Art tal-Gvern — Trasferiment ta' commercial entities
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhija l-policy attwali tal-gvern f'dak li għandu x'jaqsam ma' xiri/trasferimenti miċ-ċenswalist ta' commercial entities li nbnew fuq art tal-gvern mogħtija b'enfitewsi temporanja? Huwa maħsub li jsir xi titjib f'din il-policy u f'liema direzzjoni?
Kif jitħaddem iċ-ċens ġdid/prezz ta' bejgħ f'każijiet ta' din in-natura fejn iċ-ċenswalist ikun għamel il-benefikati fuq l-istess proprjeta'? Kemm jitlob il-gvern għal tali trasferimenti bħala persentaġġ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li meta ċens ta' proprjeta' tal-gvern li kien mogħti għall-skopijiet kummerċjali jiskadi, l-art bil-benefikati kollha jerġgħu jiġu f'idejn il-gvern.
Id-Dipartiment ta' l-Artijiet ikun jista' jikri, jagħti b'ċens jew ibiegħ il-proprjeta' kollha, jew partijiet minnha, skond il-każ, permezz ta' sejħa għall-offerti.
Qegħda tiġi studjata l-possibilita' li f'każijiet fejn ex-ċenswalista jitlob li jerġa' jieħu l-pussess tal-proprjeta' li kien igawdi b'ċens, dik il-proprjeta' tkun tista' terġa' tingħata b'ċens ġdid jew tinxtara mill-istess persuna, dejjem wara sejħa għall-offerti.
03.05.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri (jekk hux se tingħata xi refund) għal min laħaq ħallas il-liċenzja "to keep" t'arma tan-nar bir-rata ta' Lm19 meta wara niżlet għal Lm7?
Response (BORG, TONIO)
Skond Avviż Legali 59 ta' l-1999, ippublikat fit-23 ta' Marzu 1999, il-ħlas dovut għall-liċenzja ta' żamma ta' arma jew armi tan-nar niżel minn Lm19 għal Lm7 b'effett mill-1 ta' Marzu 1999. Għalhekk mhux il-każ li dawk li ħallsu Lm19 qabel l-1 ta' Marzu 1999, huma ntitolati għal xi rifużżjoni, dan għax l-ammont li tħallas kien dak korrett skond ir-regolamenti viġenti dak iż-żmien.
Ninsab infurmat li kull min ħallas il-liċenzja għaż-żamma ta' arma bir-rata ta' Lm19 mill-1 ta' Marzu 1999, ser jingħata refund. Fil-fatt ninsab infurmat li bħalissa għaddej il-proċess sabiex ikunu identifikati dawn il-persuni.
03.05.99 (a.m.)
Jikkonferma l-Ministru li sa ftit ilu l-pulses b'xejn mogħtija lill-klijenti tal-Maltacom (domestiċi) kienu jkopru wkoll telefonati għal barra (abbażi ta' ħin) u issa ġew limitati biss għal sejħiet lokali bir-rata ta ħames minuti kull pulse?
Jista' l-Ministru jgħid kif jaħdmu dawn il-pulses jekk hux abbażi ta' ħin jew inkella ta' numru ta' calls?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nikkonferma li mill-kont kurrenti, il-Maltacom qegħda tagħti l-100 pulse b'xejn kull xahrejn fuq sejħiet lokali biss u mhux iżjed fuq sejħiet għall-mobile jew sejħiet għal barra minn Malta.
F'dan l-isfond wieħed irid iqis x'jgħidu r-regolamenti dwar il-ħlasijiet tat-tliet kwalitajiet ta' sejħiet: dawk minn numru tal-Maltacom għal numru tal-Maltacom (magħrufa komunament bħala sejħiet lokali), dawk minn numru tal-Maltacom għall-mobile, u s-sejħiet minn numru tal-Maltacom għal barra minn Malta.
Huwa fil-każ ta' sejħiet lokali bixx li Skeda Numru 4 (paragrafu 3) tar-Regolamenti tat-Telephone, kif sussegwentament emendati u approvati mir-Regolatur tat-Telekommunikazzjoni, jitkellmu dwar rebate 'għall-ewwel 150 pulse kull tliet xhur'. Dawn il-pulses b'xejn qed ikomplu jingħataw kif kien isir qabel, dejjem skond ir-regolamenti.
F'paragrafu 5 ta' l-istess skeda, fejn ir-regolamenti jitkellmu dwar sejħiet min-numru tal-Maltacom għall-mobile, m'hemmx pulses b'xejn.
Barra minn hekk, il-liġi l-ġdida tal-VAT tobbliga lill-Mlatacom li tiġbor il-VAT fuq dawn is-sejħiet. Kieku l-Mlatacom baqgħet tagħti l-pulses b'xejn għal dawn is-sejħiet kienet tkun qed tikser il-liġi. Qabel kienet tagħtihom ukoll għall-mobile għaliex l-ewwel liġi tal-VAT, b'differenza għat-tieni waħda, kienet tgħid li l-VAT kellha tassorbiha dik li qabel kienet il-Korporazzjoni Telemalta. Għalhekk ma kienx hemm il-ħtieġa li s-sejħiet jinqasmu f'kategoriji separati.
Il-prezz tas-sejħiet għal barra minn Malta jaqgħu taħt regolamenti oħra u anke hawn m'hemm xejn li jobbliga lil Maltacom li tagħti pulses b'xejn.
L-Onorevoli Interpellant jista' jirreferi għal paġna xiii ta' l-aħħar edizzjoni tad-Direttorju tat-Telefon, fejn isib li r-rebate jingħata biss għal sejħiet lokali.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, it-tariffi għas-sejħiet lokali, huma kif jidhru fl-istess Direttorju tat-telefon, jiġifieri:
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa (u FEsti Pubbliċi):
Mis-6.00am sat-8.00am - 5c kull 10 minuti jew parti minnha;
Mit-8.00am sas-6.00pm - 5c kull 5 minuti jew parti minnha;
Mis-6.00pm sas-6.00am - 5c kull sejħa.
Is-SIbt ul-Ħadd:
Mis-6.00am sas-6.00pm - 5c kull 10 minuti jew parti minnha;
Mis-6.00pm sas-6.00am - 5c kull sejħa
It-tariffi għas-sejħiet awtomatiċi għal barra minn Mlata ivarjaw skond il-pajjiżi, maqsuma f'9 żoni, iżda huma klassifikati fi tliet kategoriji: standard, off-peak u night.
Standard: rati applikabbli għal sejħiet magħmula mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8.00am u s-6.00pm.
Off-peak: rati applikabbli għal sejħiet magħmula mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn is-6.00pm u nofs il-lejl, u s-Sibt u l-Ħadd bejn it-8.00am u nofs il-lejl;
Night: rati applikabbli għal sejħiet magħmula fil-ġranet kollha bejn 00.01am u t-8.00am.
It-tariffi ta' drittijiet għal telefonati ma' barra minn Malta bl-operator (194) huma hekk: ħlas minimu ta' tliet minuti għal kull telefonata u żieda addizzjonali għal kull minuta (jew parti minnha), dejjem skond iż-żona li jinsab il-pajjiż li lejh tkun qed issir it-telefonata.
Jista' l-Ministru jgħid kif personnel temporanju ta' l-Air Malta ingaġġati bħala cabin crew bil-kuntratt sa Ottubru 1998, ġew mgħarrfa li m'humiex tajbin biżżejjed meta hemm minnhom li kellhom snin t'esperjenza minkejja li kienu ngaġġati b'mod temporanju?
Jista' l-Ministru jindaga għalfejn fil-Power Station tal-Marsa, il-ħaddiema tal-mechanical section qed jagħmlu overhaul tal-boiler Nru.7 fuq l-overtime waqt li dawk ta' l-electrical section iridu jagħmlu l-istess xogħol fil-ħin regolari bilfors?
Response (BONNICI, JOSEF)
Xogħol ta' overhauls fuq l-impjant isir parti fil-ħin normali tax-xogħol u parti waqt is-sahra.
Fis-sezzjoni tal-mechanicals twaqqaf grupp ta' impjegati biex jagħmel xogħol fuq l-overhaul tal-boiler. Dan il-grupp ġie ffirmat mit-tlett gruppi tax-xift u jaħdmu ħinijiet stabbiliti limjinkludu numru ta' siegħat ta' sahra, madwar 24 siegħa, fil-ġimgħa.
Fil-każ ta' l-electricians ix-xogħol tqassam bejn it-tlett gruppi tax-xift li jaħdmu s-sahra skond il-bżonn.
L-overhaul jikkonsisti f'numru ta' xogħolijiet minn snajja differenti u l-ħtieġa ta' sahra tvarja skond in-natura tax-xogħolijiet.
Jista' l-Ministru jara li fil-proġett ta' Psaila Street, B'Kara z-zona quddiem il-flats tal-gvern (1920's) tiġi landscaped? Tista' t-talba mir-residenti biex din l-area tiġi mogħtija bħala front garden tal-flats tiġi kkonsidrata?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Prim Ministru jindika jekk hemmx il-ħsieb li dawk l-impjegati tal-gvern li jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom, ikunu jistgħu jibdew jaħdmu "reduced working hours"? Jekk ir-risposta hija iva, meta hemm il-ħsieb li dan isir?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Kif tħabbar fil-Collective Agreement milħuq mal-Unions kollha, il-Gvern sejjer iniedi dalwaqt skema ta' Reduced Hours li permezz tagħha l-impjegati tal-Gvern ikollhom il-faċilita illi jaħdmu siegħat imnaqqsa.
Fost diversi raġunijiet għaliex sejra titwettaq din is-sistema, wieħed minnhom huwa biex il-ġenituri jkunu jistgħu jieħdu ħsieb ta' uliedhom.
Ninsab infurmat illi n-negozjati ma l-Unions dwar il-parametri dettaljati ta kif ser titwettaq din is-sistema waslu biex jiġu finalizzati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn furnara bil-liċenzja? Jista' l-Ministru jagħti lista ta' l-ismijiet tal-furnara f'Malta u f'Għawdex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi hawn 234 furnara li għandhom liċenzja maħruġa mill-Pulizija. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi t-tagħrif mitlub.
03.05.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jagħti risposta ta' meta l-Maltacom beħsiebha tneħħi l-arblu (Ref. Telemalta 49/109) li jinsab f'nofs il-bankina fi Triq Wiġi Muscat, Ħal Lija li qed ikun ta' inkonvenjent lill-pubbliku minkejja li l-Kunsill Lokali ta' Ħal Lija ilu jirsisti mal-Maltacom għal dawn l-aħħar sentejn?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li x-xogħol ta' trinek u parti mix-xogħol tal-cable biex jitneħħa l-arblu huma lesti. Ix-xogħol li baqa' u t-tneħħija ta' l-arblu mistennija jkunu lesti fi żmien mhux il-bogħod.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir it-tarmac fuq l-ewwel fażi ta' Triq Luigi Pizani u 25th Anniversary, it-tnejn fil-Kalkara? Jista' jgħid jekk dan id-dewmien huwiex minħabba li jrid isir xi maintenance qabel? Jekk iva, x'inhu dan il-maintenance? Jekk le, meta jaħseb il-Ministru li se jibda x-xogħol peress li qed jinħolqu problemi kbar u dan ilu sejjer għal dawn l-aħħar seba' snin?
Response (GATT, AUSTIN)
Bhal ma taf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta`gvern lokali u fil-qadi tal-funzjonijiet taghhom jagixxu skond il-prijoritajiet, esigenzi u l-mezzi taghhom.
Ghaldaqstant nissuggerixxi l-Onorevoli Membru li tirreferi l-mistoqsija
taghha lill-Kunsill tal-lokalita` billi fl-funzjoni li qed tirreferi ghaliha, fil-fatt hija wahda mir-responsabilitajiet tal-Kunsilli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn vetturi f'Malta li jħallsu l-liċenzji? Jista' l-Ministru jgħid għal dawn l-aħħar 20 sena, sena b'sena, kemm daħlu vetturi f'pajjiżna?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-numru ta` vetturi liċenzjati sal-31 ta` Marzu 1999 kien ta` 232,214.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, l-Onorevoli Membru hija mitluba tagħmel il-mistosija lil Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna klandestini f'pajjiżna? Fejn qegħdin? X'inhuma l-etajiet tagħhom u x'qed jagħmel l-Istat biex dawn jerġgħu imorru lura minn pajjiżna? Kemm qed jiġu jiswew lill-gvern dawn in-nies illegali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 124 persuni klandestini li qed jinżammu taħt il-kustodja ta' l-Awtoritajiet tas-sigurta` ġewwa Lyster Barracks u f`Ta'Kandja u li l-eta` tagħhom tvarja bejn it-tmintax u wieħed u ħamsin sena.
Rigward il-partijiet l-oħra tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-tieni u t-tielet partijiet tat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3363.
03.05.99 (a.m.)
Jaf il-Ministru li fil-bajja tax-Xgħajra, Malta l-kosta ilha żmien tbati l-konsegwenzi xejn pjaċevoli ta' tniġġiż ta' dan il-baħar, kaġun ta' ħsarat fis-sistema tad-drenaġġ? X'sar biex jiġi rranġat dan l-inkonvenjent? Meta se jibda x-xogħol biex ma jiżdidux il-problemi ta' tniġġiż għall-għawwiema fis-sajf?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Tlabt lid-Dipartiment konċernat biex jinvestiga dan il-każ.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa l-gvern fuq il-problema tas-Sea Pollution li qed jinqala' bit-tqattigħ tal-blat li qed isir fuq il-Hilton site? X'sar s'issa min-naħa ta' l-Awtorita' u x'beħsiebu jsir fil-futur?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Dwar il-problema ta' tniġġiż tal-baħar li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant, id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent investiga l-problema u kkonkluda li t-tniġġiż kien dovut għal trab fin tal-ġebel li kien qed jispiċċa l-baħar.
Id-Dipartiment informa mmedjatament lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar li min-naħa tagħha ħadu passi biex l-attivita' li kienet qed tikkaġuna dan it-tniġġiż jieqaf.
Jaf il-Ministru li l-kunsill skolastiku ta' l-iskola speċjali tal-Qrendi hija kostitwita kontra r-regolamenti? Jaf il-Ministru li xi ġenituri fuq il-kunsill skolastiku lanqas għandhom it-tfal tagħhom bħala studenti f'dik l-iskola? Dan għaliex?
X'passi se jieħu l-Ministru sabiex terġa' tissejjah elezzjoni ġdida fl-iskola speċjali tal-Qrendi? X'passi dixxiplinarji se jieħu l-Ministru fuq min abbuża mir-regolamenti ta' l-elezzjonijiet tal-kunsilli skolastiċi?
Response (GALEA, LOUIS)
Jekk nifhem is-sitwazzjoni tajjeb ma naħsibx li hemm lok għad-drammatizazzjoni tagħha. Din hi skola speċjali b'ċirkostanzi speċjali li jridu jiġu affaċċjati b'mod uman u mhux b'legaliżmu. B'danakollu tlabt li jsiru l-investigazzjonijiet meħtieġa biex jiġu stabbiliti l-fatti u naraw x'inhu l-aqwa interess tat-tfal.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm: (a) Impjegati b'diżabilita' reġistrati skond l-Att ta' l-impjiegi b'diżabilita' ta' l-1969; (b) Impjegati oħra li għandhom diżabilita', ma' kull ministeru, dipartimenti, korpi parastatali, kummissjonijiet, korporazzjonijiet, banek, awtoritajiet, aġenziji, programmi eċċ fejn il-gvern għandu maġġoranza ta' l-ishma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni qegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra.
3.5.99
Jista' l-Ministru jassigura li l-vapuri l-ġodda li l-Malta Shipbuilding qed jibnu għal Gozo Channel se jkunu aċċessibli għal kulħadd inkluż persuni b'diżabilita' anke dawk li jużaw siġġu tar-roti? Jista' jgħid kif qed jassigura dan? Hemm kuntatti mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' dwar din l-issue?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-vapuri l-ġodda tal-Gozo Channel ser ikunu aċċessibbli anke għal persuni b'diżabbilta'. Dawk li jużaw siġġu tar-roti ser ikunu jistgħu jagħmlu użu mill-lifts li ser jiġu installati fil-car deck u li jwasslu għall-Passenger Areas. Barra minn hekk, meta jitlestew it-Terminals il-ġodda, ikun hemm passaġġ dirett mit-Terminal għall-Passenger Deck. S'issa il-Bord il-ġdid tal-kumpanija Gozo Channel ma kellux kuntatt mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabbilta'.
Jista' l-Ministru jgħid x'risposta għandu għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5698 li s'issa għadu ma weġibx?
Response (BONNICI, JOSEF)
Filwaqt li l-inċident li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant kien ta' proporzjonijiet ferm iżgħar minn dawk li qed isemmi fil-mistoqsija tiegħu; il-każ kien jirrigwarda pakkett żgħir ta' katini tad-deheb mhux irfinut, li probabbilment waqa' lill-piżatur tal-Konslu tad-Deheb mingħajr ma dan induna, waqt li l-konsenja li kienet għadha kif waslet mill-Ġermanja kienet qed tintiżen skon il-proċeduri tas-soltu fl-istrongroom ta' l-ajruport. Apparti l-passi li ttieħdu għal dak li kien maħsub li kien 'short delivery', dan il-pakkett instab minn ħaddiem waqt it-tindif meta reġgħet infetħet l-istrongroom. Wara li saru l-proċeduri kollha neċessarji, il-pakkett ġie irtirat mill-importatur.
Jista' l-Ministru, issa li beda l-iproċessar ta' screening bejn Malta u l-Unjoni Ewropea, jgħid liema chapters ġew trattati jew qegħdin jiġu ttrattati fuq bażi multilaterali? Jista' l-Ministru jgħid min qed imexxi t-team li qegħdin jagħmlu dan l-iscreening għan-naħa Maltija u l-uffiċjali adetti għal chapters differenti? Jista' l-Ministru, safejn ġie nfurmat, jgħid kif se jitqassmu l-31 chapter ta' l-aquis communautaire f'din l-ewwel fażi ta' screening u jekk hemm xi dati għall-iscreening fuq bażi bilaterali, x'inhi t-timetable u ċ-chapters li se jiġu ttrattati, kif ukoll min se jkunu l-uffiċjali Maltin responsabbli għal dawn l-eżerċizzji?
Response (BORG, JOE)
Iċ-Chapters li qed jiġu ttrattati fuq bażi multilaterali huma l-politika reġjonali, l-biedja, kontroll finanzjarju kif ukoll il-budget finanzjarju. It-team għall-iscrening multilaterali qed imexxih l-Ambaxxatur Malti għall-Unjoni Ewropea.
L-uffiċjali adetti għal-politika reġjonali kienu s-Sinjuri Frank Psaila, Vince Grech, Tarcisio Zammit, Dr Nikol Bonanno u s-Sinjorina Marlene Bonnici. Fil-każ tal-biedja hemm is-Sinjuri Edward Gauci Borda u Tarcisio Zammit, Dr. Franco Serracino Inglott u Dr. Lino Vella. Fil-każ taż-żewġ chapters l-ohra, għadu ma ġiex deċiż min ser jattendi għalkemm deċiżjoni ser tittieħed ma ddumx in vista tal-fatt li l-iscreening multilaterali fuq dawn iż-żewġ chapters ser isir fid-29 ta` Gunju 1999 (budgetary provisions) u fl-10 ta` Mejju 1999 (financial control).
Bejn Mejju u Lulju ser isir il-bilateral screening f`dawn id-disa chapters fid-dati indikati ma ġenb kull wieħed:
Culture and Audiovisual - 28 May 1999
Common Foreign and Security Policy - 8 June
Industry Policy - 15-16 June
Small and Medium-sized Enterprises - 17 June
Telecommunications - 5-6 July
Science and Research - 7 July
Financial Control - 13 July
Financial Budegetary - 13 July
Education - 14 July
Il-lista ta` uffiċċjali li ser jieħdu sehem fit-taħdidiet għad ma gietx finaliżżata, għalkemm ix-xogħol sabiex jiġu identifikati il-persuni li ser jifformaw parti minn kull team diġa beda.