Jista' l-Ministru jgħid jekk humiex qegħdin isiru in-service courses f'gender equality għall-għalliema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul is-sena 1998 ħarġu applikazzjonijiet għall-għalliema biex jieħdu sehem f'żewġ in-service courses f'Lulju u f'Settembru 1998.
Kien hemm biss applikazzjoni waħda u, allura, l-kors ma kienx vijabbli li jsir.
Jista' l-Ministru jgħid x'użu se jsir mill-fondi li fadal għar-Raba' Protokoll Finanzjarju ma' l-Unjoni Ewropea?
Kif qed jipproponi li jużahom il-gvern preżenti?
Fuq liema proġetti u f'kull każ x'inhuma l-fondi li qed jipproponi li jonfoq fuq kull proġett?
Response (DALLI, JOHN)
L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mid-deċiżjoni tal-Gvern Laburista li juża parti mill-fondi tar-Raba' Protokoll Finanzjarju ma' l-Unjoni Ewropea għall-proġett ta' komputerizzazzjoni ta' l-iskejjel tal-gvern?
Il-gvern preżenti se jimxi fuq dan il-pass?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-gvern preżenti għadu miexi fuq il-proċess biex jintuża parti mill-fondi tar-Raba' Protokoll Finanzjarju ma' l-Unjoni Ewropea għall-proġett ta' komputerizzazzjoni ta' l-iskejjel tal-gvern.
Bħalissa l-gvern qabbad konsulenti barranin biex iħejju r-rapport għall-proposti finanzjarji għal dan il-proġett, li jrid jiġi mressaq quddiem il-Kummissjoni Ewropea mhux aktar tard minn Ġunju tas-sena 1999.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna ħaddiema nisa u rġiel jaħdmu fl-Industrija fulltime u part-time?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi għat-Tweġiba "interim" li tajt fis-Seduta Nru. 76, u nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tispeċifika għal liema industrija qed tirreferi f'din il-Mistoqsija Parlamentari, biex inkun nista nagħti l-informazzjoni mitluba b'mod korrett.
28.4.99
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 5461 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru tat-Turiżmu u issa ġiet riferuta lilek u ċioe' jista' jgħid x'sar mill-ftehim proġettat ma' l-Accord li jieħdu f'idejhom l-MCC li kien nieda Gvern Laburista biex din tieqaf finanzjarjament fuq saqajha?
Kemm hemm ħaddiema bħallissa mal-MCC? X'inhuma l-pjanijiet dwar dawn il-ħaddiema? Kemm kien it-telf/profitt tal-MCC sena b'sena mill-1994 sal-1998 (it-tnejn inklużi)?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kuntatti ma' l-Accor, tramite s-soċjeta' Accor Air Malta għadhom għaddejin u aktar informazzjoni tingħata lil din il-Kamra meta jkun il-waqt.
L-M.C.C. illum timpjega 35 ħaddiema filwaqt li hemm 6 ħaddiema sekondati mill-Gvern u wieħed mill-Airmalta.
Hija l-intenzjoni tal-Bord tat-tmexxija li dawn il-ħaddiema jiġu mħarrġa skond il-kapaċitajiet individwali tagħhom sabiex flimkien, bħala team, ikunu preparati għall-isfidi li għandha quddiemha l-M.C.C.
It-telf għas-snin 1994 - 1998 huwa s-segwenti.
1994 - Lm172,132 (esklużi s-sussidji tal-Gvern)
1995 - Lm159,322 (esklużi s-sussidji tal-Gvern)
1996 - Lm255,425 (esklużi s-sussidji tal-Gvern)
1997 - Lm172,305 (esklużi s-sussidji tal-Gvern)
1998 - Lm116,932 (esklużi s-sussidji tal-Gvern)
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamenari numru 5462 u partikolarment il-parti fejn il-Ministru qal: "L-amministrazzjoni preżenti hija mpenjata li twettaq l-wegħdi elettorali kollha li huma nklużi fil-programm elettorali, inkluż li jkun hemm responsabbilta' fil-finanzi pubbliċi", jista' l-Ministru jgħid jekk dan ifissirx illi l-ħaddiema kollha tal-Kalaxlokk se jkunu assigurati mill-impjieg tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kif jaf tajjeb l-Onorevoli Interpellant, il-gvern preżenti huwa mpenjat bi sħiħ biex tinstab soluzzjoni ġusta għall-problema tal-ħaddiema tal-Kalaxlokk. Fil-fatt riċentement ġew deċiżi l-parametri li ser iservu bħala qafas fid-diskussjonijiet li se jkomplu bejn il-Gvern u l-Union li tirrapreżenta lill-ħaddiema ta' l-azjenda.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm laħqet l-ispiża għat-tħaffir tal-bir "Madonna taż-Żejt" f'Kerċem, Għawdex u x-xogħol kollu anċillari, bħal konsulenza eċċ mat-tfittex taż-żejt f'din il-lokalita'?
Din l-ispiża kienet kollha koperta mill-fondi tar-Raba' Protokoll?
Jekk fin-negattiv, kemm ħareġ il-Gvern Malti għal dan it-tiftix?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-Onorevoli Interpellant ġentilment mitlub jirreferi għat-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 5959 u 6077 fejn isib l-informazzjoni mitluba.
Jaf il-Ministru li l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament qatt ma kellha fejn tirrisjedi u llum għadha tgħix ma' missierha flimkien mar-raġel u t-tifel tagħha? Jaf il-Ministru li għalkemm ilha tapplika ħames snin u indikat diversi indirizzi xorta baqgħat ma ngħatatx akkomodazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-każ indikat qed jiġi kkuunsidrat fid-dawl tan-numru ta' applikazzjonijiet simili li għandu d-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali. L-allokazzjoni ta' postijiet m'hix bażata fuq kemm wieħed jindika postijiet iżda fuq il-bżonnijiet reali tal-applikanti.
28.4.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-policy tal-motorsport u offroad sport li għandu l-gvern għal din il-leġislatura? Kemm hi n-nefqa vvotata? Jikkonsidra l-Ministru li jsir seminar nazzjonali sabiex il-marshalling ta' dawn l-avvenimenti jiġi ndirizzat b'aktar serjeta' u tingħata l-għajnuna tant meħtieġa lill-għaqdiet konċernati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-Segretarju Parlamentari beda x-xogħol għal abbozz ta' Motor Policy għal Gvern. Peress illi hemm ħafna partijiet interessati, dan il-proċess irid jieħu ż-żmien tiegħu, u huwa l-ħsieb tagħna li meta jkun il-waqt isir anke Seminar mhux biss fuq il-marshalling imma anke fuq it-tfassil tal-Motor Policy kollha, li tinkludi l-isport kollu mekkanizzat fil-pajjiż.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 5257?
Response (BORG, JOE)
Dan l-istudju isir bejn id-Direttorat ta' l-Unjoni Ewropeja fil-Ministeru tiegħi u l-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd. Kif tintemm din il-fażi, jibdew konsultazzjonijiet mas-settur privat biex jiġu mħejjija l-aħjar proposti għal Malta.
Jista' l-Ministru jinformani bl-iżviluppi tar-risposta u l-mistoqsija parlamentari numru 5393, Seduta Nru. 77?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat mill-uffiċjali inkarigati li qiegħed isir 'assessment' fuq ir-rapporti tal-veterinarji u għalhekk nkun nista ngħati risposta iktar 'il quddiem.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 5275?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra hi għas-sena 1999 skond kif mitlub fil-Mistoqsija Parlamentari numru 4678. Ma nistax ngħati l-informazzjoni għall-1996, 1997 u 1998 kif mitlub permezz tal-Mistoqsija Parlamentari numru 5275 għaliex f'dawn is-snin ma kienetx tinġabar bid-dettalji kif mitluba.
In-numru t'operazzjonijiet pendenti hu skond il-lista li qed titpoġġa wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar it-tielet parti tal-Mistoqsija ninforma l-Onor. Membru li l-proċedura normali hi li jsiru operazzjonijiet mill-'waiting list'. Iżda f'każijiet ta' emerġenza p.eż. kanċer, dawn jingħataw preferenza fuq dawk li jkunu fil-'waiting list'.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kuntistabbli li tilfu ħajjithom waqt il-ħin tax-xogħol mit-twaqqif tal-korp 'il hawn? X'kienu l-każijiet u f'liema sena? X'kumpens jieħdu l-familjari f'każijiet fatali bħal dawn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub fl-ewwel u t-tieni partijiet tal-Mistoqsija, hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi l-familja ta' kull membru tal-Korp tal-Pulizija li jmut waqt li jkun għadu jservi fil-Korp tingħata somma ta' Lm1350 mill-General Fund u mill-Mutual Help Association Fund, li huma żewġ fondi li jinġabru minn kontribuzzjonijiet mensili mill-istess membri tal-Korp.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt kienet l-ispiża għall-platform li sar fil-packing station ta' Ta' Qali? Meta ħarġu s-sejħiet għall-offerti? Kemm kien hemm applikazzjonijiet? Kemm kien twil il-perijodu għall-applikazzjonijiet/offerti u f'liema ġurnali tal-gazzetta tal-Gvern dehru?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Ispiża totali, inkluzi il-ħaddiema tad-Dipartiment, għall-platform li sar fil-packing station ta' Ta' Qali kienet ta' madwar Lm45,000.
Is-sejħa għall-offerti għax-xogħol tal-parking area ħarġet fid-29 ta' Jannar 1999 (tarmac u sodda/packing).
Kien hemm ħames applikazzjonijiet.
Il-perjodu għall-applikazzjonijiet kien mid-29 ta' Jannar u għalqu fil-5 ta' Frar. Is-sejħa għall-offerti ġiet ippublikata fil-Gazzetta tal-Gvern Avviż numru 5/99 tad-29 ta' Jannar 1999, paġna numru 519.
Xogħol ieħor sar mill-impjegati tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u minn xi kuntratturi żgħar wara li nġabru kwotazzjonijiet skond kif jitolbu r-regolamenti.
Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ — Preżentazzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-preżentazzjonijiet li saru mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ f'laqgħat li rappreżentanti tal-kunsill attendew fit-Turkija u f'Barċellona?
Min kienu l-persuni li attendew għal dawn il-laqgħat?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ huwa Bord awtonomu u għalhekk ikun tajjeb li l-Onor. Membru jikkomunika direttament mal-kunsill.
Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma wettaq il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ minn Jannar sa Marzu, 1999?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll x'kienu l-attivitajiet marbuta mal-Jum Nazzjonali taż-Żgħażagħ organizzati mill-kunsill u/jew mis-segretarjat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul il-perjodu indikat il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ
* ta l-kontribut tiegħu biex ġew finalizzati l-proposti
ta' diversi għaqdiet għat-tfassil tal-Politika
Nazzjonali taż-Żgħażagħ;
* ħa sehem fil-'Caring Awareness Fair' billi ttella'
stand dwar l-attivitajiet tal-Kunsill;
* ta sehmu biex ingħata l-premju 'Għarfien Nazzjonali
Żgħażagħ fis-Soċjeta`';
* ħa sehem fl-organizzazzjoni ta' l-attivitajiet għal
Jum Nazzjonali taż-Żgħażagħ;
* ġie organizzat 'public forum' fl-Universita` ta'
Malta indirizzat mill-Membru Parlamentari Ewropew
Maren Gunther;
* kien hemm attendenza waqt il-konferenza stampa dwar
il-Youth Specialisation Studies Scheme Credentials
Committee fejn se jkollu rappreżentanza fis-
selezzjonijiet;
* ħa sehem fil-Laqgħa tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nofs
in-Nhar li saret Barcellona u fl-Eżekuttiv ta' l-
European Youth Forum.
L-attivitajiet marbuta mal-Jum Nazzjonali taż-Żgħażagħ kienu:
IL-ĠIMGĦA 19 TA' MARZU
- Kunċert mill-Grupp Cork Screw ġo l-Alley Bar, Paceville
IS-SIBT 20 TA' MARZU
- Żjara ta' kortesija lill-E.T. l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca li tħassret minħabba luttu fil-familja ta' l-Arċisqof
- Żjara ta' kortesijia lill-E.T. il-President tar-Repubblika
- Diversi wirjiet minn għaqdiet ta' żgħażagħ fi Pjazza Ħelsien
- Wirja ta' varjeta` mtella' minn membri tal-Corinthia Animation team fi Pjazza Assedju l-Kbir li fiha ħadu sehem diversi ġurnalisti u Membri Parlamentari
- Żjara fil-Malta Free Port u San Blas
- Musical 'Joseph and the Technicolor Dreamcoat' fis-Sala Ninu Cremona, Rabat, Għawdex
IL-ĦADD 21 TA' MARZU
- Bird watching organizzata mill-Bird Life Malta
- Laqgħa ta' diskussjoni bit-tema 'Iż-Żgħażagħ fid-Dinja tal-Lum fil-Każin P.N. Tarxien indirizzata fost oħrajn mis-Segretarju Paralmentari Jesmond Mugliett u l-Onor. Carmelo Abela.
Fl-okkażjoni tal-Jum Nazzjonali taż-Żgħażagħ, bosta membri tal-KNZ ħadu sehem f'diversi programmi televiżivi biex iħabbru l-attivitajiet. Dawn kienu jinkludu 'Magazin' fuq Net TV, 'Basta Mhux Weekend' u 'Fizz' fuq PBS. Il-programm 'Ċaqlaq' kien preżenti waqt l-attivitajiet tas-Sibt fil-għodu.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-Gvern dwar il-faċilitajiet sportivi vis-a-vis il-kunsilli lokali?
Response (GATT, AUSTIN)
Hemm il-ħsieb li terġa titqajjem l-inizjattiva li kienet ittieħdet qabel l-1996 rigward il-faċilitajiet sportivi.
Dak iż-żmien kien tħejja rapport dettaljat dwar il-faċilitajiet sportivi li jeżistu fil-pajjiż. Dan ir-Rapport kien jidentifika, fost affarijiet oħra, dawk il-faċilitajiet sportivi li jinsabu ġewwa l-iskejjel kif ukoll dawk il-faċilitajiet li qed jitmexxew minn xi għaqdiet sportivi.
Hemm il-ħsieb li tiġi stabbilita `policy` dwar ko-operazzjoni mill-qrib bejn Kunsilli Lokali u skejjel għal-użu ta` dawn il-faċilitajiet sportivi fl-iskejjel kif ukoll il-possibilta` ta` tkabbir ta` dawn il-faċilitajiet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-korsa l-qadima fejn kienu jsiru t-tiġrijiet taż-żwiemel fil-Marsa ġietx mikrija lil xi ħadd? Jekk iva, lil min, kemm hu l-ħlas tal-kirja u min ta l-awtorita' sabiex proprjeta' tal-gvern tiġi mikrija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-korsa l-qadima ġiet mikrija lill-Kumpanija C & L Co Ltd (f'isem il-Gladiators) għall-perjodu ta' bejn 9 u 12-il ġimgħa bir-rata ta' Lm800 fil-ġimgħa. Din l-art tinsab mikrija lill-Kumitat tal-Malta Racing Club li għandu dritt jiddisponi minnha kif jidhirlu l-aħjar.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li qed jitkellmu f'isem l-assoċjazzjoni sportiva, Tigne'? Jista' l-Minisru jgħid ukoll min huma l-għaqdiet membri ta' l-istess assoċjazzjoni u min huma dawk l-għaqdiet li jużaw xi premises ġewwa Tigne'?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne' hija rappreżentata mill-President tagħha, il-Perit Charles Cassar u s-Segretarju, s-Sur Joe Sultana. Madankollu fil-laqgħat li jiena kelli ma' l-Assoċjazzjoni kienu nvoluti membri oħra skond id-diskrezzjoni tal-Kumitat.
L-Assoċjazzjoni għaddiet lista ta' tletin 'club' jew għaqda li jagħmlu użu mill-premises eżistenti li huma:
1. The Tropical Fish Breeders Association
2. The Bird Breeders Association
3. The Army and Military Association
4. The Cooks and Chefs Association
5. The Weight Lifting Association
6. The Kung Fu Association
7. The Te Kwan Do Association
8. Sliema Wanderers Football Club
9. Tigne' Association
10. Sliema Football Nursery
11. Sliema Youths Association
12. Olympic Hall
13. Floor Dancing Club
14. Judo Club
15. Keep Fit Club
16. Għaqda Ġurnalisti
17. Motor Club
18. Round Table 3
19. Rowing Club
20. Yoga Club
21. Diving Club
22. Drama Group
23. Exhibition Hall
24. Stompers Rugby Team
25. Motorcycle Club
26. Phoenician Rugby Team
27. Overseas Rugby Team
28. Racoon Ladies Football Team
29. AST Football Team
30. Swimming Club.