Jista' l-Ministru jara li l-ilmenti u anke petizzjonijiet dwar sistema ta' traffiku li saru mir-residenti ta' Triq Liedna, Fgura wara l-"Gallarija" jiġu milqugħa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fuq talba tal-Kunsill Lokali tal-Fgura, il-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku għadu kif approva sistema ġdida ta` `Traffic Flow` fil-Fgura f`dik il-parti ta` Triq Liedna li tiġi wara l-`Gallarija`.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3295, tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti konnessi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Peress li l-informazzjoni mitluba, inkluż in-nefqiet dwar ir-riċevimenti in kwistjoni ngħatat diġa', ma narax l-iskop li wieħed joqgħod jipproduċi rċevuti ta' kull ma tħallas kif qiegħed jitlob l-Onorevoli Interpellant.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3303, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti relevanti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Peress li l-informazzjoni mitluba, inkluż in-nefqiet dwar ir-riċevimenti jew ikliet in kwistjoni ngħatat diġa', ma marax l-iskop li wieħed joqgħod jipproduċi rċevuti ta' kull ma tħallas kif qiegħed jitlob l-Onor. Interpellant.
27.4.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3302, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti relevanti?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba, inkluż in-nefqiet dwar ir-riċevimenti jew ikliet in kwistjoni ngħatat diġa', ma narax l-iskop li wieħed joqgħod jipproduċi rċevuti ta' kull ma tħallas kif qiegħed jitlob l-Onor. Interpellant.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3300, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti relevanti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba, inkluż in-nefqiet dwar ir-riċevimenti jew ikliet in kwestjoni ngħatat diġa', ma narax l-iskop li wieħed joqgħod jipproduċi riċevuti ta' kull ma tħallas kif qiegħed jitlob l-Onorevoli Interpellant.
Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Riċevimenti
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3299, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, l-irċevuti relevanti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Peress li l-informazzjoni mitluba, inkluż in-nefqiet dwar ir-reċivimenti jew ikliet in kwistjoni ngħatat diġa, ma narax l-iskop li wieħed joqgħod jipproduċi rċevuti ta` kull ma tħallas kif qiegħed jitlob l-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li s-sajjieda Maltin b'inġenji ta' mhux aktar minn 15-il pied jingħataw permess biex fix-xhur: nofs Frar, Marzu, April, Mejju u nofs Ġunju ikunu jistgħu jinkalaw il-parit kif ukoll l-Għażel tal-Kaħli, 'il ġewwa mill-plieri ndikati f'diversi nħawi ta'Malta?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ir-regolamenti tas-Sajd (L.N. 205) jispeċifikaw li l-ebda parti jew għeżula ma jistgħu jkunu wżati l-ġewwa mill-plieri bejn il-15 ta' Frar u l-15 ta' Lulju.
Għalkemm hija fid-diskrezzjoni tad-Direttur li joħroġ permessi speċjali, s'issa qatt ma kien mogħti permess lil xi sajjied biex ikala xbiek fix-xhur indikati.
Jista' l-Ministru jgħid ma' liema pajjiżi qed ikollu taħdidiet dwar li ċittadini ta' dawn il-pajjiżi jiskontaw f'pajjiżna sentenza ta' ħabs li weħlu f'Malta? Ma' liema pajjiżi diġa' jeżisti xi forma ta' ftehim? Qegħdin isiru xi taħdidiet ma xi pajjiżi għall-ewwel darba fuq dan is-suġġett?
Response (BORG, TONIO)
Malta irratifikat il-konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa imsejjħa 'European Convention on the Transfer of Sentenced Persons' fis-26 ta' Marzu 1991. Il-pajjiżi l-oħra li irratifikaw din il-konvenzjoni huma: l-Austria, il-Bahamas, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, il-Costa Rica, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Islanda, l-Italja, il-Kanada, ir-Repubblika Kroata, il-Lussemburgu, in-Norveġja, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugal, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Slovaka, ir-Repubblika Slovena, Spanja, l-Isvezja, l-Isvizzera, Trinidad u Tobago, it-Turkija, ir-Renju Unit, l-Ungerija u l-Istati Uniti ta' l-Amerika.
Għalhekk ma' dawn il-pajjiżi kollha Malta għandha trattat ta' ftehim dwar tibdil ta' priġunieri. Sar ftehim ukoll mal-Libja. Malta qiegħda fil-proċess ta' taħdidiet dwar is-suġġett ma' l-Eġittu u l-Marokk.
27.04.99
Minn Settembru, 1998 sa Frar, 1999 separatament: 1) jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu nies jaħdmu meta kienu wkoll qed jirreġistraw għax-xogħol? Fl-istess żmien, kemm inqabdu barranin jaħdmu Malta meta dawn ma kellhomx permess ta' xogħol? 2) X'kien ix-xogħol li kienu qed jagħmlu? Fil-każ ta' (1) x'passi ttieħdu? Fil-każ ta' (2) x'passi ttieħdu kontra l-barranin u kontra dawk li mpjegawhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
27.4.99
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' persuni li huma reġistrati li jaħdmu biss bħala part-time? Kemm minnhom huma nisa? Kemm hemm persuni li minbarra x-xogħol prinċipali tagħhom jagħmlu wkoll xogħol part-time?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-Numru ta' persuni li kienu reġistrati li jaħdmu biss bħala part-time fl-aħħar ta' Jannar 1999 kien ta' 13,756. Minn dawn 8,404 kienu nisa. Kien hemm ukoll 16,323 persuna li minbarra x-xogħol prinċipali tagħhom kienu jagħmlu wkoll part-time.
27.4.99
Matul Jannar u Frar separatament, jista' l-Ministru jgħid: 1) kemm inqabdu każi ta' nuqqas ta ħruġ ta' riċevuta fiskali, 2) nuqqas ta' ħruġ ta' riċevuta fiskali minkejja li nżammet il-VAT, 3) nuqqas li jinżamm il-VAT? Liema kienu l-lokalitajiet fejn saru xi nuqqasijiet? X'passi ttieħdu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta` każi li nqabdu ta` nuqqas ta` ħruġ ta` rċevuti fiskali kien: Jannar 12 u Frar 61.
Minn dawn, 21 kienu jinvolvu stabbilimenti li normalment ibiegħu prodotti jew servizzi taxxabbli, 9 li normalment jbiegħu prodotti jew servizzi eżenti u 43 li normalment ibiegħu prodotti jew servizzi kemm taxxabbli u kemm eżenti.
Il-lokalitajiet involuti kienu: Ħ`Attard, B`Bugia, B`Kara, Bormla, Buġibba, Furjana, G`Mangia, Gudja, Gżira, Ħamrun, M`Scala, M`Xlokk, Mosta, Mqabba, Naxxar, Paola, Qormi, Rabat, San Gwann, Sliema, San Pawl il-Baħar, Sta. Venera, Ta` Qali, Tarxien, Valletta, Żabbar, Żebbuġ u Żurrieq.
Il-każijiet kollha ġew referuti biex jittieħdu passi bil-Qorti kontra l-persuni nvoluti.
Jista' l-Ministru jgħid xi programm jeżisti fil-Ħabs biex jiġu riformati priġunieri, speċjalment dawk li jkunu qed jiskontaw sentenza għall-ewwel darba?
Response (BORG, TONIO)
Bl-introduzzjoni tar-Regolamenti ta' l-1995 dwar il-Ħabs, f'Ottubru 1995, il-priġunieri fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin ingħataw il-possibilita' jsegwu programmi li jgħinuhom jirriformaw.
Ġie ntrodott il-Prison Leave biex dawk il-priġunieri li jkunu eliġibbli, jkunu jistgħu jattendu funzjonijiet reliġjużi tal-familjari tagħhom bħal ma huma magħmudijiet, preċetti, griżmi etċ; iżuru qrabat li jkunu rikoverati l-isptar jew li minħabba mard ma jkunux jistgħu joħorġu minn djarhom; jagħmlu xogħol komunitarju; jattendu programmi ta' rijabilitazzjoni mid-droga; u biex fl-aħħar tlett xhur tas-sentenza tagħhom ikunu jistgħu jaħdmu f'xi mpjieg jew jirċievu tagħlim jew taħriġ jew biex xort' oħra jiġu mgħejjuna fit-transizzjoni mill-ħajja tal-ħabs għal dik ta' barra.
F'Ottubru 1995, għall-ewwel darba fl-istorja ta' Malta, infetħet diviżjoni ġdida fil-Faċilita' biex dawk il-priġunieri li jkollhom il-vizzju tad-droga jkunu jistgħu jsegwu programm imfassal apposta biex jirriformaw ruħhom minn dan il-vizzju. Aktar tard, din id-diviżjoni ġiet trasferita l-Imtaħleb u fil-preżent hemm sittax-il priġunier li qed jattendu dan il-programm. Kien ukoll sar ftehim ma' l-Agenziji Sedqa u Caritas biex priġunieri jkunu jistgħu jattendu programm ta' din ix-xorta organizzat minn dawn l-aġenziji.
F'Awissu 1996, infetħet diviżjoni għaż-żgħażagħ biex dawk il-priġunieri ta' eta' tenera jiġu sseparati mill-kumplament tal-priġunieri l-oħra u jkunu jistgħu jagħmlu programm imfassal apposta għalihom. Fil-preżent hemm ħdax-il priġunier f'din id-diviżjoni, pero' n-numru ser jiżdied fil-futur immedjat hekk kif tinfetaħ il-wing il-ġdida.
Ġew impjegati diversi għalliema part-time taħt is-superviżjoni ta' żewġ ko-ordinaturi mpegati full time, biex il-priġunieri jingħataw il-faċilita' li jitgħallmu diversi suġġetti fosthom l-Ingliż, Taljan, Malti, Matematika, Kompjuter u suġġetti oħra. Il-priġunieri għandhom ukoll il-faċilita' ta' gym u qed jiġu organizzati attivitajiet sportivi, bħal logħob ta' futbol anke ma' timijiet minn barra l-Faċilita'. Hemm ukoll il-faċilita' ta' librerija.
F'Ottubru 1996 ġiet introdotta s-sistema tal-'Work and Pay' li biha, dawk il-priġunieri li jagħmlu xi xogħol fil-Faċilita', jingħataw ħlas addizzjonali ta' żewġ liri fil-ġimgħa.
Il-klassifikazzjoni aħjar tal-priġunieri bil-bini tal-kompless ġdid għandu jkompli jsaħħaħ din ir-riforma.
27.04.99
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-preżenza tal-Fondazzjoni Eden fl-Istatementing Board qed titqies bħala unethical u li tikkostitwixxi konflitt ta' interess? Jekk l-istess kriterji se jintużaw biex ikejlu preżenza ta' nies oħra f'dan il-board, jista' l-Ministru jgħid min se jispiċċa ġewwa u min se jispiċċa barra minnu? Huwa daqshekk impossibbli li nies ta' għaqdiet differenti jaħdmu flimkien għall-ġid tal-persuni b'diżabilita'? Għaliex ċerti individwi f'dan il-bord jsibuha daqshekk diffiċli li jrażżnu l-passjoni u l-preġudizzji partiġġani tagħhom u jridu jwarbu dak li sar mill-gvern preċedenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Nassigura lill-ħabib tiegħi li f'dawn is-sitwazzjonijiet m'hemmx ta' ġewwa jew ta' barra. Jien fiduċjuż li kull min jieħu sehem f'dan il-Bord, inkluż l-Eden Foundation, qed jagħmlu dan għax jemmnu bis-sħiħ fil-politika dwar edukazzjoni inklussiva. L-Onor. Kollega jaf li fuq dan is-suġġett jista' jkun hemm veduti differenti dwar kif u b'liema ritmu għandha tiġi mplimentata din il-politika. Il-membri tal-Bord jirrappreżentaw dixxiplini u orjentamenti differenti li jridu jiġu mlaqqa' flimkien permezz tad-djalogu u mhux b'xi imposizzjoni frott ta' nuqqas ta' paċenzja jew ftehim. Hija inġustizzja, (għandi għax naħseb frott ta' misinformazzjoni) li xi membru ta' l-iStatementing Board jiġi akkużat li għandu xi passjoni jew preġudizzju partiġġjan li jrid iwarrab xi ħaġa li sar mill-Gvern preċedenti. Il-policy tiegħi hi li nsaħħaħ it-tajjeb li nsib. Hekk ukoll isir f'dan il-qasam.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-każ ta' housing soċjali tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament? Jaf il-Ministru bir-rapporti li saru mill-pulizija u mill-perit tal-Works Department dwar il-periklu imminenti li hemm?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-persuna ndikata m'għandha l-ebda applikazzjoni mad-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
27.4.99
Jaf il-Ministru b'każ ta' familja li applikat għall-għajnuna tal-mard, minħabba li r-raġel (il-breadwinner) marad serjament tant li miet, u din l-għajnuna tant meħtieġa waslet għand l-armla seba' xhur wara li ġie midfun żewġha? Jaf il-Ministru li l-armla kompliet fetħet il-ferita meta ċ-ċekk mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali wasal għandha ndirizzat fuq żewġha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Onor. Interpellant hija ġentilment mitluba tgħaddi b'mod konfidenzjali d-dettalji tal-każ imsemmi sabiex jiġu vverifikati ċ-ċirkostanzi kollha li wasslu għad-dewmien allegat.
27.4.99
Jista' l-Ministru jgħid x'hemm maħsub min-naħa tal-gvern rigward akkomodazzjoni soċjali f'Għawdex għal familji b'ġenitur wieħed?
Response (GONZI, LAWRENCE)
F'kull ħarġa għall-allokazzjoni ta' postijiet ġodda, l-Awtorita' tad-Djar tirriserva ammont minnhom għall-familji b'ġenitur wieħed. Barra minn hekk tirriserva wkoll postijiet oħra għall-familji b'ġenitur wieħed li hu jew xi membru mill-familja tiegħu jkun ibati minn xi diżabilita'.
27.4.99
Jista' l-Ministru jgħid x'se jagħmel il-gvern biex l-aċċess għal-librerija pubblika fi Triq Vajringa, fir-Rabat Għawdex ikun addattat għal persuni bi bżonnijiet speċjali u anzjani?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Ministeru għal Għawdex, li taħtu taqa' r-responsabbilta' ta' l-aċċess għall-librerija pubblika fi Triq Vajringa r-Rabat Għawdex, għandu ppjanat li jsir lift biex jakkomoda persuni bi bżonnijiet speċjali u anzjani. Informat ukoll li minħabba raġunijiet tekniċi u finanzjarji, il-proġett għadu ma jistax jiġi attwat.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' taħriġ qed jingħataw l-għalliema bil-għan li jlaħħqu ma' l-esiġenzi ta' sistema edukattiva inklussiva?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hu maħsub li matul is-Sajf li ġej ser isir kors ta' aġġornament għall-għalliema fl-iskejjel primarji li ser jinkludi sessjonijiet speċifiċi fuq edukazzjoni inklussiva. Għal din is-sena, dan it-taħriġ ser jingħata għall-għalliema fir-reġjun Nru 1 (i.e. Għawdex) u dawk fir-reġjun Nru 2 (i.e. dawk tan-naħa t'isfel ta' Malta). Is-sena d-dieħla, dan it-taħriġ jingħata lill-għalliema fiż-żewġ reġjuni l-oħra.