Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-eta' tal-pensjoni tinbidel? Jekk iva, x'inhuma l-pjani ta' l-eta'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba tiegħi għal Mistoqsija Nru. 3985. Nżid li wieħed ikun irid jgħarbel ir-rakkomandazzjonijiet ta' din il-kummissjoni nazzjonali dwar xi tibdiliet futuri fl-iskema tal-pensjoni.
28.4.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3312 jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' persuni li gawdew mill-għotja tar-rigal żgħir li ġie mogħti lilhom?
Jista' l-Ministru jintervjeni biex ir-rotta tal-karozza tal-linja Nru.42 tkun aktar frekwenti peress li meta l-karozza tasal Ta' Ġiorni qed tkun mimlija b'konsegwenza li għadd ta' studenti u ħaddiema jaslu tard għal iskola u għax-xogħol rispettivament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Għaddejt it-talba ta` l-Onor. Interpellant għall-konsiderazzjoni ta` l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid kemm laħqet l-ispiża ta' kostruzzjoni li saret bejn l-1994 u l-1996 fil-ġnien ta' fuq wara taċ-Ċentru Ħidma Soċjali? Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'annimali? Jista' jgħid kemm intnefqu flus f'paguni? Min kien responsabbli tax-xogħol u minn min saru?
Jista' l-Ministru jgħid lil min sar il-ħlas u jekk għal dan ix-xogħol inħarġux tenders, inġabrux kwotazzjonijiet jew ingħatax b'direct orders?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Rigward annimali (għasafar) u pagun, nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li kienet ingħatat għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 2598 fi Frar 1997.
Rigward il-ġnien żgħir li ġie rranġat u li jinsab fuq wara taċ-Ċentru Ħidma Soċjali, ix-xogħol sar minn impjegati tal-Gvern u sar ukoll xogħol volontarju minn xi ħabsin.
Għalhekk, dan ix-xogħol la kien jirrekjedi tenders u lanqas kwotazzjonijiet. Peress li dan ix-xogħol sar minn impjegati tal-Gvern mhux possibli li tiġi kkalkolata l-ispiża għax l-ispiża kienet kważi kollha ta' pagi.
28.4.99
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 3317?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għad-domanda Nru. 3317 ingħatat waqt il-'question time' fis-seduta Nru. 71 u saru diversi mistoqsijiet supplimentari fuqha.
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-postijiet li ġew allokati mill-elezzjoni sal-lum? F'liema lokalita' u f'liema dati ġew allokati? Jista' l-Ministru jinformana wkoll dwar il-marki li kellhom biex ikkwalifikaw biex jieħdu l-post?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
28.4.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-direttur tad-Dipartiment ta' l-Anzjani huwiex qiegħed juża karozza tal-Gvern?
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'petrol/diesel għal karozza li juża xahar b'xahar mill-bidu tal-ħatra tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Iva, l-Aġent Direttur għall-Anzjani qiegħed juża karozza tal-Gvern. Dan bi dritt bħal Direttur oħra. Huwa beda juża din il-karoxxa mill-ewwel ġimgħa ta' Jannar 1999. Sakemm inġabret din l-informazzjoni (24.02.99) f'petrol kien intefaq Lm33.
28.4.99
Jista' l-Ministru jgħid x'salarju u x'allowances qiegħed jingħata l-Aġent Direttur tad-Dipartiment ta' l-Anzjani?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Aġent Direttur għall-Anzjani jitħallas bħala uffiċjal fi skala 7 u ma jitħallas l-ebda allowance li għandha x'taqsam ma din il-pożizzjoni. Il-post ta' Direttur għall-Anzjani suppost jitħallas bħala uffiċjal fi skala 4. Bħala gradwat, l-Aġent Direttur jirċievi qualification allowance ta' Lm12.50 fix-xahar.
28.4.99
Jista' l-Ministru jgħidilna kemm suppost hu l-full complement tal-SWDP? Kemm hemm nies neqsin? X'qed isir biex jintlaħaq full complement?
Response (GONZI, LAWRENCE)
S'issa qatt ma kien hemm "full complement" definit għall-SWDP. Barra minn hekk, taħt 22 xahar ta' amministrazzjoni Laburista, l-SWDP kien tnaqqsilha l-"complement" tagħha sostanzjalment. Nixtieq infakkar lill-Onor. Interpellant kif tnaqqas il-baġit tal-SWDP, li fuqu jiddependi l-ingaġġ ta' staff:
1996 - Lm405,000
1997 - Lm390,000 (baġit Laburista)
1998 - Lm290,000 (baġit Laburista)
1999 - Lm415,000
Meta sirt Ministru responsabbli mill-SWDP, awtorizzajt li jiġu ingaġġati immedjatament social workers fit-Taqsima Vjolenza Domestika u fit-Taqsima Servizzi Protezzjoni tat-Tfal li l-SWDP kienet ilha żmien twil titlob lill-amministrazzjoni Laburista permess, bla suċċess, biex timpjegahom. Fil-fatt, f'Novembru 1998 daħlu jaħdmu seba' social workers ġodda fuq bażi "full time" fit-taqsimiet indikati.
Wara dan l-ingaġġ, ingħatat ukoll l-awtoriżżazzjoni (liema awtoriżżazzjoni ma kienx hemm fiż-żmien l-amministrazzjoni Laburista) biex jiġu mpjegati numru ta' staff amministrattiv.
Il-"full complement" ser jiġi deċiż fid-dawl tal-konklużjonijiet li joħorġu mill-"operations review" tal-SWDP u s-settur soċjali li ser jkun lest sa l-aħħar ta' Ġunju 1999.
28.4.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu CSAs mad-Dipartiment ta' l-Anzjani mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Mil-liema lokalita' ġew?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mill-5 ta' Settembru 1998 sal-lum 3 ta' Marzu 1999 daħlu 44 C.S.A.'s li huma mill-lokalitajiet li ġejjin:
B'Kara; Ħamrun; San Gwann; Naxxar; Żejtun; Qormi; Marsa; Paola; Żebbuġ; Balzan; Mġarr; St Andrew's; Kalkara; Attard; Fgura; Mqabba; Gżira; St Venera; St Julian's; Cospicua; Żurrieq; Mosta; Sliema; Lija; St Paul's Bay; Luqa; Gudja; B'Buġia; Iklin.
Minn dawn 27 ġew 'replaced' għax 27 rriżenjaw u 16 daħlu flok is-16 li ħarġu bis-Sick, u mhux qed jirrapportaw għax-xogħol.
28.4.99
Minn Settembru 1998 sal-15 ta' Frar, 1999 kemm-il persuna talbet l-għajnuna taċ-Ċentru tad-Detox minħabba abbuż ta' droga?
Jista' l-Ministru jagħti l-figuri xahar b'xahar għal Malta u Għawdex separatament?
Kull xahar kemm-il persuna marret l-ewwel darba għal kura? Kull xahar kemm kien hemm persuni taħt it-18-il sena li talbu l-kura?
Kemm kull xahar kienu qed jabbużaw mill-eroina, kokaina eċċ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni Maltin li bħalissa jinstabu f'ħabsijiet barranin li: (a) qed jiġu nvestigati fuq xi reat; (b) qed iservu sentenza ta' ħabs?
X'għajnuna konsolari tingħata f'kull każ?
Fil-każ ta'(b) kemm qed iservu snin ta' ħabs kull wieħed?
Response (BORG, JOE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda li tagħti l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-lokalitajiet li għandhom neighbourhood watch? Hemm xi kunsilli lokali li għandhom kuntatti mal-pulizija biex iwaqqfu neighbourhood watch?
X'għajnuna jagħtu l-pulizija għat-twaqqif u l-progress tan-neighbourhood watch?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-lokalitajiet li għandhom neighbourhood watch huma dawk ta' Ħal Tarxien, tas-Sliema, Santa Venera, ir-Rabat (Tal-Virtu'), il-Mosta (il-Blata l-Għolja) u l-Mellieħa (Santa Maria Estate).
Ninsab infurmat ukoll li fost il-Kunsilli Lokali li qegħdin f'kuntatt mall-Pulizija biex iwaqqfu neighbourhood watch fil-lokal tagħhom hemm dawk tal-Gżira, ta' Senglea, ta' Bormla u tal-Kalkara.
Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi kemm l-Assistenti Kummissarji, kif ukoll is-Supretendenti u l-Ispetturi fid-diversi Distretti tal-Pulizija huma responsabbli sabiex jinkoraġġixxu u jassistu fit-twaqqif u t-tħaddim tan-Neighbourhood Watch. Il-Community and Media Relations Unit (CMRU) fi ħdan il-Korp tal-Pulizija ukoll għandha l-kompitu li teduka l-pubbliku dwar strateġiji ta' prevenzjoni tal-kriminalita' inkluż it-tħaddim ta' neighbourhood watches.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija Maltija hijiex imdaħħla fl-investigazzjonijiet tal-pulizija Taljana dwar traffikar illegali ta' persuni bil-baħar? F'dawn l-aħħar ġimgħat saru żjajjar minn membri tal-korp tal-Pulizija Maltija fi Sqallija dwar dan it-traffikar ta' persuni?
Meta tiġi arrestata persuna Maltija mill-pulizija Taljana dwar traffikar illegali ta' persuni, il-pulizija Maltija tiġi nformata u mitluba informazzjoni dwar il-persuna arrestata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija Maltija hija involuta fl-investigazzjonijiet ta' l-awtoritajiet Taljani dwar traffikar illegali ta' persuni bil-baħar, pero' ma sarux żjarat fi Sqallija mill-Pulizija Maltija dwar dan. Kull meta persuna ta' nazzjonalita' Maltija tiġi arrestata mill-awtoritajiet Taljani in konnessjoni ma' traffikar illegali ta' persuni, il-Pulizija Maltija tkun infurmata u din minn naħa tagħha tagħti l-assistenza mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jiġi kkonsidrat li tiġi appuntata social worker għall-iskola sekondarja tal-bniet Agius de Soldanis f'Għawdex minħabba każijiet soċjali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Assistent Pirnċipal Social Worker, mill-Education Welfare Section, hija s-Social Worker li tieħu ħsieb l-iskejjel Primarji, Sekondarji, Junior Lyceums u Trade Schools li hemm f'Għawdex. Minħabba li m'hemmx Social Worker, speċifikament għal Għawdex, u hemm ukoll nuqqas ta' Social Workers fis-sezzjoni, f'dawn iċ-ċirkostanzi, n-nuqqas jinħass f'kull distrett. Madanakollu hemm ippjanat li jidħlu aktar Social Workers u dan għandu jgħin biex tittaffa l-problema.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-pjan għall-iskola sekondarja tal-bniet Agius de Soldanis f'Għawdex biex jitnaqqas l-iffullar u jinkiseb aktar spazju u sala?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma jidhirx illi fil-preżent hemm xi problemi ta' iffullar fl-iskola Agius de Soldanis. Fil-fatt l-ispazju fl-istess skola żdied b'sitt klassijiet fil-bidu tas-sena skolastika 1997/98, spazju li qabel kien okkupat mill-Iskola Primarja tal-Victoria.
L-anqas jinħass il-bżonn ta' sala għall-istess skola, peress illi ftit metri bogħod tinsab sala spazjuża fl-iskola Ninu Cremona illi qiegħda tintuża għall-bżonnijiet ta' l-istess Liċeo Ninu Cremona, l-iskola Post Sekondarja Sir M'Anġ Refalo kif ukoll l-iskola Agius de Soldanis.
Jaf il-Ministru li t-talbiet minn Għawdex lill-iStatementing Board għal facilitators qed idumu x-xhur kbar biex jiġu milqugħa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li m'huwiex minnu li t-talbiet minn Għawdex lill-iStatementing Board qed idumu x-xhur kbar biex jiġu milqugħa. Jien infurmat ukoll li kien hemm xi talbiet minn Għawdex li damu biex jiġu mressqa lill-iStatementing Board għaliex inżammu mill-kapijiet ta' l-iskejjel ikkonċernati. Hekk kif sar jaf bihom l-iStatementing Board ittieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex dawk jiġu pproċessati.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu mimlija l-vakanzi ta' assistenti kapijiet ta' l-iskola, kapijiet ta' l-iskola, education welfare officer, music, art u drama teachers u facilitators f'Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sejħiet għall-applikazzjonijiet għal dawn il-postijiet indikati f'Għawdex qegħdin jiġu proċessati skond il-proċedura stabbilita.