Jista' l-Ministru jgħid xi programmi edukattivi fl-iskejjel immirati għal tfal minn eta' żgħira qegħdin jitwettqu biex tikber il-kuxjenza favur il-gender equality?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li żewġ għalliema tal-Personal and Social Education kitbu Manwal għall-Għalliema dwar "Lejn l-Ugwaljanza Bejn in-Nisa u l-Irġiel - Programm ta' għarfien". Dan il-Manwal kien ġie ppublikat mill-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara, is-sena l-oħra. Sejrin isiru iżjed laqgħat bejn l-għalliema tal-P.S.E. u din il-Kummissjoni biex dan is-suġġett jiġi żviluppat aħjar.
Fil-Primarja, it-tfal jitgħallmu dwar "Gender Equality" fl-Istudju Soċjali waqt li fis-Sekondarja qed tikber il-kuxjenza favur dan is-suġġett kemm fil-P.S.E. kif ukoll fl-Istudju Soċjali.
Barra b'dan il-mod formali, l-għarfien dwar temi importanti bħal "Gender Equality" qed jiġi infilsat ukoll fil-kurrikulu informali u b'hekk mhux it-tagħlim formali biss imma l-esperjenza kollha li jkollhom it-tfal fl-iskola jwasslu l-istess messaġġ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex ippjanat li l-pensjoni tal-wens tiġi estiża għal nisa miżżewġa, ġuvintur u rġiel miżżewġa li jieħdu ħsieb anzjani fi djarhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Pensjoni tal-Wens titħallas lil persuna li ma tkunx miżżewġa jew persuna armla li tipprova għas-sodisfazzjoni tad-Direttur tas-Sigurta' Soċjali li hi tkun qed tieħu ħsieb waħedha fuq bażi "full-time" u regolarment, tal-ġenitur tagħha jew ħuha, oħtha, nannitha, zijha, missier jew omm tar-rispett jew ħuha jew oħtha tar-rispett li jkun qed jgħix fl-istess dar t'abitazzjoni ta' dik il-persuna u minħabba infermita' jkun kostrett li jgħaddi ħajtu f'sodda jew f'"wheelchair".
Il-ġuvintur diġa jikwalifikaw għal din il-pensjoni. Il-ħsieb ewlieni li għalieh nħolqot il-Pensjoni tal-Wens, kien dak li jagħti kumpens lil dawk il-persuni li jew ikunu kostretti li ma jfittxux mpieg, jew jekk diġa għandhom jitilqu mill-impieg biex jieħdu ħsieb persuna oħra. Dan juri biċ-ċar li persuna li tingħata l-Pensjoni tal-Wens trid tkun tista' tieħu ħsieb lill-persuna l-oħra l-ħin kollu u ma jkollhiex doveri oħra x'taqdi.
Għaldaqstant m'hemmx ħsieb f'dan l-istadju li jsir tibdil fil-liġi kif qed tindika l-Onor. Interpellant.
3.5.99
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' programmi edukattivi maħsuba għall-ġenituri fl-oqsma tal-parental skills u f'dak li huwa sharing of domestic responsibilities qed isiru mill-gvern u/jew aġenziji tal-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
F'dak li għandu x'jaqsam mall-Ministeru tal-Politika Soċjali:
(i) l-Aġenzija Sedqa torganiżża madwar 60 kors fis-sena għal madwar 1,000 ruħ f'dan il-qasam. Il-programm jikkonsisti f'7 laqgħat ta' madwar 90 minuta l-waħda. Matulha, jiġu diskussi suġġetti bħal kif tiżviluppa sens ta' responsabbilta' u dixxiplina, kif ukoll jingħata tagħrif dwar l-alkoħol u drogi oħra;
(ii) is-"Social Welfare Development Programme (SWDP)" tmexxi tliet gruppi ta' sapport msejjħa 'Aħna w Uliedna' miftuħin għall-ġenituri li jixtiequ jsaħħu l-ħiliet tagħhom ta' trobbija tat-tfal u komunikazzjoni mall-membri tal-familja. Kull grupp huwa miftuħ u jibqa' għaddej bi programm marbut mall-ħtiġijiet individwali tal-membri tal-grupp. Wieħed mill-gruppi ta' sapport huwa miftuħ għall-klijenti ta' "social workers" kemm tal-SWDP kif ukoll ta' aġenziji u dipartimenti oħra. Iż-żewġ gruppi l-oħra jitmexxew ġewwa Bormla. Il-kontenut tal-laqgħat jinkludi kif u għaliex il-koppja għandha u tista' taqsam ir-responsabbiltajiet domestiċi;
(iii) fil-każ tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Familja, dan ma joffrix korsijiet fil-"parental skills", imma fis-servizzi personaliżżati li joffri, jagħti pariri diretti lill-ġenituri fuq l-aħjar metodi ta' trobbija ta' l-ulied skond iċ-ċirkostanzi ta' kull familja li s-"social workers" tad-dipartiment ikollhom x'jaqsam magħhom.
Permezz tas-"psychological" u l-"counselling services", id-dipartiment joffri wkoll servizzi personaliżżati ta' "counselling", minn "counsellor" progessjonali, fuq medda ta' tmien ġimgħat konsekuttivi, lil dawk il-ġenituri li jkunu jeħtieġu dawn is-servizzi.
Fil-każ partikolari tal-Programm Fejda għall-tfajliet bi problemi ta' mġieba, li qed jitmexxa mid-dipartiment flimkien mat-"Trustees" tal-Istitut Vincenzo Bugeja, tingħata għajnuna lill-ġenituri ta' dawn it-tfajliet waqt il-"case conferences" li jsiru b'mod regolari fuq kull tfajla u li fihom, ħafna drabi, jkunu mistednin jieħdu sehem l-istess ġenituri tagħhom.
It-taqsimiet ta' l-"Adoption" u tal-"Fostering" tal-istess dipartiment jorganiżżaw "support groups" darba fix-xahar lill-ġenituri prospettivi u anke wara li tkun saret l-adozzjoni jew il-"fostering". Żewġ suġġetti li jiġu diskussi f'dawn il-gruppi huma il-"parental skills" u "sharing of domestic responsibilities". Dan isir ukoll fit-taħdidiet li jsiru darba kull tliet xhur mill-istess żewġ taqsimiet.
It-taqsima socio-legali tad-dipartiment toffri għajnuna lill-ġenituri fuq l-aħjar metodu tat-trobbija ta' l-ulied f'kull każ ta' delinkwenza taż-żagħżagħ li tirċievi kemm mill-qorti tal-minorenni jew mill-Kummissarju tal-Pulizija.
3.5.99
Jista' l-Ministru jgħid x'beħsiebu jagħmel biex iwaqqaf l-isfruttament ta' nisa li jaħdmu part-time b'kondizzjonijiet ta' xogħol mill-agħar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment tax-Xogħol għandu sezzjoni ta' l-Ispettorat/Infurzar tal-liġijiet tax-Xogħol fejn fiha jilqa' ilmenti dwar kundizzjonijiet tax-xogħol.
Kull fejn jinstab jew tiġi rrappurtata xi rregolarita', din tiġi nvestigata mill-Ispetturi tad-Dipartiment bil-għan li dik l-irregolarita' tiġi retifikata.
Id-Dipartiment jinvestiga kull ilment, sew jekk jikkonċerna każ ta' 'full-timer' u sew ta' 'part-timer', nisa jew irġiel.
Nagħmel referenza wkoll għall-A.L. 61 ta' 1996 dwar benefiċċji li jingħataw lil ħaddiema 'part-time' jekk dawn jaħdmu għal mhux inqas minn 20 siegħa fil-ġimgħa.
3.5.99
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-gvern dwar it-twaqqif ta' Child Day Care Centres u/jew sistemi oħra ta' appoġġ fil-kura tat-tfal waqt il-ħin tax-xogħol għan-nisa li jaħdmu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Membru li tlabt lill-"Management Efficiency Unit" ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru sabiex tħejji "post-implementation audit" taċ-"Child Day Care Centre" li kien infetaħ fil-Kalkara. Dan l-istadju għandu jieħu in konsiderazzjoni l-esperjenzi ta' Ċentri oħra simili fis-settur pubbliku.
Fl-isfond tar-riżultat ta' dan l-istadju kif ukoll a bażi ta' konsiderazzjonijiet oħra, il-Gvern imbagħad irid jiddetermina x'għandha tkun l-aħjar "policy" f'dan il-qasam.
3.5.99
Jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jressaq reviżjoni għal-liġi tac-CERA?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku (MCED) ħatar sotto-kumitat sabiex jagħmel proposti lill-Gvern dwar tibdiliet li għandhom isiru fil-ligi taċ-ĊERA.
Jidhirli li jkun xieraq jekk nistenna għal żmien raġonevoli sakemm dawn il-proposti jintbagħtu lill-Gvern.
3.5.99
Jista' l-Ministru jgħid fil-bini tad-Diviżjoni u tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u tas-Segretarju Parlamentari fil-Furjana, kemm hemm impjegati tal-gvern li xogħolhom hu li jnaddfu l-uffiċini, is-swali, l-kuriduri u t-turġien ta' dan il-bini? Minn Settembru, 1998 sa Frar 1999, kem intnefqu flus fuq materjal ta' tindif? Kemm hemm f'kull sular persuni li xogħolhom hu li jżommu l-post nadif? X'inhu s-salarju tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fis-sular ta' fuq, fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni hemm erba' impjegati tal-gvern li jnaddfu. Dawn l-impjegati huma General Hands, fi skali 18/19.
Il-materjal ta' tindif jinġieb prinċipalment mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Xi materjal ieħor ta' tindif, li ma jkunx jista' jinġieb minn hemmhekk jinxtara mill-Ministeru. L'ispiża li ntefqet tammonta għal Lm26.63.
Is-Segretarjat Parlamentari jimpjega persuna waħda (1) fuq xogħol ta' tindif. Ix-xogħol jinkludi tindif ta': uffiċini, boardroom, pantry, toilets.
L-iskala tas-salarju ta' l-imsemmija impjegata hija dik Numru 19 (Lm2705 x 57 - Lm3104). Bħalissa, s-Segretarjat jinsab mingħajr servizz ta' impjegata fuq tindif wara li din kienet ġiet trasferita għad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fis-17 ta' Frar 1999 u s'issa ma nkisbitx sostituzzjoni għaliha.
Sabiex jagħmel tajjeb għal dan in-nuqqas, is-Segretarjat ħa ħsieb li jikseb servizz ta' tindif alternattiv wara sejħa għall-offerti (Quotations). Dan is-servizz ġdid qiegħed isir permezz tad-ditta Bad Boys Ltd b'effett mid-29 ta' Marzu 1999.
L-ammont li ntefaq fuq materjal ta' tindif bejn Settembru 1998 u Frar 1999 huwa ta' madwar Lm26.
Id-dipartiment taż-Żgħażagħ u Sports jimpjega tliet (3) persuni fuq xogħol ta' tindif. Ix-xogħol jikkonċerna prinċipalment tindif ta' l-uffiċini.
L-iskala tas-salarji ta' l-imsemmija impjegati hija dik Numru 18 (Lm2843 x 59 - Lm3256).
L-ammont li ntefaq fuq materjal ta' tindif bejn Settembru 1998 u Frar 1999 huwa ta' madwar Lm18.
In-numru ta' l-impjegati tal-Gvern li qed jagħmlu xogħol ta' tindif fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni huwa 10, imqassmin hekk:
Basement 3
Ground Floor 2
First Floor 1
Second Floor 4
Minn Settembru 1998 sa Frar 1999 intefqu Lm1190 fuq materjal ta' tindif.
Id-Diviżjoni tħallas is-somma ta' Lm2767.918 fix-xahar għas-salarji ta' dawn il-persuni.
Minkejja li suppost li t-taxxa tal-VAT ma tolqotx lill-edukazzjoni, jista' l-Ministru jgħid għaliex qed tiġi imposta fuq ħwejjeġ li jinxtraw għall-istudenti, kif tindika ċ-ċirkolari li qed ngħaddilek ma' din il-mistoqsija?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-liġi dwar it-Taxxa Fuq il-Valur Miżjud, l-istess bħall-liġi ta` qabilha dwar it-Taxxa tad-Dwana u tas-Sisa, tipprovdi li l-provvista ta` edukazzjoni, riċera edukattiva u tagħlim privat kif indikat taħt Partita 11 tat-Taqsima Wieħed tar-Raba` Skeda ta` l-istess liġi huma eżenti.
Ħwejjeġ li jistgħu jintużaw bħala uniformijiet għall-istudenti m`humiex meqjusa bħala provvista ta` edukazzjoni u għaldaqstant m`humiex eżenti.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni biex jappoġġja l-petizzjoni li nġabret mill-ġenituri tat-tfal ta' l-iskola primarja Tarxien B biex kuljum jintbagħat pulizija ħdejn l-iskola ħalli jiġi evitat il-periklu għat-tfal?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li pulizija jkun ordnat kuljum fil-ħin tad-dħul u ħruġ tat-tfal mill-kumpless ta' skejjel li minnu tagħmel parti l-Iskola Primarja B Tarxien.
Jista' l-Ministru jara li kull meta jkun hemm skola u fil-ħin tad-dħul u tal-ħruġ tat-tfal ta' l-iskola primarja Tarxien B ikun hemm pulizija ħdejn l-iskola biex jevita periklu għat-tfal? Għaliex mhux qed jintbagħat pulizija kull meta jkun hemm skola?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kien u għadu jkun hemm assenjati regolarment żewġ pulizija fejn l-iskola li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant fil-ħinijiet tad-dħul u l-ħruġ tat-tfal.
03.05.99 (a.m.)
Jistgħu jittieħdu passi biex fl-aħħar issir it-triq li twassal għall-iskola primarja Tarxien B peress li ilha tistenna snin twal biex it-triq tinkesa u ma tibqax imħarbta tant li lanqas il-karozzi li jwasslu lit-tfal ma jidħlu fiha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq għamel `assessment` tax-xogħol li hemm bżonn fil-lokalita` biex is-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant ikun jista` jitwettaq.
Jista' l-Ministru jgħid x'tagħrif jeżisti mir-rekords mediċi fl-isptarijiet u ċ-ċentri tas-saħħa li juru problemi tad-dahar fi tfal u adoloxxenti fl-eta' bejn is-7 snin u l-14-il sena? Jista' jagħti statistika dwar dawn il-problemi tad-dahar għas-snin 1997 u 1998?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Interpellant ikun iktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu. Ninfurmah ukoll li l-istudju tal-kawżi tal-mard tad-dahar huwa suġġett kumpless li ma jistax isir fi żmien qasir permezz ta' eżami retrospettiv ta' rekords mediċi eżistenti, imma jirrikjedi studju epidemjoloġiku 'ad hoc'.
Peress li l-Avis 2 jgħid l-levies kollha ta' protezzjoni jridu jitneħħew, jista' l-Ministru jgħid kif dan mhux se jkollu impatt negattiv fuq is-setturi lokali tal-biedja u sajd?
Response (BORG, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant li jressaq din il-mistoqsija parlamentari lil-Ministeru konċernat.
Peress li l-Avis 2 jgħid li levies ta' protezzjoni jridu jitneħħew kollha, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kif it-tneħħija ta' levy fuq ħxejjex, frott u ħut frisk importat mhux se taffettwa ħażin lill-bdiewa, raħħala u sajjieda?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-protezzjoni għall-prodotti tal-biedja hija suġġetta għal negozjati mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej. Jiena nserraħ ras l-Onor. Interpellant kif ukoll il-bdiewa kollha li l-interessi tal-biedja Maltija ser jiġu salvagwardjati matul dawn in-negozjati.
Infakkar l-Onor. Interpellant li kien l-Onor. Alfred Sant li kien ġie rappurtat li qal li l-protezzjoni għall-agrikoltura kellha titneħħa fl-ambitu taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles għax l-agrikoltura ma' kienet xejn speċjali. B'kuntrast ma' dan il-Gvern tal-lum qed jiddikjara li bi ħsiebu jinnegozja kundizzjonijiet favorevoli għall-biedja Maltija fl-ambitu ta' sħubija sħiħa għax l-Unjoni Ewropea u l-Gvern preżenti, iqisu lill-biedja bħala settur speċjali.
Peress li qed jiġi propost li jkun hemm tnaqqis ta' 30% tal-voti attwali ta' l-Unjoni Ewropea għas-settur tal-biedja tal-pajjiżi membri, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kif dan it-tnaqqis se jaffettwa lill-pajjiżna u ċioe' s-settur tal-biedja lokali?
Response (BORG, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant li jressaq din il-mistoqsija parlamentari lil-Ministeru konċernat.
B'riferenza għall-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija fl-Unjoni Ewropea u l-fatt tas-sitwazzjoni fejn bdiewa tal-pajjiżi membri qed jirċievu prezzijiet baxxi għall-prodotti tagħhom u l-konsumaturi jħallsu prezzijiet għolja minkejja f'dan it-tnaqqis fid-dħul tal-bdiewa, bħal fil-każ ta' Franza fejn matul l-aħħar snin il-prezz taċ-ċanga niżel għal 17% għar-raħħala, iżda għall-konsumaturi Franċiżi għola b'8%, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kif din is-sitwazzjoni se tolqot lill-bdiewa u l-konsumaturi tal-gżejjer tagħna?
Response (BORG, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant li jressaq din il-mistoqsija parlamentari lil-Ministeru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta fil-fatt saru l-ewwel provi sabiex tiġi introdotta s-sistema tal-jambo bags fil-packing station ta' Ta' Qali? Jikkonferma l-Ministru li din is-sistema kienet qed tiġi ntrodotta bil-ħsieb li jiġu evitati spejjeż fil-handling ta' l-esportazzjoni tal-patata fil-futur? Din is-sistema tal-jambo bags se tiffranka l-ispejjeż tal-handling tal-patata?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-patata ġiet esportata għall-ewwel darba fil-Jumbo Bags fl-1998 fuq l-insistenza ta' l-importatur Olandiż sabiex huwa (l-importatur) jiffranka spejjeż tal-handling fl-Olanda. F'Malta din is-sistema żiedet l-ispejjeż lokali tal-handling. Il-Ministeru tiegħi ħa ħsieb li nvesta f'loading platform u faċilitajiet oħra sabiex l-ispejjeż jiġu llimitati kemm jista jkun.
Barra minhekk, l-Onor. Interpellant għandu jiftakar li kien hu stess li rabat lill-bdiewa lokali b'kuntratt għas-snin 1999-2001 li permezz tieghu l-ispejjez tal-esportazzjoni ser jiżdiedu b' 17 Guilder/metric ton.
Peress li mill-banek ta' l-oppożizzjoni l-Ministru tal-Biedja u Sajd kien jgħid li s-sistema tal-jambo bags kemm-il darba tiġi ntrodotta se tagħmel il-patata soppa, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'kienu r-riżultati ta' din is-sistema u cioe' jekk ikkawżatx ħsara fil-patata li ġiet esportata matul l-istaġun tas-sena l-oħra?
Response (ZAMMIT, NINU)
Infakkar lill-Onor. Interpellant li jien kont saqsejt jekk il-patata fil-jumbo bags kienetx ser tiġi esportata f'refrigerated containers għax kemm -il darba dan ma kienx hekk, allura il-patata kienet issir soppa fl-istess jambo bags. Inżid ngħid li għalkemm il-patata fl-Olanda jidher li ma waslitx f'kundizzjoni ħażina, il-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd qiegħed jimpenja ruħu sabiex jittejbu l-faċilitajiet kollha meħtieġa, inkluż il-metodu tat-tagħbija. Aħna rridu nassiguraw l-inqas ħsara possibli u li jiġu evitati spejjeż żejda bħal ma sar is-sena li għaddiet sabiex it-talba tal-importatur Olandiż setgħet tiġi milqugħa, u dan iżjed w iżjed wara li l-Onor. Interpellant għamel kuntratt li permezz tiegħu l-ispejjeż tal-esportazzjoni żdiedu b' 17 guilders/metric ton.
Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi ttieħdu fl-iskejjel sabiex iħajru lit-tfal jieħdu sehem fl-isport? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk l-edukazzjoni fiżika hux qed tingħata aktar attenzjoni fl-iskejjel tagħna?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ttieħdu diversi inizjattivi biex iħajru lit-tfal jieħdu sehem fl-isport.
(i) Żdied in-numru ta' drabi meta il-P.E. peripatetic
teacher iżur l-iskola.
(ii) Għat-tfal ta' l-iskejjel primarji jkunu organizzati
"triangular/quadriangular tournaments" fost teams
minn skejjel diversi. Ikunu organizzati wkoll
Regional Sports Festivals fejn għadd ta' teams minn
kull skola jieħdu sehem f'diversi logħob u żfin
folkoristiku. Għat-tfal ta' l-iskejjel sekondarji
hu organizzat l-Olympic Youth Sports Fest bi
programm ta' għoxrin sport differenti.
(iii) Klabbs u Għaqdiet sportivi kif ukoll Kunsilli
Lokali qed ikollhom l-opportunita` li jikkollaboraw
mal-Kunsill ta' l-Iskola, ma għalliema u mal-
Physical Education Section f'inizjattivi li
jippromwovu l-isport.
Xhieda li l-Edukazzjoni Fiżika qed tingħata aktar attenzjoni fl-iskejjel tagħna hu l-fatt li fil-bidu ta' din is-sena skolastika n-numru ta' għalliema "peripatetic" f'dan is-suġġett fl-iskejjel primarji f'Malta żdied minn ħdax għal sbatax.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-ingaġġ ta' trainee pilots ma' l-Air Malta? Kemm kien hemm minnhom li ma kellhomx il-Malti bħala suġġett? Kemm se jintgħażlu/intgħażlu sabiex jibdew dan it-taħriġ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Wara l-aħħar sejħa, kien hemm 21 applikazzjoni għal 'trainee pilots' ma' l-Air Malta, fosthom tlieta li ma kienux jinkludu l-kwalifika tal-Malti.
Wara l-ewwel interview kien hemm 14-il applikant, li bħalissa jinsabu barra minn Malta, għal 'further evaluation tests', u dawk li jgħaddu minn dawn it-testijiet ikunu jistgħu ikomplu l-kors ta' 'trainee pilot' mal-Kumpanija.