Jista' l-Ministru jikkonferma li fit-18 ta' Marzu, 1999 kien se jsir eżami għall-linesmen mal-Korporazzjoni Enemalta, liema eżami ġie pospost u ma sarx? X'kienet ir-raġuni li tħassar dan l-eżami? Jaħseb il-Ministru li l-għaqal jiddetta li ħames persuni li ilhom kważi tlett snin jiġu mgħallmin mill-Korporazzjoni Enemalta b'investiment kbir ta' flus jinħarġu għal linesmen u għandhom jiġu utilizzati mill-istess korporazzjoni mill-aktar fis stante li hemm bżonn ta' aktar linesmen?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Korporazzjoni Enemalta hija waħda mill-organizazzjonijiet li tisponsorja numru ta' studenti ta' l-ESTS u TAS. Pero' skond ir-regoli ta' dan l-apprentistat, il-Korporazzjoni mhix obbligata li timpjega dawn l-istudenti wara li jtemmu l-kors.
Fil-preżent il-Korporazzjoni qegħda tagħmel eżerċizzju biex tevalwa l-gradi u l-bżonnijiet tagħha u għalhekk mhux prudenti li timpjega nies qabel ma jsir it-tmiem ta' dan l-eżerċizzju.
Jista' l-Ministru jgħid jew jikkonferma li saru diversi rapporti anonimi lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar strutturi llegali fi Triq il-Lellux, Sta. Luċija? Jista' l-Ministru jgħid kemm-il enforcement order ħareġ in vista ta' dawn ir-rapporti anonimi? Jekk ma ħareġ l-ebda enforcement order f'xi wieħed minn dawn il-każijiet, jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni u x'passi se jittieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li t-tweġiba hija fl-affermattiv.
Rigward il-kumplament tal-Mistoqsija ninsab infurmat li minn stħarriġ li għamlet l-Awtorita' ta' l-Ippjanar inħarġu Enforcement Notice f'żewġ każi minn dawk indikati. F'każ minnhom is-sid neħħa l-illegalita' u fil-każ l-ieħor l-Enforcement Notice huwa pendenti. Fil-każi l-oħra rriżulta li l-allegat bini llegali kien sar minn ħaddiema tal-Gvern madwar 22 sena ilu meta l-Gvern ma kienx jirrikjedi xi forma ta' permessi mill-PAPB ta' dak iż-żmien u għalhekk ma jistgħux jittieħdu passi mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid liema impjegati fuq bażi full time u part-time fid-dipartiment tal-bini u inġinerija fi ħdan id-diviżjoni tax-xogħlijiet qegħdin jingħataw overtime fuq il-proġett tad-djar tax-xjuħ f'Bormla? Kemm minn dan l-overtime inħadem mill-perit inkarigat minn dan il-proġett? (L-isem tiegħu qed jintbagħat separatament).
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-persuni fid-Dipartiment tal-Bini u Inġinerija li għamlu l-overtime fuq xogħol in konnessjoni mad-Dar ta' l-Anzjani f'Bormla huma:
Karl Borg - Technician
Ernest Cassar - Technician
Stephen Borg - Technical Officer
Joe Scerri - Clerk
Marlene Caruana - Casual Typist
Il-perit inkarigat mill-proġett mill-1 ta' Jannar 1997 sal-31 ta' Marzu 1999 irċieva Lm267. Il-kumpens għal sigħat żejda jingħata biss skond l-esiġenza u biex jitħaffef ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-draft report preparat mid-ditta Aspinwall & Co. Ltd għall-Awtorita' ta' l-Ippjanar (Waste Management Subject Plan) imsemmi fir-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 5864?
Response (BORG, TONIO)
L-Awtorita` ta' l-Ippjanar qiegħda fl-istadju li tipprepara Waste Management Subject Plan, liema pjan qed jiġi mħejji minn Aspinwall & Co. (ditta Ingliża b'esperjenza internazzjonali) u iffinanzjat minn diversi dipartimenti u aġenziji tal-Gvern. Dan il-Pjan beda f'Awissu ta' l-1998, iżda minħabba li ma kinitx teżisti Waste Management Strategy u l-informazzjoni dwar l-ammont ta' skart li jiġi prodott fil-Gżejjer Maltin minn sorsi differenti hija skarsa, l-Awtorita` talbet lil Aspinwall & Co. sabiex tħejji rapport preliminari dwar is-sitwazzjoni ta' Waste Management fil-Gżejjer billi tiffoka l-aktar fuq dawk 'l hekk imsejħa 'priority waste streams'. Dawn ġew identifikati flimkien mad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent u jinkludu skart mill-Ajruport, mill-biċċeriji, mill-portijiet, mill-isptarijiet, kif ukoll mill-industrija tal-kostruzzjoni.
Issa li tlesta l-'preliminary report' tfassal ukoll l-ewwel draft tal-'Waste Management Subject Plan' li bħalissa qiegħed jiġi rivedut mill-Aworita` ta' l-Ippjanar qabel ma ssir konsultazzjoni pubblika dwar il-pjan.
L-Onor. Membru jifhem li għaldaqstant għal issa mhux f'pożizzjoni li nqiegħed dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra.
28.04.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi twila l-waiting list għall-operazzjoni ta' knee replacement fl-Isptar San Luqa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li n-numru t'operazzjonijiet ta' Knee Replacement li qegħdin fuq il-'waiting list' bħalissa hu ta'687. Dawn huma mqassma skond kif ġej:-
Mr. C. Apap Bologna 48
Mr. A. Bermard 358
Mr. C. Grixti 56
Mr. C. Sciberras 95
Mr. F. Zammit Maempel 130
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar in-nefqa li qiegħed jagħmel il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar għal xogħol ta' bankina ġewwa l-pjazza li tinsab f'nofs Triq Sant'Aristarkus?
Response (GATT, AUSTIN)
Bħalma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli huma korpi statutorji ta` gvern lokali u fil-qadi tal-funzjonijiet jaġixxu skond il-prijoritajiet, esiġenzi u l-meżżi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onor. Membru li jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Kunsill konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ħarġitx il-permess għal bdil ta' alignment tal-bankina li qiegħda ssir fil-Pjazza fi Triq Sant'Aristarkus, f'San Pawl il-Baħar? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jpoġġi kopji tal-permess fuq il-Mejda tal-Kamra? Jaf il-Ministru li permezz ta' dan ix-xogħol qegħdin jitnaqqsu għaxar parking spaces?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-unika applikazzjoni li taffettwa l-alignment ta' Triq San Aristarkus, f'san Pawl il-Baħar hi applikazzjoni PA 1112/97 li saret fl-1997 mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.
Din l-applikazzjoni kienet għall-Kostruzzjoni ta' roundabout, għat-twessigħ tal-bankini u għal kostruzzjoni ta' traffic islands biex jiġi kontrollat it-traffiku. Fil-pjanti ma kienx indikat li se jintilfu xi parking spaces peress li s-sit huwa junction bejn ħames toroq.
Ninsab infurmat ukoll li l-permess inħareġ fit-3 ta' April 1997.
28.04.99
San Pawl il-Baħar — Triq Sant'Aristarkus - Bankina
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment tat-toroq approvax l-alignment mibdul għal bankina li qiegħda ssir fil-Pjazza fi Triq Sant'Aristarkus, San Pawl il-Baħar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq ma kienx mitlub japprova bdil ta` rijalinjament tal-bankina msemmija mill-Onor. Interpellant. Mhux normali li meta jsir xi rijalinjament ta` bankini tintalab approvazzjoni tad-Dipartiment tat-Toroq, ġaladarba ix-xogħol ikun qed isir mill-Kunsill Lokali f`żoni residenzjali li l-aktar li jkun jaf il-bżonnijiet partikolari tagħhom huwa l-istess Kunsill.
Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni li f'Sant'Anġlu l-Birgu fejn hemm il-bini magħruf bħala Taċ-Ċiniżi, qed ikun hemm żbroff tad-drenaġġ fil-baħar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li jirrizulta li hemm imblokk fis-sistema privata tad-drenagg tal-bini magħruf bħala taċ-Ċiniżi u d-dipartiment tas-Saħħa bagħat avviz bil-miktub sabiex jitneħħa dan l-imblokk. L-Onor. Interpellant jista' jitlob aktar informazzjoni mingħand il-Ministru tal-Ambjent.
Għaqda ta' Persuni b'Diżabilita' — Ċentru f'Bormla
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-possibbilta' li l-fergħa ta' l-Għaqda ta' Persuni b'Diżabilita' ta' Bormla jkollhom dar sbaiex isservi ta' ċentru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Is-suġġett diġa ġie diskuss ma l-għaqda msemmija. Mhux faċli daqs kemm wieħed jixtieq li tinstab soluzzjoni bħal din u dan għal raġunijiet li huma ovvji għal dawk kollha li qed ifittxu akkomodazzjoni alternattiva. Madanakollu l-Ministeru jibqa miftuħ għal soluzzjonijiet raġjonevoli.
28.4.99
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-possibbilta' li fil-Fgura ikun hemm venda tal-karozzi tal-linja? X'qed isir sabiex in-nies tal-Fgura jkunu moqdija aħjar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li mhux possibbli li għalissa ssir venda tal-karozzi tal-linja fil-Fgura. Madanakollu se jibqgħu jsiru sforzi biex ikunu solvuti problemi li jistgħu jinqalgħu minn żmien għal żmien fir-rigward tas-servizz tal-karozzi tal-linja fil-Fgura.
Riferibbilment għall-perjodu 1 ta' Novembru, 1998 sat-30 ta' Novembru, 1998 u għad-dikasteru li għalih hu responsabbli, jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti li saru ta' għamara ta' uffiċini li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika: 1) min kienu l-persuni li għamlu l-award; 2) lil min intalbu quotations; 3) kemm kienet kull quota; 4) min rebaħ il-kuntratt; 5) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv: 6) fiex kienu jikkonsistu; u 7) kemm kien il-valur totali tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul il-perijodu l-1 ta' Novembru, 1998, sat-30 ta' Novembru, 1998, ma sar l-ebda kuntratt b' 'Direct order' mid-dekasteru ta' l-Intern għall-xiri ta' għamara ta' uffiċini, iżda ntalbu quotations u nxtraw l-oġġetti kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn anzjani fil-waiting list jistennew li jidħlu fi djar tal-Gvern ta' l-anzjani?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ammont ta' Anzjani li qegħdin fil-'waiting list' jistennew li jidħlu fid-djar tal-Gvern huwa 596 u hemm ukoll 52 fil-'waiting list' għad-dar ta' l-Anzjani ta' Bormla li għadha mhix miftuħa.
27.4.99
Jista' l-Ministru jara li fil-Junior Lyceum St Joseph, f'Raħal Ġdid il-privates iwaqqfu lill-istudenti ġewwa l-ground ta' l-iskola jew jekk dan ma jistax isir jitpoġġew pulizija biex iżommu l-ordni u jiġu evitati inċidenti bla bżonn?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mhux possibli li l-privates jidħlu fil-grounds ta' l-iskola. Bħalissa qed ikun hemm pulizija wieħed biex jieħu ħsieb it-traffiku.
Sadanitant il-kunsilli Skolastiċi ta' l-iskejjel Junior Lyceum St. Joseph u San Ġużepp Boys' School diġa' għamlu l-proposti tagħhom dwar il-problema lill-awtoritajiet kompetenti.
Sadanitant it-Traffic Control Board ta l-awtorita' tiegħu biex jitwaħħlu tabelli li jindikaw l-għeluq tat-triq f'ħinijiet speċifiċi.
Jista' l-Ministru jara li ssir bozza ġdida fuq bieb numru 31, "St Mary", Triq il-Wied, Raħal Ġdid, minħabba l-biża' ta' dlam li hemm minħabba n-nuqqas ta' dawl?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba biex jiżdied id-dawl fit-triq imsemmija qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.