Jista' l-Ministru jara fiex waslet l-applikazzjoni għal sussidju quddiem l-Awtorita' tad-Djar bin-numru HAN 92/98, peress li jidher li kien hemm xi nuqqas ta' ftehim?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Deċiżjoni finali dwar din l-applikazzjoni ser tiġi komunikata lill-applikant fi ftit tal-ġranet oħra.
3.5.99
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 5531?
Response (BONNICI, JOSEF)
Iż-żewġ Ministri preċedenti msemmija fil-mistoqsija ma tantx jidhru li taw valur lill-konklużjonijet ta' l-investigazzjoni tal-MSU, illum il-MITTS.
Il-pjanijiet tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma dwar ir-riorganizazzjoni tas-sistema ta' l-informatika tagħha, illum imorru 'l bogħod minn dak li jidher li kien maħsub qabel.
Jista' l-Ministru jgħidilna fejn irridu nirrapportaw bozoz tat-triq maqtugħa? Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni għaliex bozza ħdejn Block 6B, San Gwann t'Għuxa, Bormla ilha fuq ħames ġimgħat maqtugħa u dan minkejja li ġiet rapportata minni stess għal darba darbtejn?
Response (BONNICI, JOSEF)
Biex tinbidel bozza tat-triq li tkun inqatgħet, wieħed jista' jirraporta jew fl-uffiċċju distrettwali partikolari tal-Korporazzjoni Enemalta, inkella fis-Sezzjoni ta' l-istreet Lightning tal-Korporazzjoni fil-Marsa.
Rigward il-bozza imsemmija, jiena nfurmat li din inbidlet.
Jista' l-Ministru jara jekk huwiex possibbli li jsir xi ħaġa sabiex dawk il-persuni li għandhom post tal-gvern mibni fuq art akkwistata b'possession and use ikunu jistgħu jsiru sidien ta' darhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Peress li l-art li qegħda fil-pussss tal-Gvern taħt it-titolu ta' 'Possession & Use' hija amministrata mill-'Lands Department', il-Mistoqsija għandha ssir lill-Ministru responsabbli minn dak id-Dipartiment.
3.5.99
Jista' l-Prim Ministru jara jekk huwiex fl-interess tas-sigurta' tal-pajjiż li l-ħażna ta' l-armi awtomatiċi jiġu maħżuna wkoll flimkien fl-istess post/lokalita' fejn jinħażen wkoll il-munizzjon kollu ta' l-Armata, jiġifieri fid-Depot tal-Mosta, u dan taħt il-kontroll ta' l-istess persuna?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-proposta ta' l-Onor Membru tmur kontra kull prinċipju ta' sikurezza ta' armi u munizzjon. Hu prinċipju bażiku, applikat mill-Forzi Militari madwar id-dinja li, kemm jista jkun, armi u munizzjon ma jinħażnux fl-istess post.
Jista' l-Prim Ministru jagħti lill-Kamra tagħrif dwar Villa Preziosi f'Ħal Lija/Ħal Balzan li tħalliet lill-Gvern xi snin ilu? Min qiegħed il-kustodju ta' din id-dar? X'passi qed jittieħdu sabiex dar karatteristika bħal din ma tiġix mitluqa u abbandunata b'konsegwenza ta' telf ta' wirt arkitettoniku ta' pajjiżna?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Naħseb li l-Onorevoli Membru qed jirreferi għal Villa Francia u għalhekk nitolbu jara t-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 6040 fis-26 t'April 1999.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Water Services Corporation hijiex konxja mit-tfigħ ta' liquid manure ġewwa l-manholes ta' drenaġġ li hawn fil-Wied tat-Troll f'Ħaż-Żebbuġ?
Taf il-Water Services Corporation li dan l-ammont ta' liquid manure jista' jkun qiegħed imur fl-aquifer partikolarment meta persuni rresponsabbli qegħdin jitfgħu dan il-materjal għal għonq il-Wied?
X'koperazzjoni teżisti bejn il-Water Services Corporation u l-Ministeru għall-Ambjent dwar din il-materja ta' kontaminazzjoni?
Jista' l-Ministru jordna stħarriġ dettaljat dwar it-tfigħ ta' unauthorised liquid manure fil-manholes tad-drenaġġ li hemm fil-Wied tat-Troll Ħaż-Żebbuġ?
Jista' l-Ministru jissiġilla dawn il-manholes minn ġewwa b'tali manjiera li minn jiftaħ it-tappiera jsib għatu ieħor minn ġewwa li ma jkunx jista' jiġi tampered?
Jista' l-Ministru jara li jsir sinjal bil-miktub f'dan il-post li jgħid speċifikament li l-ebda tfigħ ta' materjal ma' jista jintefa' fis-sistema tad-drenaġġ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tad-Drenaġġ qiegħed ikollu spiss problemi minħabba materjal mhux awtorizzat, bħal per eżempju tiben, li qiegħed isib ruħu fis-sistema tad-drenaġġ, li probabbilment qiegħed jintefa' minn bowsers privati. Mhux rakkomandat li jiġu ssiġġillati l-manholes għax inkella ma jkunx jista' jsir 'maintenance' u tindif tas-sewer. L-operaturi tal-bowsers kollha suppost jafu fejn huma s-'sewage disposal points' u kull min ma joqgħodx ma' dawn għandu jiġi mħarrek mill-uffiċjali tas-sanita' u l-pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet il-Pulizija ta' Ħaż-Żebbuġ għar-rapporti li kellha dwar tfiegħ ta' liquid manure fil-manholes tad-drenaġġ fil-Wied tat-Troll, Ħaż-Żebbuġ? Jista' l-Ministru jordna sorveljanza stretta sabiex ma tħalliex tfiegħ ta' dan il-materjal minn persuni irresponsabbli?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi wara li l-Pulizija kellha dawn ir-rapporti bdiet tinvestiga, filwaqt li qed issir ronda fuq il-post sabiex ikunu evitati l-abbużi li jista` jkun hemm.
03.05.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra min huwa d-direttur preżenti ta' l-Istitut Internazzjonali ta' l-Anzjani? X'inhu s-salarju tiegħu? Meta beda fl-inkarigu tiegħu? X'inhuma l-kwalifiki li għandu d-direttur u kif dawn jirrelataw mal-qasam ta' l-anzjani?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Direttur preżenti ta' l-Istitut Internazzjonali ta' l-Anzjani (INIA) huwa l-Professur A.H.B. de Bono. Din il-ħatra saret mill-Gvern Malti għal perjodu ta' tliet snin wara konsultazzjoni mas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, kif provdut f'Artiklu V, Paragrafu 1, tal-Ftehim relevanti, u hija b'effett mill-21 t'April, 1998.
Jien infurmat li d-Direttur għandu dawn il-kwalifiki:
M.D.(Malta), M.A.(Oxon.), F.R.C.S.(Edinburgh).
Is-salarju tad-Direttur huwa stabbilit fl-ittra tal-ħatra tiegħu bħala Lm8,791 fis-sena.
28.4.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati part-time ġewwa l-INIA? Kemm sigħat huma obbligati li jaħdmu fil-ġimgħa?
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Direttur preżenti ta' l-INIA hu tal-fehma li l-għoti fil-pubbliku ta' nformazzjoni dettaljata dwar l-operat ta' l-Istitut tmur kontra l-ftehim li jirregola l-Istitut.
28.4.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati fiċ-ċentru ta' l-INIA qabel ma d-direttur preżenti ħa l-ħatra tiegħu? Kemm hemm impjegati llum u x'inhu l-grad, l-eta' u s-salarju tagħhom? Xi kwalifiki għandu kull wieħed mill-impjegati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru. 633 li tapplika wkoll għal din il-Mistoqsija.
28.4.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-ġranet li d-direttur ta' l-INIA kien nieqes minn Malta mill-ħatra tiegħu 'l hawn?
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux rapporti fuq iż-żjarat uffiċjali u jistax ipoġġi kopja ta' dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra? Kemm swew lill-INIA dawn iż-żjarat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru. 633 li tapplika wkoll għall-parti kbira ta' din il-Mistoqsija.
Nikkonferma li ma saru l-ebda rapporti lill-Gvern dwar iż-żjarat uffiċjali barra minn Malta li għamel id-Direttur preżenti.
Jien infurmat li l-ispiża għal żjarat uffiċjali barra minn Malta mid-Direttur, kif indikata fil-kontijiet tal-Istitut, tlaħħaq l-ammont ta' Lm873.
28.4.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il żjara għamel id-direttur ta' l-INIA barra minn Malta? Kemm minn dawn kienu żjarat uffiċjali, fejn saru u meta kienu? X'kienu l-għanijiet ta' kull żjara barra minn Malta? Jista' l-Ministru jgħid x'ħareġ konkretament minn kull żjara?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru. 633 li tapplika wkoll għal din il-Mistoqsija.
28.4.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b'diżabilita' li qed jirreġistraw għax-xogħol, kemm minnhom huma nisa u x'inhi l-eta' tagħhom? Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn il-persuni qed jirreġistraw bħala labourers?
Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn il-persuni qed jieħdu xi forma ta' benefiċċju tas-sigurta' soċjali u kemm qed jieħdu benefiċċju marbut mad-diżabilita' li huma jsofru?
Jista' imbagħad il-Ministru jgħid kemm hemm persuni b'diżabilita' li qed igawdu minn xi benefiċċju amministrat mis-Segretarjat tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'? Jista' l-Ministru jagħti din l-informazzjoni bin-numru ta' persuni għal kull benefiċċju separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' persuni b'diżabilita' li f'Ottubru 1998 kienu qed jirreġistraw għax-xogħol kien ta' 282. Minnhom kien hemm 40 mara. L-eta' tan-nisa tvarja bejn 18 u 54 sena. Sittin persuna kienu qed jirreġistraw bħala labourers.
Il-persuni kollha msemmija aktar 'l fuq, kienu jieħdu xi forma ta' benefiċċju Soċjali mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali, filwaqt li 76 minnhom kienu jieħdu benefiċċju marbut mad-diżabilita' li huma jsofru.
Bejn il-perjodu Ottubru 1997 u Settembru 1998, il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' qdiet dawn in-numri ta' persuni b'diżabilita' skond il-benefiċċji partikolari kif jidher hawn taħt:
Reġistru Nazzjonali tal-Persuni b'Diżabilita' 641 persuna
Karta tal-Identita' Speċjali 501 persuna
Servizz Għajnuniet Speċjali 225 persuna
Ċentru ta' Riżorsi 427 persuna
Rakkomandazzjoni għall-eżenzjoni mit-taxxa fuq karozzi 130 persuna
Rakkomandazzjoni għall-eżenzjoni mil-liċenzja fuq karozzi 135 persuna
Rakkomandazzjoni għall-Blue Sticker 388 persuna
Rakkomandazzjoni għall-Reserved Parking 26 persuna
Rakkomandazzjoni għall-Keep Clear 29 persuna
28.4.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jirreġistraw għax-xogħol (part 2) fl-aħħar ta' Jannar 1999?
Għal-liema tip ta' xogħol qegħdin jirreġistaw għax-xogħol dawn il-persuni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fuq it-tieni parti tar-reġistru (part 2) fl-aħħar ta' Diċembru 1998 kien ta' 473.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella fejn turi għall-liema tip ta' xogħol kienu qegħdin jirreġistraw.
28.4.99
Jista' l-Ministru jara li tinbidel is-sistema tad-dawl ma' dar Nru. 29, Triq Inez Soler, Sta. Luċija minħabba overload ta' dawl? Jista' l-Ministru jara wkoll li jitneħħa n-numru kbir ta' wires li hemm peress li qegħdin ikunu ta' inkonvenjenza kbira għar-residenti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li x-xogħol biex jitressqu numru ta' wires u jsir 'shifting' ta' arblu fit-triq imsemmija għandu jsir flimkien ma' xogħolijiet oħra simili.
Jista' l-Ministru jara fiex waslet it-talba u l-petizzjoni dwar il-każ li d-dettalji dwaru qed nibgħathom separatament?
Response (BORG, TONIO)
B'referenza għall-petizzjoni dwar il-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant fil-Mistoqsija tiegħu, ninsab infurmat li l-iżvilupp sat-tieni sular (1st floor) hu kopert minn permessi maħruġa skond il-liġi filwaqt li dak tat-tielet sular (2nd floor) mhux kopert minn permess.
Ninsab infurmat ukoll li l-applikazzjoni li saret għal l-iżvilupp għat-tielet sular ġiet rifjutata u li llum din hija pendenti quddiem il-Bord ta' l-Appell.
L-istess każ kien suġġett għal kawża quddiem il-Qorti, liema kawża ġiet irregolata bil-ħruġ ta' Stop and Enforcement Notice skond l-Att I ta' l-1992 dwar l-Iżvilupp li l-effett tiegħu hu sospiż sakemm l-Appell mir-rifjut ikun għadu pendenti, u dan skond kif regolat mill-istess Att.