjali li l-Onorevoli Interpellant żgur jifhem li jista' jkun hemm. Nixtieq pero' inserraħ ras l-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt li qiegħed jitħejja jassigura illi l-Gvern jista' jevalwa l-kredibilita' finanzjarja ta' l-iżviluppatur, liema kuntratt ser jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra għall-approvazzjoni, fil-ħin opportun.
Leg 9 PQ #6188 Sitting 84 1999-04-27 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa/Karen Grech — Sodod

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jesgħu sodod kull sala fl-Isptar San Luqa u Karen Grech?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant li s-swali ta' l-Isptar San Luqa jesgħu sodod kif jidher hawn taħt: Sala Numru ta' Sodod ___________________________________________ ___ I.T.U. 13 C.T.S. 12 N.S.U. 12 C.C.U. 17 M8 32 F/L 19 D/L 33 W/L 16 MS1 31 MS2 31 GDW 24 WS1 31 WS2 30 S3 31 S4 27 D.S.U. 16 O1 22 O2 22 O3 22 E.N.T. 32 Ophthalmic Ward 17 Burns 6 MI 31 MII 31 MIII 33 MIV 33 MV 21 MVI 31 MVII 22
Leg 9 PQ #6189 Sitting 84 1999-04-27 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skola Glormu Cassar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol hemm ipprogrammat mill-istudenti ta' l-Iskola Glormu Cassar għan-naħat tal-Kottonera?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-grupp ta' ħaddiema ta' restawr immexxi mis-Sur Paul Cassar li hu wkoll il-Kap ta' l-iskola Ġlormu Cassar qiegħed bħalissa jirrestawra l-palazz ta' l-Inkwiżitur fil-Kottonera.
Leg 9 PQ #6190 Sitting 84 1999-04-27 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Tarzna — Twaqqigħ ta' ħajt

Question

Jista' l-Ministru jagħti ħjiel meta se jkompli x-xogħol sabiex il-ħajt tat-Tarzna jkompli jitwaqqa'?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qegħdin isiru diskussjonijiet mat-Tarzna biex dan ikun jista' jseħħ. Biss dan ma jfissirx li din hi xi ħaġa ta' sempliċi twaqqiegħ tal-ħajt u kollox jieqaf hemm iżda trid tifforma parti mill-iżvilupp tax-Xatt tal-Cottonera u li fih irid ikun inkluż l-iżvilupp ta' Baċir numru 1.
Leg 9 PQ #6191 Sitting 84 1999-04-27 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tas-Saħħa

Bormla — Poliklinika

Question

Issa li l-poliklinika ta' Bormla dalwaqt se tiftaħ, jista' l-Ministru jara li, l-faċċata ta' barra, mill-ewwel sular 'il fuq isirilha x-xogħol sabiex tkun tista' tidher aħjar?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant ser jiġi ikkunsidrat.

Fgura — Triq Ġdida fi Triq tal-Karmnu

Question

Jista' l-Ministru jara li Triq Ġdida fi Triq tal-Karmnu, Fgura tingħata kisja tarmac għax qed tkun ta' inkonvenjent kbir għar-residenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li minn spezzjoni li għamel id-Dipartiment jidher li għad hemm ħafna żvilupp xi jsir u anke xogħol ta` twessiegħ li minħabba f`hekk it-triq ma tistax tiġi asfaltata għalissa.

Kontribuzzjnijiet soċjali — Ħlas ta' bolol

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna tirreġistra għax-xogħol, hijiex obbligata li tħallas bolol tas-sigurta' soċjali fil-perjodu li tkun bla xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Persuna li tirreġistra għax-xogħol normalment għandha dritt għal kontribuzzjoni akkreditata u għalhekk ma hemmx obbligu għal ħlas ta' bolla. Biex tikkwalifika għal din il-kontribuzzjoni akkreditata persuna trid tissodisfa dawn iż-żewġ kondizzjonijiet:- a) ikollha ħamsin kontribuzzjoni mħallsa minn mindu bdiet taħdem l-ewwel darba; u b) (i) ikollha għoxrin kontribuzzjoni mħallsa jew akkreditati fis-sentejn li jiġu immedjatament qabel id-data meta jibda jirreġistra; jew (ii) ikollha għoxrin kontribuzzjoni imħallsa fl-aħħar 26 ġimgħa ta' qabel bdiet tirreġistra. 27.4.99
Leg 9 PQ #6224 Sitting 84 1999-04-27 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Qormi - St. Edward's Street

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-front garden tal-bini f'St. Edward's Street, Qormi jistax jingħata permess li jinbena in parti jew totalment?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li strutturi fil-front gardens huma kkontrollati minn policy partikolarment dik li hija magħrufa bħala DC 1/88. Normalment ma jingħatax permess biex jinbnew strutturi fil-front gardens. 27.04.99