Legislature:
Category:
Reset
Active:

Impjiegi

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mill-1994 sa l-1998, kemm kienu qed jaħdmu nisa fuq bażi fulltime u part-time, settur settur?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella A li turi kemm kien hemm nisa jaħdmu fuq bażi "full-time" u Tabella B turi kemm kien hemm nisa jaħdmu fuq bażi "part-time" sa l-aħħar ta' Diċembru 1994, 1995, 1996, 1997 u 1998, maqsuma skond is-setturi ekonomiċi. Din l-informazzjoni tiġi ppublikata minn żmien għal żmien mill-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika f' "News Releases" bħal dik mehmuża ma din ir-risposta. 3.5.99
Leg 9 PQ #5443 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Onor. Sant Alfred — Dibattitu dwar l-ekonomija u l-finanzi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4627, jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex kull darba jwaħħal "fil-politika żbaljata" tal-Gvern Laburista għal qagħda ħażina finanzjarja u ekonomika meta fir-rapport riċenti tal-kummissjoni ta' l-Unjoni Ewropea, f'paġna 12, il-kummissjoni qalet:- "In 1997, however, the current account deficit had come down to 5.4% as result of increased tourism revenues and a decline in the trade deficit", ċertifikat ċar li l-politika Laburista kienet qed tħalli riżultati pożittivi?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Naħseb li l-Onorevoli Nterpellant taqbel miegħi li meta wieħed jikkwota minn rapporti, dan għandu jsir b'mod li jirrifletti sewwa l-ispirtu ta' dak li jkun qiegħed jingħad f'dawk ir-rapporti. Għalhekk tajjeb li nfakkar li l-pożizzjoni tal-kont kurrenti tal-bilanc tal-pagamenti fil-1997 kienet turi tnaqqis ta' aktar minn Lm6 miljuni fl-esportazzjoni, li kif jaf kulħadd hija essenzjali għal pajjizna. Barra minn dan, huwa nkwetanti li fl-istess sena kienet naqset b'aktar minn Lm22 miljun l-importazzjoni ta' prodotti biex ikomplu jinħadmu f'Malta. Dwar it-turiżmu, ta min jinnota li d-dhul ras għal ras minn dan is-settur fil-1997 kien tela b'rata ferm anqas minn dik tal-1996, u dan fil-fatt stagna u rreġistra tnaqqis matul l-ewwel 9 xhur tas-sena l-oħra. Fl-aħħar mill-aħħar, dan kollu kien ifisser tnaqqis ta' xogħol u ġid għall-ħaddiema Maltin. Fil-fatt, il-qagħad fil-1997 żdied b'aktar minn 900 ruħ filwaqt li d-dħul medju fil-ġimgħa tal-ħaddiem f'termini rejali kien naqas b'1.3 fil-mija. Għalhekk m'hemmx dubju li dan huwa riżultat tal-politika żbaljata tal-Gvern preċedenti.
Leg 9 PQ #5824 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Tfal/adoloxxenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tagħrif għandu d-Dipartiment tas-Saħħa dwar problemi li minnhom ibatu tfal u adoloxxenti Maltin u Għawdxin fl-eta' ta' bejn it-3 snin u s-16-il sena? Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawn il-problemi u mard u kemm hemm tfal f'kull każ li jbatu mill-mard?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. Interpellant ikun iktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu. Rapporti epidemjoloġiċi 'ad hoc' fuq firxa wiesgħa kif qed jitlob l-Onorevoli, ma jistgħux isiru fi ftit ġranet.
Leg 9 PQ #5825 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Servizz awdjoloġiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li jingħataw servizz awdjoloġiku mill-Isptar San Luqa? X'etajiet huma? X'tip ta' servizzi jingħataw? kemm idumu biex jiġu moqdija? Kif inhu meqjus il-kwalita' tas-servizz?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u tingħata risposta f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #5826 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Servizzi awdjoloġiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitwaqqaf il-kumitat biex jeżamina s-servizzi awdjoloġiċi li jingħataw mill-Isptar San Luqa li ġie mwiegħed lill-Għaqda Persuni Neqsin mis-Smigħ f'Novembru li għadda? Min se jkun f'dan il-kumitat?

Response (DEGUARA, LOUIS)

NInforma l-Onor. Interpellant li l-Kumitat li qed jirreferi għalih inħatar. Dan il-Kumitat Konġunt bejn il-Ministeru tas-Saħħa u l-Għaqda Nazzjonali għat-Tfal u Żgħażagħ neqsin mis-smiegħ hu magħmul kif ġej: Chairperson: Is-Sur Joseph Camilleri (KNPD) Membri: Is-Sur Chris Ripard (NAYD) Ms. Carmen Cascun (Diviżjoni tal-Edukazzjoni) Dr. Anthony Fenech (Diviżjoni tas-Saħħa) Il-ħatra tal-membri tibqa fis-seħħ sal-31 ta' Diċembru 1999.
Leg 9 PQ #5827 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Persuni li jbatu minn problemi tad-dahar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'rekords għandu d-Dipartiment tas-Saħħa dwar persuni ta' etajiet differenti li jbatu minn problemi tad-dahar? Jista' l-Ministru jagħti dan it-tagħrif għas-sena 1997 u 1998?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku dwar it-tip ta' problemi tad-dahar li qed jirreferi għalihom.
Leg 9 PQ #5828 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Tfal/adoloxxenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi inizjattivi maħsuba mill-awtoritajiet tas-saħħa biex tqum aktar kuxjenza dwar x'għandu jsir għal stil ta' ħajja sana fost tfal u adoloxxenti ta' bejn it-3 snin u s-16-il sena? Fiex jikkonsistu dawn l-inizjattivi? Meta se jiġu organizzati?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant li hemm diversi inizjattivi maħsuba mill-Health Promotion Department biex inrawnu fost it-tfal u ż-żgħażagħ il-kunċett ta' stil ta' ħajja aktar b'saħħitha. Sa mill-1995, Malta, permezz tal-Health Promotion Deparment, u bi ftehim bejn il-Ministeru ta l-Edukazzjoni u l-Ministeru tas-Saħħa, ssieħbet fil-European Network of Health Promoting Schools għall-'pilot phase' tal-proġett li dam sejjer tlett snin. Matul dan iż-żmien, ġew imħeġġa jorgannizzaw attivitajiet u jħejju policies biex jgħinu lit-tfal u ż-żgħażagħ fl-għażla ta' stil ta' ħajja li tgħinhom aktar għal saħħithom. Il-Health Promotion Department f'dan il-perjodu ta l-għajnuna tiegħu f'dik li hi konsulenza għal dan il-proġett, materjal u provvediment ta' esperti li tkellmu fuq diversi suġġetti. Issa li l-'pilot phase' spiċċat, matul is-sena skolastika kurrenti, qed jiġi evalwat il-proġett sabiex insaħħu dak kollu li kien suċċess u jiġu diskussi l-problemi li nqalgħu. Fl-istess ħin qed jiġi ppjanat kif ser nimxu l-quddiem ħalli minn 'pilot phase' ngħaddu għal attivitajiet stabbiliti ta' Health Promotion fl-iskejjel. Fost pjanijiet oħra, hemm il-ħsieb li nħeġġu kemm jista' jkun numru ta' skejjel biex isiru Health Promoting Schools kif ukill il-kunċett ta' Health Promotion jiġi inklus kemm fil-'pre-service training' tat-Teachers, kif ukoll fl-'in-service training'. Huwa maħsub ukoll li jsir 'survey' fuq il-'Health Behaviour' ta ' tfal u adoloxxenti ta' bejn it-3 u s-16 il-sena. Minbarra dan, il-Health Promotion Department jiġi mistieden ġo skejjel regolarment biex esperti fl-oqsma tagħhom jagħtu talks kemm lill-ġenituri kif ukoll lit-tfal. Il-materjal ippublikat mill-Health Promotion Department jintbagħat regolarment lill-iskejjel. Il-Health Promotion Department għandu l-ħsieb ukoll li jippublika materja apposta għat-tfal u ż-żgħażagħ ta' din l-eta'. Hemm il-ħsieb ukoll, imma għalissa għadha fil-fażi embrijonika, li skond kif imwiegħed fil-programm elettorali, tiġi mwaqqfa taqsima ġdida ta' kura għaż-żgħażagħ li tieħu ħsieb problemi li jolqtu lilhom bħall-ikel, mard trasmess sesswalment, stress psikoloġiku fi żmien l-eżamijiet u l-għażla tal-karriera, minbarra d-droga u x-xorb.
Leg 9 PQ #5911 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Clerical Ward Assistants

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk minn Settembru, 1998 'il hawn ġewx impjegati kandidati li għaddew mill-eżami tal-Clerical Ward Assistants li sar madwar erba' snin ilu? Jekk fl-affermattiv, kemm kien in-numru ta' dawk li ġew impjegati? Kemm minn dawk li ġew impjegati kienu Maltin u kemm kienu Għawdxin ? Jekk saru xi mpjiegi, dawn l-impjiegi kienu temporanji jew permanenti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant li minn Settembru 1998 l-hawn ma' ġew impjegati l-ebda Ward Clerical Assistants, li għaddew mill-eżami erba' snin ilu.
Leg 9 PQ #5927 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Agrikoltura u Sajd — Refurbishment

Question

Peress li l-Ministru għadu ma weġibx minn liema vot se jittieħdu l-ispejjeż tax-xogħlijiet ta' refurbishment li qiegħed isir fil-Ministeru, jista' l-Ministru fil-fatt iwieġeb din id-domanda?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-ispejjeż imsemmija s'issa qed jitħallsu hekk: a) mill-voti rikurrenti 51 għas-sena 1998 mill-item numru 61 - Special Expenditure, u b) mill-voti rikurrenti 52 għas-sena 1999, mill-items numru 22 - Materials and Supplies u numru 23 - Repairs and Upkeep.

Buġibba/Tal-Vecca — Xogħlijiet

Question

Peress li fl-estimi ta' l-amministrazzjoni preċedenti Laburista kienu ivvotati flus sabiex isiru xogħlijiet fuq il-moll ta' Buġibba u tal-Vecca, liema proposti ġew konfermati fil-Parlament fl-estimi ta' l-Awtorita' Marittima għas-sena 1999, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta se jibdew dawn ix-xogħlijiet issa li saret is-sejħa għall-offerti? Jista' l-Ministru jara li jkun assigurat li x-xogħlijiet isiru skond il-pjan ħalli l-flus ivvotati ma jintużawx għal xi skopijiet oħra li jista' jkollha l-Awtorita' Marittima?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita` Marittima wara l-bidla fil-Gvern f`Settembru 1998, kienet ħarġet sejħa għall-offerti għal xogħolijiet fuq il-Moll ta` San Pawl il-Baħar fl-1 ta` Frar 1999. Din is-sejħa għalqet fil-25 ta` Frar 1999. Il-Bord il-ġdid ta` l-Awtorita` jkun jista` jibda l-proċess ta` evalwazzjoni ta` din is-sejħa.
Leg 9 PQ #5929 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Malta/Libja — Protokoll

Question

B'riferenza għall-protokoll ta' koperazzjoni bejn Malta u Libja għall-oqsma tas-setturi tal-biedja u sajd u r-risposta f'seduta riċenti tal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin dwar dan is-suġġet, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-Ministeru tal-Agrikoltura u Sajd qed issegwi b'interess l-iżviluppi kollha fuq l-inizzjattivi nklużi fil-protokol bejn Malta u l-Libya dwar il-Biedja u Sajd.
Leg 9 PQ #5930 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Biċċerija

Question

Peress li fil-11 ta' Marzu, 1999 wara xi diżgwid li nqala bejn it-tabib li kien ta' l-għassa fuq il-linja tal-majjal u xi biċċiera, l-istess tabib ħalla l-biċċerija u ma rritornax lura, u peress li jirriżulta li ma kien hemm ħadd biex jiċċertifika li l-laħam kien ħieles mill-mard u tajjeb għall-konsum tal-bniedem, jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni kif dan il-laħam ġie mibjugħ kontra r-regolamenti tas-servizz veterinarju?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li għalkemm it-tabib tal-linja kellu jħalli l-post tiegħu, id-Direttur tas-Servizz Veterinarju bl-għajnuna tal-lay inspector ħa r-risponsabbilita ta' l-ispezzjoni u fl-ebda mument ma ġew miksura xi regolamenti jew il-konsumatur tpoġġa f'xi riskju għas-saħħa tiegħu.
Leg 9 PQ #6074 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sports — Programm Spoprt for All

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bord li jmexxu l-Programm Sport for All? Jista' l-Ministru jgħid ukoll xi pjanijiet għandu l-gvern biex dan il-programm jitħaddem?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Bord ta' Sport for All tlaqqa' għall-ewwel darba nhar il-Ħamis 15 ta' April 1999. Il-membri huma: Chairman - Dr H. Messina Ferrante Viċi-Chairman - Is-Sur Tony Debono Membri - Is-Sur Daniel Buagiar Is-Sur Joseph Urpani Is-Sur Mark Farrugia Is-Sur Envic Galea Ms Mariella Piscopo Ms G. van Vuuren Cassar Ms Tanya Zahra Segretarju - Is-Sur John Farrugia S'issa tlesta abbozz ta' politika li fuqha jista' jimxi dan il-Bord. L-ewwel xogħol tal-Bord huwa li jlesti policy document fuq Sport for All u jniedi diskussjoni wiesgħa fuqu. Wara jgħaddi biex ifassal programm ta' attivitajiet sabiex jimplementa din il-politika fuq il-livelli differenti.
Leg 9 PQ #6075 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sports — Faċilitajiet sportivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-ħin allokat għall-edukazzjoni fiżika u għall-isport in ġenerali, kif ukoll it-tagħmir u l-faċilitajiet sportivi, jiżdiedu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm il-ħsieb li 'l quddiem l-Edukazzjoni Fiżika minbarra li tibqa' bil-ħin ta' "core subject" tkun ukoll offruta lill-istudenti bħala suġġett "option". B'dan il-mod il-lezzjonijiet ta' l-Edukazzjoni Fiżika jiżdied għal erbgħa fil-Forms 3, 4 u 5 tal-Junior Lyceum u għal ħamsa fil-Forms 4 u 5 ta' l-Area Secondary School. Iż-żieda fit-tagħmir sportiv fl-iskejjel hija parti mill-amministrazzjoni normali ta' l-iskola. Dwar iż-żieda tal-faċilitajiet sportivi l-programm elettorali tal-gvern iwiegħed il-bini ta' tliet Kumplessi Sportivi u dwar dan ġa qegħdin isiru studji u stħarriġ.
Leg 9 PQ #6076 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti universitarji ntitolati u attwalment jieħdu l-istipendju? Jista' jgħid, xahar b'xahar minn Ottubru, 1998, sal-lum, kemm tħallsu flus fi stipendji?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-preżent, hemm 4026 student li qed jirċievu stipendju mill-Universita' ta' Malta. L-ammonti li tħallsu fi stipendji minn Ottubru 1998 'l hawn huma kif ġej: Ottubru 1998: Lm325060.24 Novembru 1998: Lm435740.98 Diċembru 1998: Lm481862.45 Jannar 1999: Lm383937.36 Frar 1999: Lm384770.99 Marzu 1999: Lm385228.17

Impjiegi — Korrimenti fuq il-post tax-xogħol

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5724, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bir-rakkmandazzjonijiet li saru lis-sidien ta' l-azjendi privati fil-144 spezzjoni li saru sabiex jinżammu l-istandards tas-sigurta' fuq il-post tax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-postijiet tax-xogħol li kienu spezzjonati minn Spetturi għas-Saħħa u s-Sigurta' kienu varji u fihom issir firxa wiesgħa ta' xogħolijiet differenti. Ir-rakkomandazzjonijiet li saru allura kienu jirriflettu mhux biss dan il-fatt, iżda wkoll il-perikli li ġew identifikati u li kienu jvarjaw skond in-natura tax-xogħol. Fi kwalunkwe każ, ir-rakkomandazzjonijiet kienu bbażi fuq Att Numru VII tal-1994, u fuq ir-regolamenti maħruġa taħtu. L-iktar rakkomandazzjonijiet komuni kienu jikkonċernaw in-nuqqas ta' passi biex "employers" ineħħu perikli jew inaqqsu riskji kaġunati mill-użu u ħażna ta' kimika fuq il-post tax-xogħol, nuqqasijiet relatati mal-ħruġ u mal-użu ta' "personal protective equipment", in-nuqqas ta' certifikar ta' "lifts" u "hoists", nuqqas ta' superviżjoni, kif ukoll in-nuqqas ta' organiżżar ta' eżamijiet mediċi għall-ħaddiema. 3.5.99
Leg 9 PQ #6116 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Patata — Esportazzjoni

Question

Peress li l-Ministru f'laqgħa riċenti għall-bdiewa qal li jaqbel li l-packing tal-patata esportata jsir fil-5 kilo bags flok fil-jambo bags u li huwa dovut għall-kuntratt il-ġdid li sab li dan il-packing ta' 5 kilos ma jistax isir, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li tħejja mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura jew mill-bord li bih il-Ministru wasal għal din il-konklużjoni?

Response (ZAMMIT, NINU)

Fl-ebda laqgħa u fl-ebda ħin ma għidt li l-patata għanda tiġi mgħobbija f'5kg bags.
Leg 9 PQ #6268 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Gżira — Proġett ta' Manoel Island

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il residenza se taffetwa l-link road ġdida konnessa mal-proġett ta' Manoel Island fi Triq Luqa Briffa, Gżira?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #6269 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Towing ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura ġew towed away mit-toroq matul dawn l-aħħar 12-il xahar, kull xahar separatament? Minn liema lokalitajiet ittieħdu dawn il-vetturi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-dettalji mitluba mill-Onorevoli Interpellant huma kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 03.05.99 (p.m.)